Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ara! Id-Dawl hu taʼ l-Għaġeb!

Ara! Id-Dawl hu taʼ l-Għaġeb!

Ara! Id-​Dawl hu taʼ l-​Għaġeb!

TAF kemm tistaʼ tkun esperjenza tedjanti jekk xi darba kellek itteftef b’idejk biex tara fejn int miexi fi dlam ċappa. Kemm tħossok aħjar meta tara d-​dawl! Jistaʼ jkun ukoll li ġieli ġejt f’sitwazzjoni li tistaʼ xxebbahha maʼ dalma. Forsi dan kien meta ma stajtx tara kif se toħroġ minn xi problema. Imbagħad bil-​mod il-​mod bdejt tara d-​dawl​—kien hemm soluzzjoni. Hija esperjenza meraviljuża li toħroġ minn dalma bħal din u tiġi fid-​dawl.

Fl-ewwel seklu, in-​nies in ġenerali kienu fi dlam spiritwali. Meta kien qed jindirizza lil dawk li ħallew warajhom it-​twemmin tagħhom taʼ qabel u ħaddnu l-​Kristjanità, l-​appostlu Pietru kiteb: “[Alla] sejħilkom mid-​dlam għal ġod-​dawl tiegħu taʼ l-​għaġeb.” (1 Pietru 2:9) Għalihom, din kienet bidla minn li jkunu fi dlam ċappa għal li jidħlu f’dawl qawwi. Tistaʼ wkoll titqabbel maʼ li tkun waħdek u mingħajr tama u mbagħad issir membru taʼ familja b’futur fis-​sigurtà.​—Efesin 2:​1, 12.

“Tlaqt l-​Imħabba li Kellek fil-​Bidu”

Il-​Kristjani tal-​bidu sabu “l-​verità”​—il-​fidi Kristjana vera. (Ġwanni 18:37) Huma raw id-​dawl meraviljuż tal-​verità u għamlu l-​bidla minn dlam spiritwali għal dawl qawwi. Madankollu, mal-​mogħdija taż-​żmien, l-​entużjażmu u ż-​żelu li xi Kristjani kellhom fil-​bidu birdu. Per eżempju, lejn l-​aħħar taʼ l-​ewwel seklu żviluppat problema serja fil-​kongregazzjoni t’Efesu. Ġesù Kristu rxoxtat identifika l-​problema, meta qal: “Għandi dan kontrik, li int tlaqt l-​imħabba li kellek fil-​bidu. Għalhekk, ftakar minn xiex waqajt, u indem u agħmel l-​għemejjel li kont tagħmel qabel.” (Rivelazzjoni 2:​4, 5) Il-​Kristjani f’Efesu kellhom bżonn jerġgħu jkebbsu l-​imħabba tagħhom għal Alla u għall-​verità.

Xi ngħidu għalina? Aħna wkoll esperjenzajna l-​hena li jiġi meta tara d-​dawl, jiġifieri meta sirna nafu l-​verità meraviljuża tal-​Kelma t’Alla. Aħna sirna nħobbu l-​verità. Imma d-​diffikultajiet li normalment jiffaċċjaw il-​bnedmin jistgħu jnaqqsu l-​imħabba tagħna għall-​verità. Barra minn hekk, jistaʼ jkollna l-​problemi li jġibu magħhom “l-​aħħar jiem.” Aħna qed ngħixu f’dinja karatterizzata minn “żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom”​—dinja mimlija b’nies li “jħobbu lilhom infushom, iħobbu l-​flus, minfuħin bihom infushom, suppervi, midgħija, diżubbidjenti lejn il-​ġenituri, ingrati, żleali.” (2 Timotju 3:​1, 2) L-​influwenza tagħhom tistaʼ tnaqqas iż-​żelu tagħna u ġġiegħel l-​imħabba tagħna għal Ġeħova tibred.

Jekk tlifna l-​imħabba li kellna fil-​bidu, għandna bżonn ‘niftakru minn xiex waqajna u nindmu.’ Għandna bżonn nerġgħu lura għall-​istat spiritwali li kellna qabel. Iktar minn hekk, irridu noqogħdu attenti li ma nħallux l-​apprezzament tagħna għall-​verità jmajna. Kemm hu vitali li lkoll kemm aħna nżommu attitudni pożittiva u ferriħija u nkunu ċerti li l-​imħabba tagħna għal Alla u għall-​verità tiegħu tibqaʼ ħajja!

