Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

L-Ispirtu Qaddis—Jaħdem fil-Ħolqien!

L-Ispirtu Qaddis—Jaħdem fil-Ħolqien!

L-​Ispirtu Qaddis—Jaħdem fil-​Ħolqien!

“Bil-​kelma taʼ Ġeħova ntgħamlu s-​smewwiet, u bl-​ispirtu taʼ fommu l-​armata kollha tagħhom.”—SALM 33:6.

1, 2. (a) L-​għarfien tal-​bniedem dwar is-​smewwiet u l-​art kif żdied matul iż-​żmien? (b) Liema mistoqsija tirrikjedi tweġiba?

 META Albert Einstein ippubblika t-​teorija speċjali tiegħu tar-​relattività fl-​1905, hu u ħafna xjenzati oħrajn kienu jemmnu li l-​univers kien jikkonsisti minn galassja waħda biss—it-​Triq tal-​Ħalib. Lanqas biss kellhom ħjiel kemm hu kbir l-​univers! Issa huwa maħsub li fl-​univers hemm ’il fuq minn 100 biljun galassja, u xi wħud jikkonsistu minn biljuni taʼ stilel. Hekk kif fuq l-​art qed jintużaw teleskopji iktar sofistikati, jew jitpoġġew f’orbita madwarha, qed jiġu skoperti iżjed u iżjed galassji.

2 Bħalma kien limitat l-​għarfien xjentifiku dwar is-​smewwiet fl-​1905, hekk ukoll kien limitat l-​għarfien dwar l-​art. Veru, in-​nies li kienu jgħixu seklu ilu kienu jafu iktar minn dawk taʼ qabilhom. Madankollu, is-​sbuħija u l-​komplessità tal-​ħajja u l-​modi li bihom l-​art issostni l-​ħajja huma ħafna iktar mifhumin illum milli kienu dak iż-​żmien. U aħna bla dubju se nitgħallmu ħafna iktar dwar l-​art u s-​smewwiet fis-​snin li ġejjin. Iżda hu xieraq b’mod speċjali li nistaqsu, L-​ewwel nett dan kollu kif sar? Nistgħu biss insiru nafu t-​tweġiba għal din il-​mistoqsija għax il-​Ħallieq irrivelaha permezz tal-​Iskrittura Mqaddsa.

Il-​Miraklu tal-​Ħolqien

3, 4. Alla kif ħalaq l-​univers, u xogħlijietu kif jigglorifikawh?

3 Il-​mod kif l-​univers beda jeżisti hu spjegat fil-​kliem li tiftaħ bih il-​Bibbja: “Fil-​bidu Alla ħalaq is-​smewwiet u l-​art.” (Ġen. 1:1) Ladarba ma kien jeżisti ebda materjal qabel, Ġeħova uża l-​ispirtu qaddis tiegħu—il-​forza attiva tiegħu kollha qawwa—biex joħloq is-​smewwiet fiżiċi, l-​art, u kulma hemm fl-​univers. Bniedem tas-​sengħa juża jdejh u l-​għodod biex jagħmel l-​affarijiet, iżda Alla jibgħat l-​ispirtu qaddis tiegħu biex iwettaq ix-​xogħlijiet kbar tiegħu.

4 B’mod figurattiv, l-​Iskrittura tirreferi għall-​ispirtu qaddis bħala s-​“sabaʼ” t’Alla. (Lq. 11:20; Mt. 12:28) U “xogħol idejh”—dak li Ġeħova ħalaq permezz tal-​ispirtu qaddis tiegħu—iġiblu glorja kbira. Is-​salmista David kanta: “Is-​smewwiet jiddikjaraw il-​glorja t’Alla; u dwar xogħol idejh titkellem il-​firxa tas-​sema.” (Salm 19:1) Tabilħaqq, il-​ħolqien fiżiku jagħti xhieda tal-​qawwa tal-​għaġeb li għandu l-​ispirtu qaddis t’Alla. (Rum. 1:20) Dan kif jagħmlu?

