Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kif Anna Sabet il-Paċi

Kif Anna Sabet il-Paċi

Kif Anna Sabet il-​Paċi

MARA leali tgħid talba li tfaħħar lil Ġeħova b’leħen għoli. Hi tħoss li Alla qajjimha mit-​trab, u biddel id-​dwejjaq tagħha f’ferħ kbir.

L-isem tal-​mara huwa Anna. X’ġiegħel li sseħħ din il-​bidla daqstant kbira fis-​sentimenti tagħha? Għala ssir tant ferħana? Kif nistgħu nibbenefikaw mill-​esperjenza tagħha? Sabiex insibu t-​tweġibiet għal dawn il-​mistoqsijiet, ejja nikkunsidraw ir-​rakkont t’Anna.

Familja Taħt Pressjoni

Anna kienet waħda miż-​żewġ nisa t’Elkana, Levita li kien jgħix fit-​territorju t’Efrajm. (1 Samwel 1:​1, 2a; 1 Kronaki 6:​18, 19 [6:​33, 34, NW]) Għalkemm il-​poligamija ma kinitx parti mill-​iskop oriġinali t’Alla għall-​umanità, il-​Liġi Mosajka kienet tippermettiha u kellha liġijiet dwarha. Il-​familja t’Elkana kienet tqim lil Ġeħova, imma fi żwiġijiet fejn hemm il-​poligamija spiss ikun hemm konflitti, kif jidher ċar mill-​ħajja tal-​familja t’Elkana.

Anna ma setax ikollha tfal, filwaqt li Peninna, il-​mara l-​oħra t’Elkana kellha tfal. Peninna kienet ir-​rivali t’Anna.​—1 Samwel 1:​2b.

Il-fatt li mara ma setax ikollha tfal kien meqjus bħala xi ħaġa t’għajb fost in-​nisa Iżraelin u saħansitra kien sinjal li mill-​ħarsa t’Alla ma kienx jistħoqqilha li jkollha t-​tfal. Imma m’hemm l-​ebda indikazzjoni li l-​fatt li Anna ma setax ikollha tfal kien evidenza tad-​diżapprovazzjoni t’Alla. Madankollu, minflok ma pprovat tfarraġ lil Anna, Peninna użat l-​abbiltà tagħha stess li jkollha t-​tfal biex tnikket lir-​rivali tagħha.

Vjaġġi Lejn is-​Santwarju taʼ Ġeħova

Minkejja din is-​sitwazzjoni diffiċli, il-​familja t’Elkana kienet tagħmel il-​vjaġġ kull sena biex toffri sagrifiċċji fis-​santwarju taʼ Ġeħova f’Silo. a Dan il-​vjaġġ b’kollox kien twil xi 60 kilometru u x’aktarx kienu jagħmluh bil-​mixi. Dawn l-​okkażjonijiet bilfors li kienu speċjalment taʼ wġigħ għal Anna għaliex Peninna u wliedha kienu jirċievu diversi porzjonijiet tas-​sagrifiċċju tal-​komunjoni, filwaqt li Anna kienet tirċievi porzjon wieħed biss. Peninna kienet taħtaf dawn l-​opportunitajiet biex tinki lil Anna, billi ġġagħalha tħossha mnikkta għaliex kien jidher li Ġeħova kien “għalqilha ġufha.” Dan it-​turment kienet tiffaċċjah kull sena, u Anna kienet tispiċċa tibki u ma tikolx. B’hekk, vjaġġi li kellhom ikunu taʼ ferħ għaliha saru perijodi t’ansjetà kbira. Però, Anna xorta kienet tagħmel dawn il-​vjaġġi lejn is-​santwarju taʼ Ġeħova.​—1 Samwel 1:​3-7.

Qed tara kif Anna ħalliet eżempju tajjeb għalina? Meta tħossok imdejjaq, kif tirreaġixxi? Tinqataʼ għalik waħdek u tieqaf tissieħeb maʼ sħabek fit-​twemmin? Anna m’għamlitx hekk. Hi ħaditha drawwa li tkun fost l-​aduraturi taʼ Ġeħova. Minkejja ċirkustanzi diffiċli, aħna għandna nagħmlu l-​istess.​—Salm 26:12; 122:1; Proverbji 18:1; Ebrej 10:​24, 25.

Elkana pprova jfarraġ lil Anna u jinkuraġġiha biex tesprimi s-​sentimenti profondi tagħha. Hu staqsieha: “Anna! Għaliex qiegħda tibki u għaliex m’intix tiekol? Għala int qalbek sewda? M’iniex jien aħjar għalik minn għaxar ulied?” (1 Samwel 1:8) Forsi Elkana ma kienx jaf li Peninna ma kinitx qed turiha qalb tajba, u Anna forsi kienet tippreferi tissaporti mingħajr ma tilmenta dwar il-​problema tagħha. Kien x’kien il-​każ, Anna, li kienet mara spiritwali, fittxet il-​paċi billi marret għand Ġeħova bit-​talb.