‘Il-​Verità li Teħlisna’

Id-​dawl tal-​verità Skritturali huwa taʼ l-​għaġeb minħabba li l-​Bibbja twieġeb mistoqsijiet importanti li ilhom iħawdu lill-​bnedmin għal millennji sħaħ. Fost dawn il-​mistoqsijiet hemm: Għala qegħdin hawn? X’inhu l-​iskop tal-​ħajja? Għala jeżisti l-​ħażen? Hemm ħajja wara l-​mewt? Ġeħova tana d-​dawl permezz taʼ veritajiet taʼ l-​għaġeb dwar tagħlim Bibliku. M’għandniex aħna nkunu tassew grati? Jalla qatt ma nuru nuqqas taʼ gratitudni għal dak li tgħallimna!

Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu: “Tkunu tafu l-​verità, u l-​verità teħliskom.” (Ġwanni 8:​32) Is-​sagrifiċċju tal-​fidwa taʼ Ġesù għamilha possibbli li ninħelsu mid-​dnub u l-​mewt. Imma dawn il-​veritajiet prezzjużi ħelsuna wkoll mill-​injoranza u l-​inċertezzi tad-​dinja li tinsab miksija bid-​dlam. Jekk nimmeditaw b’apprezzament dwar dak li tgħallimna se nsaħħu l-​imħabba tagħna għal Ġeħova u għall-​Kelma tiegħu.

L-appostlu Pawlu kiteb lill-​Kristjani f’Tessalonika: “Meta rċivejtu l-​kelma t’Alla, li smajtu mingħandna, ma lqajtuhiex bħala l-​kelma tal-​bnedmin, imma bħalma hi tassew, bħala l-​kelma t’Alla, li qed taħdem ukoll fikom li temmnu.” (1 Tessalonikin 2:​13) It-​Tessalonikin semgħu u ‘aċċettaw il-​kelma [t’Alla] bil-​ferħ.’ Huma ma kinux għadhom “fid-​dlam.” Minflok, huma kienu saru “wlied id-​dawl.” (1 Tessalonikin 1:​4-7; 5:​4, 5) Dawn il-​Kristjani saru jafu li Ġeħova hu l-​Ħallieq u li hu jistaʼ kollox, għaref, kollu mħabba, u ħanin. Bħal segwaċi oħrajn taʼ Kristu, huma wkoll tgħallmu li Ġeħova għamel provvediment biex iħassar għalkollox id-​dnubiet tagħhom permezz tas-​sagrifiċċju tal-​fidwa taʼ Ibnu, Ġesù Kristu.​—Atti 3:​19-21.

Għalkemm it-​Tessalonikin ma kinux jafu kollox dwar il-​verità, huma kienu jafu fejn kellhom ifittxu għall-​għarfien. L-​Iskrittura ispirata tistaʼ tagħmel lil dak li jkun “kapaċi għalkollox, armat bis-​sħiħ għal kull għemil tajjeb.” (2 Timotju 3:​16, 17) Il-​Kristjani f’Tessalonika setgħu jkomplu jistudjaw, u b’hekk jesperjenzaw għal darba wara l-​oħra li d-​dawl minn Alla hu tassew taʼ l-​għaġeb. Huma kellhom għalxiex jifirħu f’kull ħin. (1 Tessalonikin 5:​16) U l-​istess aħna.

Dawl fil-​Mogħdija Tagħna

Meta s-​salmista stqarr raġuni waħda għala d-​dawl hu meraviljuż, hu għanna: “Fanal għal riġlejja l-​kelma tiegħek, u dawl fil-​mogħdija tiegħi.” (Salm 119:105) Il-​gwida divina li nirċievu mill-​Kelma t’Alla tistaʼ tgħinna nippjanaw ħajja tajba u ngawdu ħajja sodisfaċenti. M’għandniex għalfejn inkunu bħal vapur mitluq mal-​kurrent. Jekk inkunu nafu l-​verità u napplikawha, se niġu protetti milli nkunu “mitfugħin ’l hawn u ’l hinn qisu mill-​mewġ u mtajrin minn kull riħ taʼ tagħlim.”​—Efesin 4:​14.

Il-Bibbja tgħid: “La tittamawx fil-​kbarat, għax il-​bniedem ma jsalvakomx.” Din tgħid ukoll: “Hieni min f’Alla taʼ Ġakobb isib l-​għajnuna tiegħu, min għandu t-​tama fil-​Mulej Alla tiegħu.” (Salm 146:​3, 5) Iktar minn hekk, jekk inpoġġu fiduċja f’Ġeħova se niġu megħjunin negħlbu l-​biżaʼ u l-​ansjetà. L-​appostlu Pawlu kiteb: “Tkunu ansjużi fuq xejn, imma f’kollox b’talb u b’suppliki flimkien maʼ radd il-​ħajr ħallu lil Alla jkun jaf x’teħtieġu; u l-​paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb tgħasses lil qalbkom u l-​qawwa mentali tagħkom permezz taʼ Kristu Ġesù.” (Filippin 4:​6, 7) Huwa tassew taʼ benefiċċju li niġu gwidati mid-​dawl tal-​Kelma t’Alla.