Il-​Qawwa bla Limitu t’Alla

5. Iddeskrivi l-​qawwa kreattiva tal-​ispirtu qaddis taʼ Ġeħova.

5 L-​univers vast tagħna li lanqas biss nistgħu nimmaġinaw kemm hu kbir jagħti evidenza li l-​qawwa u l-​enerġija taʼ Ġeħova huma bla limitu. (Aqra Isaija 40:26.) Ix-​xjenza moderna hi konxja li l-​materja tistaʼ tinbidel f’enerġija u l-​enerġija f’materja. Ix-​xemx tagħna, li hi stilla, tipprovdi eżempju taʼ materja li saret enerġija. Kull sekonda, ix-​xemx tbiddel madwar erbaʼ miljun tunnellata materja f’dawl tax-​xemx u f’forom oħrajn taʼ enerġija radjanti. Il-​frazzjoni żgħira taʼ din l-​enerġija li tilħaqna hi biżżejjed biex issostni l-​ħajja fuq l-​art. Ovvjament, kien jeħtieġ qawwa u enerġija tremenda biex jinħalqu mhux biss ix-​xemx iżda wkoll il-​biljuni l-​oħrajn taʼ stilel. Ġeħova għandu l-​enerġija li kienet meħtieġa—u ħafna iktar.

6, 7. (a) Għala nistgħu ngħidu li Alla uża l-​ispirtu qaddis tiegħu bl-​ordni? (b) X’juri li l-​univers ma ġiex b’kumbinazzjoni?

6 Aħna ninsabu mdawrin b’evidenza li Alla uża l-​ispirtu qaddis tiegħu tassew bl-​ordni. Sabiex nagħtu eżempju: Immaġina li għandek kaxxa kollha blalen taʼ kuluri differenti. Ċaqlaq il-​kaxxa ’l hemm u ’l hawn ħalli l-​blalen jitħawdu sew. Imbagħad itfagħhom mal-​art kollha f’daqqa. Taħseb li l-​blalen se jaqgħu mal-​art skont il-​kulur tagħhom—il-​blalen il-​blu għalihom, is-​sofor għalihom, eċċetra? Dażgur li le! L-​azzjonijiet bla kontroll dejjem ikollhom it-​tendenza li jwasslu għal inqas, u mhux għal iktar, ordni. Dan il-​fatt hu aċċettat bħala liġi fundamentali tan-​natura. a

7 Madankollu, meta nerfgħu ħarsitna lejn is-​sema u nifluh permezz taʼ teleskopji, x’naraw? Naraw sistema kbira u organizzata ferm taʼ galassji, stilel, u pjaneti, kollha jiċċaqalqu bi preċiżjoni kbira. Dan ma jistax ikun ir-​riżultat taʼ xi kumbinazzjoni jew inċident kosmiku mhux pjanat u mhux kontrollat. Mela, għandna nistaqsu, Liema forza ġiet użata oriġinalment sabiex tipproduċi l-​univers tagħna magħmul bl-​ordni? Aħna l-​bnedmin limitati fl-​abbiltà tagħna li nidentifikaw din il-​forza permezz taʼ osservazzjoni xjentifika u esperimentazzjoni biss. Madankollu, il-​Bibbja identifikat din il-​forza li hi l-​iktar qawwija fl-​univers bħala l-​ispirtu qaddis t’Alla. Is-​salmista kanta: “Bil-​kelma taʼ Ġeħova ntgħamlu s-​smewwiet, u bl-​ispirtu taʼ fommu l-​armata kollha tagħhom.” (Salm 33:6) U b’għajnejna nistgħu naraw biss parti żgħira ħafna minn din l-​“armata” taʼ stilel hekk kif inħarsu lejn is-​sema bil-​lejl!

L-​Ispirtu Qaddis u l-​Art

8. Kemm tassew nafu dwar ix-​xogħlijiet taʼ Ġeħova?

8 Dak li nifhmu fil-​preżent dwar in-​natura lanqas biss jibda meta jitqabbel maʼ dak kollu li hemm x’nitgħallmu. Rigward l-​għarfien limitat tagħna dwar ix-​xogħlijiet tal-​ħolqien t’Alla, ir-​raġel leali Ġob ikkonkluda: “Ara! Dawn m’humiex ħlief it-​trufijiet taʼ triqatu, u kemm hu ftit dak li nisimgħu dwaru!” (Ġob 26:14) Sekli wara, is-​Sultan Salamun, li kien josserva l-​ħolqien taʼ Ġeħova bir-​reqqa, iddikjara: “Kulma għamel [Alla] għamlu sabiħ u f’waqtu. Saħansitra poġġielhom f’qalbhom l-​eternità, sabiex il-​bnedmin qatt ma jsiru jafu mill-​bidu sat-​tmiem l-​għemil li għamel l-​Alla l-​veru.”—Ekk. 3:11; 8:17.

9, 10. Alla liema forza uża meta ħalaq l-​art, u x’kienu xi żviluppi matul l-​ewwel tlett ijiem tal-​ħolqien?

