Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Tgħallem mill-​Kelma t’Alla

Kif Tistaʼ Tagħraf il-Qima Vera?

Kif Tistaʼ Tagħraf il-Qima Vera?

Dan l-​artiklu jqajjem mistoqsijiet li għandek mnejn ġieli staqsejt u juri fejn tistaʼ taqra t-​tweġibiet fil-​Bibbja tiegħek. Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jieħdu pjaċir jiddiskutu dawn it-​tweġibiet miegħek.

1. Hemm biss reliġjon waħda vera?

Ġesù għallem lis-​segwaċi tiegħu reliġjon waħda biss, ir-​reliġjon il-​vera. Hija bħal triq li twassal għall-​ħajja. Dwar din it-​triq, Ġesù qal: “Ftit huma dawk li jsibuha.” (Mattew 7:14) L-​unika qima li jaċċetta Alla hi dik ibbażata fuq il-​Kelma tiegħu tal-​verità. L-​aduraturi veri kollha huma magħqudin f’fidi waħda.—Aqra Ġwanni 4:23, 24; 14:6; Efesin 4:4, 5.

2. Għala hemm tant reliġjonijiet differenti li jgħidu li huma Kristjani?

Profeti foloz ikkorrompew il-​Kristjanità u użawha biex iressqu ’l quddiem l-​interessi tagħhom stess. Kif bassar Ġesù, huma jpinġu lilhom infushom bħala n-​“nagħaġ” tiegħu imma jaġixxu bħala lpup imġewħin. (Mattew 7:13-​15, 21, 23) Il-​Kristjanità falza żviluppat speċjalment wara l-​mewt tal-​appostli taʼ Ġesù.—Aqra Atti 20:29, 30.

3. X’inhuma xi affarijiet li jagħmlu l-​qima vera differenti minn oħrajn?

L-​aduraturi veri jirrispettaw il-​Bibbja bħala l-​Kelma t’Alla. Huma jistinkaw biex jgħixu fi qbil mal-​prinċipji tagħha. B’hekk, ir-​reliġjon il-​vera hija differenti minn reliġjon ibbażata fuq l-​ideat tal-​bnedmin. (Mattew 15:7-​9) L-​aduraturi veri ma jippritkawx ħaġa u mbagħad jagħmlu oħra.—Aqra Ġwanni 17:17; 2 Timotju 3:16, 17.

Ir-​reliġjon il-​vera tonora l-​isem t’Alla, Ġeħova. Ġesù għamel l-​isem t’Alla magħruf. Hu għen lin-​nies isiru jafu lil Alla u għallimhom jitolbu biex jitqaddes l-​isem t’Alla. (Mattew 6:9) Fejn tgħix int, liema reliġjon tippromwovi l-​użu t’isem Alla?—Aqra Ġwanni 17:26; Rumani 10:13, 14.

4. Kif tistaʼ tagħraf l-​aduraturi veri?

Il-​Kristjani veri jippritkaw dwar is-​Saltna t’Alla. Alla bagħat lil Ġesù biex jipprietka dwar is-​Saltna. Is-​Saltna t’Alla hi l-​unika tama għall-​umanità. Ġesù kompla jitkellem dwarha sal-​ġurnata li miet. (Luqa 4:43; 8:1; 23:42, 43) Hu qal lis-​segwaċi tiegħu biex jippritkaw dwar is-​Saltna t’Alla. Jekk xi ħadd javviċinak biex jitkellem dwar is-​Saltna t’Alla, wisq probabbli x’reliġjon għandu?—Aqra Mattew 10:7; 24:14.

Is-​segwaċi taʼ Ġesù mhuma l-​ebda parti minn din id-​dinja mill-​agħar. Ma jiħdux sehem fi kwistjonijiet politiċi jew f’konflitti soċjali. (Ġwanni 17:16) Ukoll, ma jimitawx il-​prattiki u l-​attitudnijiet taʼ ħsara taʼ din id-​dinja.—Aqra Ġakbu 1:27; 4:4.

5. X’jidentifika lill-​Kristjanità vera l-​aktar?

Il-​Kristjani veri għandhom imħabba li tispikka għal xulxin. Mill-​Kelma t’Alla huma jitgħallmu jirrispettaw membri tal-​gruppi etniċi kollha. Għalkemm ir-​reliġjon falza spiss appoġġat b’saħħa l-​gwerer tal-​ġnus, l-​aduraturi veri rrifjutaw li jagħmlu dan. (Mikea 4:1-​4) Minflok, membri tar-​reliġjon vera bla egoiżmu jużaw il-​ħin u r-​riżorsi tagħhom biex jgħinu u jinkuraġġixxu lil oħrajn.—Aqra Ġwanni 13:34, 35; 1 Ġwanni 4:20, 21.

Liema grupp jibbaża t-​tagħlim kollu tiegħu fuq il-​Kelma t’Alla, jonora l-​isem t’Alla, u jxandar is-​Saltna t’Alla bħala l-​unika tama għall-​bnedmin? Liema grupp jipprattika l-​imħabba u ma jappoġġax il-​gwerra? Il-​fatti jippontaw lejn ix-​Xhieda taʼ Ġeħova.—1 Ġwanni 3:10-​12.

Għal iktar informazzjoni, ara kapitlu 15 taʼ dan il-​ktieb, Il-​Bibbja X’Tgħallem Verament? pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

[Stampa f’paġna 16]

“Huma jistqarru pubblikament li jafu lil Alla, imma jiċħduh b’dak li jagħmlu.”—Titu 1:16