Anna Tagħmel Wegħda

Fis-​santwarju taʼ Ġeħova kienu jittieklu s-​sagrifiċċji taʼ komunjoni. Wara li telqet mill-​post fejn kienu qed jieklu, Anna marret titlob lil Alla. (1 Samwel 1:​9, 10) Hi talbet bil-​ħniena: “Mulej taʼ l-​eżerċti, jekk inti tħares lejn l-​hemm tal-​qaddejja tiegħek u tiftakar fija, u ma twarrabx il-​qaddejja tiegħek, u tagħtiha tifel, hija tagħtih lill-​Mulej il-​jiem kollha taʼ ħajtu, u minn fuq rasu ma jgħaddix il-​mus.”​—1 Samwel 1:​11.

It-talba t’Anna kienet speċifika. Hi staqsiet għal tifel u wiegħdet li kienet se tiddedikah lil Ġeħova bħala Nażirit għal ħajtu kollha. (Numri 6:​1-5) Wegħda bħal din kellha tiġi approvata minn żewġha, u l-​mod kif aġixxa Elkana iktar tard wera li hu approva l-​wegħda taʼ martu l-​għażiża.​—Numri 30:​6-8.

Il-mod kif Anna talbet ġiegħel lill-​Qassis il-​Kbir Għeli biex jaħseb li kienet fis-​sakra. Xofftejha kienu qed jirtogħdu, imma ma kienx qed jismaʼ kliem, għax Anna kienet qed titlob f’qalbha. It-​talba ntqalet b’ħerqa kbira. (1 Samwel 1:​12-​14) Immaġina kif ħassitha Anna meta Għeli ċanfarha, billi qal li kienet fis-​sakra! Però, hi wieġbet lill-​qassis il-​kbir b’rispett. Meta Għeli induna li Anna kienet qed titlob ‘mill-​kotra taʼ hemmha u n-​niket tagħha,’ hu qal: “Alla taʼ Iżrael samaʼ t-​talba tiegħek.” (1 Samwel 1:​15-​17) B’dan, Anna telqet u marret tiekol, u “wiċċha ma baqax bħal qabel.”​—1 Samwel 1:​18.

X’nistgħu nitgħallmu minn dan kollu? Meta nitolbu lil Ġeħova dwar l-​ansjetajiet tagħna, nistgħu ngħidulu kif inħossuna u nagħmlu petizzjonijiet mill-​qalb. Jekk m’hemm xejn iktar x’nistgħu nagħmlu dwar il-​problema, għandna nħallu l-​kwistjoni f’idejh. M’hemmx mogħdija aħjar.​—Proverbji 3:​5, 6.

Wara talb bil-​ħerqa, il-​qaddejja taʼ Ġeħova x’aktarx se jesperjenzaw paċi simili għal dik li ħasset Anna. Rigward it-​talb, l-​appostlu Pawlu kiteb: “Tkunu ansjużi fuq xejn, imma f’kollox b’talb u b’suppliki flimkien maʼ radd il-​ħajr ħallu lil Alla jkun jaf x’teħtieġu; u l-​paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb tgħasses lil qalbkom u l-​qawwa mentali tagħkom permezz taʼ Kristu Ġesù.” (Filippin 4:​6, 7) Meta nitfgħu t-​tagħbija tagħna fuq Ġeħova, għandna nħalluha f’idejh. Imbagħad, bħal Anna, m’hemmx għalfejn nibqgħu naħsbu dwarha.​—Salm 55:23 (55:​22, NW).

Iben Misluf lil Ġeħova

Alla mbagħad dawwar l-​attenzjoni tiegħu lejn Anna; hi ħarġet tqila u wildet tifel. (1 Samwel 1:​19, 20) Din hija waħda mill-​ftit okkażjonijiet fil-​Bibbja fejn jissemma li Alla jieħu responsabbiltà għat-​twelid taʼ xi ħadd li kien se jkun qaddej tiegħu. Samwel, it-​tifel t’Elkana u Anna, kellu jsir profeta taʼ Ġeħova, wieħed li kellu rwol importanti fit-​twaqqif tal-​monarkija taʼ Iżrael.

Anna bla dubju bdiet tgħallem lil Samwel miċ-​ċokon dwar Ġeħova. Imma nsiet hi l-​wegħda li għamlet? Dażgur li le! Hi qalet: “Meta nkun ftamt it-​tifel, mbagħad nieħdu biex jidher quddiem il-​Mulej, u jibqaʼ hemm għal dejjem.” Meta Samwel infatam, forsi meta kellu xi tliet snin jew ftit akbar, Anna ħaditu biex jgħix fis-​santwarju taʼ Ġeħova, eżatt bħalma wiegħdet.​—1 Samwel 1:​21-​24; 2 Kronaki 31:16.