9 Madankollu, Ġeħova rrivela dettalji essenzjali dwar xogħlijietu. Pereżempju, l-​Iskrittura tgħarrafna li l-​ispirtu t’Alla kien attiv fuq l-​art żmien twil ilu. (Aqra Ġenesi 1:2.) Dak iż-​żmien, fid-​dinja ma kien hemm ebda art niexfa, ebda dawl, u milli jidher ebda arja tajba li ssostni l-​ħajja.

10 Il-​Bibbja tkompli tiddeskrivi dak li għamel Alla matul il-​jiem tal-​ħolqien. Dawn mhumiex jiem taʼ 24 siegħa iżda epoki. Fl-​ewwel jum tal-​ħolqien, Ġeħova ġiegħel li d-​dawl jibda jidher fuq wiċċ l-​art. Dan il-​proċess kellu jitlesta meta x-​xemx u l-​qamar iktar tard bdew jidhru sew mill-​art. (Ġen. 1:3, 14) Fit-​tieni jum, bdiet tiġi fformata l-​atmosfera. (Ġen. 1:6) Imbagħad id-​dinja kellha l-​ilma, id-​dawl, u l-​arja, iżda kien għad ma kellhiex art niexfa. Kmieni fit-​tielet jum tal-​ħolqien, Ġeħova uża l-​ispirtu qaddis tiegħu biex jipproduċi art niexfa, forsi billi uża l-​forzi ġeoloġiċi qawwijin tiegħu biex feġġew il-​kontinenti mill-​baħar. (Ġen. 1:9) Fit-​tielet jum u matul perijodi tal-​ħolqien iktar tard kellu jkun hemm żviluppi meraviljużi oħrajn.

L-​Ispirtu Qaddis u l-​Ħlejjaq Ħajjin

11. Il-​komplessità, is-​simetrija, u s-​sbuħija tal-​ħlejjaq ħajjin taʼ xiex jagħtu evidenza?

11 L-​ispirtu t’Alla pproduċa wkoll ħlejjaq ħajjin organizzati ferm. Mit-​tielet jum sas-​sitt jum tal-​ħolqien, Alla ħalaq varjetà tal-​għaġeb taʼ pjanti u annimali permezz tal-​ispirtu qaddis tiegħu. (Ġen. 1:11, 20-​25) B’hekk, il-​ħlejjaq ħajjin jipprovdu eżempji bla għadd taʼ komplessità, simetrija, u sbuħija li jagħtu evidenza taʼ disinn tal-​ogħla livell.

12. (a) Id-​DNA jwettaq liema funzjoni? (b) X’għandna nitgħallmu mill-​funzjoni kontinwa u li tirnexxi tad-​DNA?

12 Ikkunsidra d-​DNA (deoxyribonucleic acid), wieħed mill-​mekkaniżmi kimiċi involuti f’li jgħaddu l-​karatteristiki tal-​organiżmi minn ġenerazzjoni għal oħra. Il-​ħlejjaq ħajjin kollha fuq l-​art—inkluż il-​mikrobi, il-​ħaxix, l-​iljunfanti, il-​balieni l-​koħol, u l-​bnedmin—jirriproduċu billi jużaw id-​DNA. Għalkemm il-​ħlejjaq tal-​art huma differenti ferm minn xulxin, il-​kodiċi li tikkontrolla ħafna mill-​karatteristiki li jirtu hi tassew stabbli u sservi biex iżżomm id-​distinzjoni bejn l-​ispeċi differenti taʼ annimali matul iż-​żminijiet. Skont l-​iskop t’Alla Ġeħova, l-​organiżmi differenti tal-​art għalhekk ikomplu jwettqu l-​funzjonijiet tagħhom fl-​ekoloġija kumplessa tal-​art. (Salm 139:16) Dan l-​arranġament tassew effettiv u bl-​ordni jipprovdi iktar evidenza li l-​ħolqien hu xogħol is-​“sabaʼ” t’Alla, jew l-​ispirtu qaddis.

L-​Iktar Ħolqien Importanti fuq l-​Art

13. Alla kif ħalaq il-​bniedem?

13 Wara li għaddew snin sħaħ li matulhom Alla kien ipproduċa numru bla għadd taʼ xogħlijiet bil-​ħajja u bla ħajja, l-​art ma baqgħetx bħalma kienet qabel—“bla forma u ma kien fiha xejn.” Iżda Ġeħova kien għadu ma waqafx juża l-​ispirtu tiegħu għal skopijiet taʼ ħolqien. Hu kien se jipproduċi l-​iktar ħolqien importanti fuq l-​art. Lejn tmiem is-​sitt jum tal-​ħolqien, Alla ħalaq il-​bniedem. Ġeħova kif għamel dan? Billi uża l-​ispirtu qaddis tiegħu u l-​elementi tal-​art.—Ġen. 2:7.