Iddu bħal Dawwala fid-​Dinja

Jerġaʼ raġuni oħra għala d-​dawl tal-​Kelma t’Alla hu taʼ l-​għaġeb hi li dan jiftaħ it-​triq għall-​iktar inkarigu importanti disponibbli għall-​bnedmin. Ġesù ta l-​istruzzjoni lis-​segwaċi tiegħu: “Morru u agħmlu dixxipli min-​nies tal-​ġnus kollha, għammduhom fl-​isem tal-​Missier u taʼ l-​Iben u taʼ l-​ispirtu qaddis, u għallmuhom josservaw dak kollu li ordnajtilkom. U, ara, jien magħkom il-​jiem kollha sa tmiem is-​sistema.” Hu introduċa l-​kmand billi qal: “Lili ngħatat kull awtorità fis-​sema u fuq l-​art.”​—Mattew 28:​18-​20.

Ikkunsidra min qed jgħin lill-​Kristjani veri fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba u fix-​xogħol taʼ li ngħallmu l-​veritajiet Bibliċi lin-​nies tal-​ġnus kollha. Ġesù wiegħed lis-​segwaċi tiegħu li kien se jkun magħhom. Hu tabilħaqq qed jgħinhom u jappoġġahom fil-​ministeru tagħhom hekk kif iħallu ‘d-​dawl tagħhom jiddi’ b’dan il-​mod u permezz t’“għemejjel tajbin” oħrajn. (Mattew 5:​14-​16) L-​anġli wkoll huma involuti f’dan ix-​xogħol t’evanġelizzar. (Rivelazzjoni 14:6) U xi ngħidu għal Alla Ġeħova? L-​appostlu Pawlu kiteb: “Jien ħawwilt, Apollo saqqa, imma Alla baqaʼ jkabbar.” Xi privileġġ għandna li nkunu fost il-​“ħaddiema sħab m’Alla”!​—1 Korintin 3:​6, 9.

Aħseb ukoll dwar kif jiġu mberkin l-​isforzi tagħna f’dan ix-​xogħol li tana Alla. Xejn ma jistaʼ jitqabbel mal-​privileġġ li jagħtina Alla biex ‘niddu bħala dawwala fid-​dinja.’ Jekk nirriflettu d-​dawl tal-​Kelma t’Alla fi kliemna u f’għemilna, aħna nkunu nistgħu ngħinu tassew lil individwi taʼ qalb onesta. (Filippin 2:​15) U aħna nistgħu nifirħu hekk kif biż-​żelu nippridkaw u ngħallmu, ‘għax Alla mhux inġust biex jinsa għemilna u l-​imħabba li wrejna għal ismu.’​—Ebrej 6:​10.

‘Ixtri Ingwent biex Tidlek Għajnejk’

F’messaġġ lill-​kongregazzjoni taʼ l-​ewwel seklu taʼ Laodiċija, Ġesù qal: “[Ixtri] mingħandi . . . ingwent taʼ l-​għajnejn biex tidlek għajnejk ħalli tara. Lil kulmin għandi affezzjoni lejh inwiddbu u niddixxiplinah.” (Rivelazzjoni 3:​18, 19) Il-​kura ċerta għall-​għama spiritwali hija l-​“ingwent”​—it-​tagħlim u d-​dixxiplina taʼ Ġesù. Jekk irridu nżommu ħarsa spiritwali xierqa dwar il-​futur u s-​sitwazzjoni tagħna, aħna rridu naċċettaw il-​pariri tiegħu u nissottomettu ruħna għalihom u għall-​gwida li nsibu fil-​Bibbja. Irridu wkoll nadottaw attitudni mentali bħal taʼ Kristu u nimitaw l-​eżempju tiegħu. (Filippin 2:5; 1 Pietru 2:​21) L-​ingwent m’huwiex b’xejn. Ġesù qal: ‘Ixtruh mingħandi.’ In-​nefqa tinvolvi l-​ħin u l-​isforz tagħna.

Meta noħorġu minn post mudlam u nidħlu f’kamra mdawla, għajnejna forsi jieħdu ftit tal-​ħin qabel ma jidraw. B’mod simili, biex naraw id-​dawl tal-​verità u nistudjaw il-​Kelma t’Alla wkoll nieħdu l-​ħin. Hemm bżonn il-​ħin biex nimmeditaw dwar dak li nitgħallmu u biex nirriflettu dwar kemm hi prezzjuża l-​verità. Però, in-​nefqa m’hijiex kbira wisq. Għala? Għaliex id-​dawl hu taʼ l-​għaġeb!

[Stampa f’paġna 14]

“[Ixtri] mingħandi . . . ingwent taʼ l-​għajnejn biex tidlek għajnejk ħalli tara”