Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Hija l-Kuxjenza Tiegħek Imħarrġa Sew?

Hija l-Kuxjenza Tiegħek Imħarrġa Sew?

Hija l-​Kuxjenza Tiegħek Imħarrġa Sew?

QATT għedt, “Naf ġo qalbi li dan mhux sewwa,” jew, “Ma nistax nagħmel dak li qed titlobni. Xi ħaġa ġo fija tgħidli li hu ħażin”? Dan kien il-​“leħen” tal-​kuxjenza tiegħek, dak li minn ġewwa jkellmek dwar, jew iġagħlek tħoss, x’inhu tajjeb u ħażin, li jiskuża jew jakkuża lill-​individwu. Iva, aħna nitwieldu bil-​kuxjenza.

Avolja l-​bnedmin jinsabu mbegħdin minn Alla, xorta waħda għandhom l-​abbiltà ġenerali li jagħrfu t-​tajjeb mill-​ħażin. Dan hu għaliex huma maħluqin fuq xbihat Alla, u għalhekk sa ċertu punt jirriflettu l-​kwalitajiet tiegħu taʼ l-​għerf u s-​sewwa. (Ġenesi 1:​26, 27) Dwar dan, l-​appostlu Pawlu kiteb taħt ispirazzjoni divina: “Kulmeta n-​nies tal-​ġnus li m’għandhomx liġi jagħmlu b’mod naturali l-​affarijiet tal-​liġi, dawn in-​nies, għalkemm m’għandhomx liġi, huma liġi għalihom infushom. Dawn juru li s-​sustanza tal-​liġi hi miktuba fi qlubhom, waqt li l-​kuxjenza tagħhom qed tixhed magħhom u, fi ħsibijiethom stess, qed jiġu akkużati jew skużati.” a​—Rumani 2:​14, 15.

Din it-​tendenza morali li writna mill-​ewwel bniedem, Adam, taħdem bħala “liġi,” jew regola taʼ kondotta, fin-​nies tar-​razez u n-​nazzjonalitajiet kollha. Hija l-​abbiltà li neżaminaw lilna nfusna u niġġudikaw lilna nfusna. (Rumani 9:1) Adam u Eva wrew din il-​fakultà malli kisru l-​liġi t’Alla—huma ħbew lilhom infushom. (Ġenesi 3:​7, 8) Eżempju ieħor taʼ kif taħdem il-​kuxjenza hu l-​mod kif is-​Sultan David irreaġixxa meta induna li dineb għaliex għamel iċ-​ċensiment. Il-​Bibbja tgħid li “David ħass qalbu ttaqtaq.”—2 Samwel 24:​1-10.

L-abbiltà li għandna biex neżaminaw u niġġudikaw il-​kondotta morali tagħna tistaʼ tqanqalna nieħdu dan il-​pass importanti taʼ l-​indiema li togħġob lil Alla. David kiteb: “Jien bqajt sieket u nfena ġismi, jiena u nokrob il-​jum kollu. Id-​dnub tiegħi jien stqarrejtlek, u l-​ħażen tiegħi ma ħbejtulekx. Jien għedt: ‘Quddiem il-​Mulej nistqarr ħtijieti.’ U int ħfirtli l-​ħażen tad-​dnub tiegħi.” (Salm 32:​3, 5) Għalhekk, kuxjenza li taħdem tistaʼ tressaq lil midneb lura lejn Alla, billi tgħinu jinduna li għandu bżonn il-​maħfra t’Alla u li għandu jsegwi t-​triqat Tiegħu.—Salm 51:​3-6, 11, 15-17 (51:​1-4, 9, 13-15, NW).

Il-​kuxjenza tipprovdi wkoll twissijiet jew gwida meta jkollna nagħmlu għażla jew nieħdu deċiżjoni morali. Kien dan l-​aspett tal-​kuxjenza li setaʼ għen lil Ġużeppi jinduna minn qabel li l-​adulterju kien żball u ħażin—dnub kontra Alla. Liġi speċifika dwar l-​adulterju iktar tard ġiet inkluża fl-​Għaxar Kmandamenti li ngħataw lil Iżrael. (Ġenesi 39:​1-9; Eżodu 20:14) Jidher ċar li aħna nibbenefikaw ħafna iktar meta l-​kuxjenza tagħna tkun imħarrġa biex tiggwidana iktar milli biex tiġġudikana biss. Il-​kuxjenza tiegħek taħdem b’dan il-​mod?