14. Il-​bnedmin b’liema mod importanti huma differenti mill-​annimali?

14 Ġenesi 1:27 jgħid: “Alla ħalaq il-​bniedem fix-​xbieha tiegħu, fix-​xbieha t’Alla ħalqu; raġel u mara ħalaqhom.” Il-​fatt li aħna magħmulin fix-​xbieha t’Alla jfisser li Ġeħova ħalaqna bl-​abbiltà li nuru mħabba, neżerċitaw il-​libertà tal-​għażla, u saħansitra nistabbilixxu relazzjoni persunali mal-​Ħallieq tagħna. Għalhekk, moħħna hu differenti ħafna minn dak tal-​annimali. B’mod speċifiku, Ġeħova ddisinja l-​moħħ tal-​bniedem b’tali mod li nkunu nistgħu nkomplu nitgħallmu iktar bil-​ferħ dwaru u dwar xogħlijietu għal dejjem.

15. Liema prospett tqiegħed quddiem Adam u Eva?

15 Fil-​bidu tal-​umanità, Alla ta l-​art u l-​meravilji kollha tagħha lil Adam u lil martu, Eva, biex jiskopruha u jgawduha. (Ġen. 1:28) Ġeħova pprovda ikel bl-​abbundanza, kif ukoll ġenna tal-​art bħala dar għalihom. Huma kellhom l-​opportunità li jgħixu għal dejjem u jsiru l-​ġenituri maħbubin taʼ biljuni taʼ dixxendenti perfetti. Madankollu, mhux hekk ġara.

Nirrikonoxxu l-​Irwol tal-​Ispirtu Qaddis

16. Liema tama għandna minkejja r-​ribelljoni tal-​ewwel bnedmin?

16 Minflok ma obdew bi gratitudni lill-​Ħallieq tagħhom, Adam u Eva rribellaw b’mod egoist. Il-​bnedmin imperfetti kollha huma dixxendenti tagħhom, u b’hekk kellhom ibatu. Iżda l-​Bibbja tispjega kif Alla se jirranġa l-​ħsara kollha kaġunata mill-​ħajja midinba li għażlu l-​ewwel ġenituri tagħna. L-​Iskrittura turi wkoll li Ġeħova se jwettaq l-​iskop oriġinali tiegħu. L-​art se ssir ġenna mimlija b’nies hienja, f’saħħithom, u mberkin b’ħajja taʼ dejjem. (Ġen. 3:15) Sabiex inżommu l-​fidi f’dan il-​prospett li jqawwi l-​qalb neħtieġu l-​għajnuna tal-​ispirtu qaddis t’Alla.

17. Liema tip taʼ rraġunar għandna nevitaw?

17 Għandna nitolbu lil Ġeħova għall-​ispirtu qaddis. (Lq. 11:13) Jekk nagħmlu dan se nsaħħu l-​konvinzjoni tagħna li l-​ħolqien hu xogħol idejn Alla. Illum qed naraw mewġa taʼ propaganda ateistika u evoluzzjonista li hi msejsa fuq irraġunar żbaljat jew bla bażi. M’għandniex inħallu dan il-​viżibilju taʼ rraġunar żbaljat jikkonfondina jew ibeżżagħna. Il-​Kristjani kollha għandhom iħejju ruħhom biex jirreżistu din il-​propaganda u l-​pressjoni minn taʼ madwarhom li hi konnessa magħha.Aqra Kolossin 2:8.

18. Meta wieħed jikkunsidra l-​oriġini tal-​univers u l-​umanità, għala ma jkunx għaqli li jelimina l-​fatt li hemm Ħallieq intelliġenti?

18 Il-​fidi fil-​Bibbja u f’Alla nnifsu żgur li se tissaħħaħ jekk nagħmlu eżami onest tal-​evidenza li tappoġġa l-​ħolqien. Meta jirriflettu dwar l-​oriġini tal-​univers u tal-​umanità, ħafna nies iħossu li mhuwiex raġunevoli li wieħed jemmen li fil-​ħolqien tal-​univers kienet involuta xi forza partikulari, ħlief dawk il-​forzi li tistaʼ tingħata prova xjentifika tagħhom. Iżda kieku kellna niddiskutu l-​kwistjoni minn dan il-​lat ma nkunux qed niżnu l-​evidenza kollha b’mod imparzjali. Iktar minn hekk, inkunu qed ninjoraw l-​eżistenza ovvja tal-​affarijiet “bla għadd” fil-​ħolqien li għandhom skop u li huma fl-​ordni. (Ġob 9:10; Salm 104:25) Bħala Kristjani, aħna ċerti li l-​forza attiva involuta fil-​ħolqien kienet l-​ispirtu qaddis taħt it-​tmexxija intelliġenti taʼ Ġeħova.