Wara li offrew sagrifiċċju lil Ġeħova, Anna u żewġha ħadu lil Samwel għand Għeli. Anna x’aktarx li kienet qed iżżomm id it-​tifel ċkejken tagħha hekk kif qalet lil Għeli: “Nitolbok, sidi; daqskemm int ħaj, sidi, jien dik il-​mara li kienet wieqfa hawn ħdejk titlob lill-​Mulej. Għal dan it-​tifel kont tlabt, u l-​Mulej laqaʼ t-​talba tiegħi, u tani li tlabtu. U issa jien se [‘nisilfu,’ NW] lill-​Mulej il-​jiem kollha taʼ ħajtu, u kemm idum ħaj ikun tal-​Mulej.” B’hekk, bdiet il-​ħajja taʼ Samwel taʼ servizz speċjali lil Alla.​—1 Samwel 1:​25-​28; 2:​11.

Hekk kif għadda ż-​żmien, Anna żgur ma nsietx lil Samwel. L-​Iskrittura tgħid: “Kull sena ommu kienet tagħmillu mantar żgħir, u kienet ittellagħhulu minn sena għal oħra, meta l-​mara kienet titlaʼ toffri s-​sagrifiċċju taʼ kull sena.” (1 Samwel 2:​19) Anna żgur baqgħet titlob għal Samwel. Fiż-​żjajjar tagħha taʼ kull sena, bla dubju kienet tinkuraġġih biex jibqaʼ leali fis-​servizz tiegħu lil Alla.

F’okkażjoni minnhom, Għeli bierek lill-​ġenituri taʼ Samwel u qal lil Elkana: “Jagħtik il-​Mulej ulied minn din il-​mara flok il-​wieħed li int tajt lill-​Mulej.” Fi qbil maʼ dan il-​kliem, Anna u Elkana ġew imberkin bi tliet subien oħrajn u żewġt ibniet.​—1 Samwel 2:​20, 21.

X’eżempji mill-​aqwa huma Elkana u Anna għall-​ġenituri Kristjani! Ħafna missirijiet u ommijiet kienu lesti li jisilfu, biex ngħidu hekk, lil uliedhom subien u bniet lil Ġeħova billi inkuraġġewhom biex jidħlu f’xi forma taʼ ministeru full-time ’l bogħod mid-​dar. Ġenituri li juru dan it-​tip taʼ mħabba għandhom jiġu mfaħħrin għas-​sagrifiċċji li jagħmlu. U Ġeħova se jippremjahom.

It-​Talba Ferriħija t’Anna

Anna, li darba ma setax ikollha tfal kemm tinsab ferħana issa! Fl-​Iskrittura rari naraw imniżżel talb li jingħad min-​nisa. Madankollu, fil-​każ t’Anna nafu dwar tnejn minnhom. L-​ewwel talba fiha s-​sentimenti tagħha meta kienet imdejqa u mweġġgħa, u t-​tieni hija talba ferriħija taʼ radd il-​ħajr. Anna bdiet tgħid: “Ferħet qalbi bil-​Mulej.” Tifraħ li “l-​mara bla tfal wildet,” u tfaħħar lil Ġeħova bħala l-​Wieħed li “jgħolli” u li ‘jqajjem lill-​imsejken mit-​trab.’ Tabilħaqq, hu ‘jerfaʼ l-​fqajjar mill-​miżbla.’​—1 Samwel 2:​1-​10.

Ir-rakkont ispirat li jinvolvi lil Anna juri li nistgħu niġu mweġġgħin mill-​imperfezzjonijiet jew mill-​malizzja t’oħrajn. Però, m’għandniex inħallu provi bħal dawn jisirqulna l-​ferħ li jiġi meta naqdu lil Ġeħova. Hu s-​Semmiegħ il-​kbir tat-​talb, li jwieġeb għas-​sejħiet tan-​nies leali tiegħu, billi jeħlishom mill-​uġigħ u jagħtihom abbundanza taʼ paċi flimkien maʼ barkiet oħrajn.​—Salm 22:​24-​27; 34:​7-9; 65:3 (22:​23-​26; 34:​6-8; 65:​2, NW).

[Nota taʼ taħt]

a Il-Bibbja ssejjaħ lil dan iċ-​ċentru taʼ qima vera t-​“tempju” taʼ Ġeħova. Però, f’dan il-​perijodu fl-​istorja taʼ Iżrael, l-​arka tal-​patt kienet għadha f’tinda, jew tabernaklu. L-​ewwel tempju permanenti lil Ġeħova kien se jinbena fir-​renju tas-​Sultan Salamun.​—1 Samwel 1:9; 2 Samwel 7:​2, 6; 1 Slaten 7:​51; 8:​3, 4.

[Stampa f’paġna 17]

Anna silfet lil Samwel lil Ġeħova