Inħarrġu l-​Kuxjenza biex Tieħu Deċiżjonijiet Tajbin

Għalkemm aħna nirtu l-​fakultà tal-​kuxjenza, sfortunatament dan id-​don hu difettuż. Minkejja li l-​bnedmin ngħataw bidu perfett, “kollha dinbu u jonqsu milli jilħqu l-​glorja t’Alla.” (Rumani 3:23) Minħabba li aħna mħassrin bid-​dnub u l-​imperfezzjoni, il-​kuxjenza tagħna tistaʼ ssir mgħawġa u ma tibqax taħdem bil-​mod kif ried Ġeħova meta ħalaqna. (Rumani 7:​18-23) Barra minn hekk, l-​affarijiet taʼ madwarna jistgħu jeffettwaw il-​kuxjenza tagħna. Tistaʼ tiġi influwenzata mit-​trobbija tagħna jew mid-​drawwiet, it-​twemmin, u l-​ambjent lokali. Żgur li l-​morali u l-​livelli baxxi li sejrin għall-​agħar tad-​dinja ma jistgħux ikunu livelli addattati għal kuxjenza tajba.

Għalhekk, Kristjan irid jiġi megħjun mil-​livelli sodi u ġusti li jinsabu fil-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja. Dawn jistgħu jiggwidaw lill-​kuxjenza tagħna ħalli nwieżnu l-​affarijiet kif suppost u nikkoreġuhom. (2 Timotju 3:16) Meta l-​kuxjenza tagħna tkun mgħallma skond il-​livelli t’Alla, din tistaʼ sservi bħala protezzjoni milli naġixxu b’tali mod li nġarrbu ħsara morali, u għalhekk tagħmilna kapaċi ‘nagħrfu nagħżlu kemm it-​tajjeb u kemm il-​ħażin.’ (Ebrej 5:14) Mingħajr il-​livelli t’Alla, il-​kuxjenza tagħna tistaʼ ma twissiniex meta naqbdu triq ħażina. Il-​Bibbja tgħid: “Hemm min jaħseb li triqtu dritta, mbagħad tmiemha jwasslu għall-​mewt.”—Proverbji 16:25; 17:20.

F’xi aspetti tal-​ħajja, il-​Kelma t’Alla tagħti gwida u direzzjoni ċara, u aħna nagħmlu sew jekk insegwuhom. Mill-​banda l-​oħra, hemm ħafna sitwazzjonijiet li għalihom m’hemm ebda direzzjoni speċifika fil-​Bibbja. Dawn jistgħu jinvolvu l-​għażla taʼ impjieg, kwistjonijiet taʼ saħħa, rikreazzjoni, ilbies u dehra, u aspetti oħra. M’huwiex faċli li tkun taf x’għandek tagħmel f’kull każ u tieħu d-​deċiżjoni t-​tajba. Għal din ir-​raġuni aħna għandu jkollna l-​attitudni taʼ David, li talab: “Triqatek, Mulej, għarrafni, il-​mogħdijiet tiegħek għallimni. Mexxini fis-​sewwa tiegħek u għallimni, għax int Alla tas-​salvazzjoni tiegħi.” (Salm 25:​4, 5) Iktar ma nifhmu l-​ħarsa t’Alla u triqatu, iktar se nkunu nistgħu neżaminaw bir-​reqqa ċ-​ċirkustanzi tagħna u nieħdu deċiżjonijiet li jħalluna b’kuxjenza nadifa.

Għalhekk, meta niffaċċjaw mistoqsija jew deċiżjoni, l-​ewwel għandna naħsbu dwar prinċipji Bibliċi li jistgħu japplikaw. Xi wħud minn dawn jistgħu jkunu: rispett lejn l-​arranġament taʼ kap (Kolossin 3:​18, 20); onestà f’kollox (Ebrej 13:18); mibegħda lejn dak li hu ħażin (Salm 97:10); li nfittxu l-​paċi (Rumani 14:19); ubbidjenza lejn awtoritajiet stabbiliti (Mattew 22:21; Rumani 13:​1-7); devozzjoni esklużiva lejn Alla (Mattew 4:10); li ma nkunu ebda parti mid-​dinja (Ġwanni 17:14); li nevitaw kumpanija ħażina (1 Korintin 15:33); modestja fl-​ilbies u d-​dehra (1 Timotju 2:​9, 10); u li ma nfixklux lil oħrajn (Filippin 1:10). Jekk nidentifikaw il-​prinċipji Bibliċi li jkunu japplikaw insaħħu l-​kuxjenza tagħna u nkunu nistgħu nieħdu deċiżjonijiet tajbin.