L-​Ispirtu Qaddis u l-​Fidi Tagħna f’Alla

19. X’jipprovdi evidenza persunali tal-​eżistenza t’Alla u tal-​ħidma tal-​ispirtu tiegħu?

19 M’għandniex għalfejn inkunu nafu kollox dwar il-​ħolqien sabiex ikollna fidi f’Alla kif ukoll imħabba u riverenza profonda lejh. Bħal ħbiberija maʼ xi ħadd, il-​fidi f’Ġeħova hi bbażata fuq iktar minn sempliċi fatti. Sewwasew bħalma relazzjoni bejn il-​ħbieb tikber hekk kif isiru jafu lil xulxin aħjar, il-​fidi tagħna f’Alla tikber meta nitgħallmu iktar dwaru. Tabilħaqq, l-​eżistenza nfisha tiegħu tagħmel impatt fuqna meta hu jwieġeb talbna u ninnotaw l-​effetti tajbin li jiġu meta napplikaw il-​prinċipji tiegħu f’ħajjitna. Aħna nersqu dejjem eqreb lejn Ġeħova hekk kif naraw iż-​żieda fl-​evidenza li hu qed jiggwida l-​passi tagħna, jipproteġina, ibierek l-​isforzi tagħna fis-​servizz tiegħu, u jipprovdilna l-​affarijiet li neħtieġu. Dan kollu jikkonferma b’mod qawwi l-​eżistenza t’Alla u tal-​ħidma tal-​ispirtu qaddis tiegħu.

20. (a) Alla għala ħalaq l-​univers u l-​bniedem? (b) X’se jirriżulta jekk inkomplu nsegwu t-​tmexxija tal-​ispirtu qaddis t’Alla?

20 Il-​Bibbja hija eżempju li jispikka taʼ kif Ġeħova juża l-​forza attiva tiegħu għax il-​kittieba tagħha “tkellmu minn Alla skond kif tmexxew mill-​ispirtu qaddis.” (2 Pt. 1:21) Studju bir-​reqqa tal-​Iskrittura jistaʼ jibnilna l-​fidi f’Alla bħala l-​wieħed li ħalaq l-​affarijiet kollha. (Riv. 4:11) Ġeħova sar il-​Ħallieq biex juri l-​kwalità tal-​imħabba tiegħu li tiġbidna lejh. (1 Ġw. 4:8) Ejja, mela, nagħmlu l-​almu tagħna biex ngħinu lil oħrajn jitgħallmu dwar il-​Missier u l-​Ħabib tagħna li jħobbna u li qiegħed fis-​sema. Fil-​każ tagħna, jekk inkomplu nkunu mmexxijin mill-​ispirtu t’Alla, se jkollna l-​privileġġ li nitgħallmu dwaru għal dejjem. (Gal. 5:16, 25) Jalla lkoll kemm aħna nkomplu nitgħallmu dwar Ġeħova u dwar ix-​xogħlijiet kbar tiegħu u nuru fil-​ħajja tagħna l-​imħabba bla qies li wera hu meta uża l-​ispirtu qaddis tiegħu biex joħloq is-​smewwiet, l-​art, u l-​umanità.

[Nota taʼ taħt]

a Ara paġni 24 u 25 tal-​ktieb Is There a Creator Who Cares About You?

Tistaʼ Tispjega?

• L-​eżistenza tas-​smewwiet u l-​art x’tgħallimna dwar il-​mod kif Alla juża l-​ispirtu qaddis?

• Liema opportunitajiet għandna minħabba li aħna magħmulin fix-​xbieha t’Alla?

• Għala għandna bżonn neżaminaw l-​evidenza tal-​ħolqien?

• Ir-​relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova b’liema modi tistaʼ tikber?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 7]

L-​ordni li naraw fl-​univers x’tgħallimna dwar il-​ħolqien?

[Sors]

Stilel: Anglo-​Australian Observatory/David Malin Images

[Stampi f’paġna 8]

Id-​DNA b’liema mod tinsab f’dawn l-​affarijiet kollha?

[Stampa f’paġna 10]

Int preparat biex tiddefendi l-​fidi tiegħek?