Ismaʼ lill-​Kuxjenza Tiegħek

Jekk irridu li l-​kuxjenza tagħna tgħinna, irridu nagħtu kasha. Huwa biss meta nwieġbu għas-​sinjali li tagħtina l-​kuxjenza tagħna mħarrġa mill-​Bibbja li se nkunu nistgħu nibbenefikaw minnha. Nistgħu nqabblu l-​kuxjenza mħarrġa mad-​dwal taʼ twissija fuq id-​daxxbord tal-​karozza. Ejja ngħidu li bozza tibda tixgħel biex twissina li naqsilna ż-​żejt. X’se jiġri jekk ma nagħtux kas il-​problema mill-​ewwel u nkomplu nsuqu l-​vettura? Nistgħu nagħmlu ħsara kbira lill-​magna. Bl-​istess mod, il-​kuxjenza tagħna, jew il-​leħen minn ġewwa, tistaʼ twissina li ċerta mġiba hi ħażina. Meta nqabblu l-​livelli u l-​valuri Skritturali maʼ l-​azzjoni li tkun se tittieħed jew li nkunu qed naħsbu li se nieħdu, tingħatalna twissija, l-​istess bħalma twissina l-​bozza fuq id-​daxxbord. Jekk nagħtu kas it-​twissija niġu megħjunin mhux biss biex nevitaw il-​konsegwenzi ħżiena taʼ l-​għemil ħażin imma wkoll se ngħinu lill-​kuxjenza tagħna biex tibqaʼ taħdem sew.

X’jiġri jekk nagħżlu li ninjoraw it-​twissija? Maż-​żmien il-​kuxjenza tistaʼ ma tibqax sensittiva. L-​effett minħabba li b’mod persistenti ninjorawha jew noħonquha jistaʼ jitqabbel maʼ li timmarka l-​ġilda permezz taʼ ħadida tikwi. Il-​farrett iebes li jitħalla jispiċċa mingħajr nervituri, ma jibqaʼ jħoss xejn. (1 Timotju 4:2) Kuxjenza bħal din ma tibqax tiġġudikana meta nagħmlu xi dnub, lanqas ma twissina biex nevitaw li nirripetuh. Kuxjenza li tibqaʼ mmarkata bħallikieku b’farrett tinjora l-​livelli tal-​Bibbja dwar x’inhu tajjeb u ħażin, u għalhekk hi kuxjenza ħażina. Hija kuxjenza mniġġsa u sidha jkun ‘tilef kull sens morali.’ (Efesin 4:​17-19; Titu 1:15) X’riżultat traġiku!

“Żommu Kuxjenza Tajba”

Biex iżżomm kuxjenza tajba trid tagħmel sforz kontinwu. L-​appostlu Pawlu qal: “Nitħabat biex ngħix b’kuxjenza nadifa quddiem Alla u quddiem il-​bnedmin.” (Atti 24:16) Bħala Kristjan, Pawlu kontinwament iċċekkja u kkoreġa l-​azzjonijiet tiegħu biex ikun ċert li bl-​ebda mod ma joffendi lil Alla. Pawlu kien jaf li fl-​aħħar mill-​aħħar, hu Alla li jiddetermina jekk dak li nagħmlu huwiex tajjeb jew ħażin. (Rumani 14:​10-12; 1 Korintin 4:4) Pawlu qal: “Kollox hu għeri u mikxuf beraħ quddiem dak li rridu nagħtuh kont.”—Ebrej 4:13.

Pawlu semma wkoll li m’għandna nagħmlu ebda offiża kontra l-​bniedem. Eżempju xieraq taʼ dan hu l-​parir lill-​Kristjani Korintin dwar “li wieħed jiekol l-​ikel offrut lill-​idoli.” Il-​punt tiegħu kien li anki meta ċerta mġiba tistaʼ ma tkunx oġġezzjonabbli fiha nfisha mill-​ħarsa tal-​Kelma t’Alla, hu vitali li nikkunsidraw il-​kuxjenza t’oħrajn. Jekk ma nagħmlux hekk, nistgħu nikkaġunaw rovina spiritwali lil ‘ħutna li għalihom miet Kristu.’ Nistgħu wkoll nirvinaw ir-​relazzjoni tagħna stess m’Alla.—1 Korintin 8:​4, 11-13; 10:​23, 24.

Għalhekk, kompli ħarreġ il-​kuxjenza tiegħek u żomm kuxjenza nadifa. Meta tieħu d-​deċiżjonijiet, fittex il-​gwida t’Alla. (Ġakbu 1:5) Studja l-​Kelma t’Alla, u ħalli l-​prinċipji tagħha jifformawlek moħħok u qalbek. (Proverbji 2:​3-5) Meta jqumu kwistjonijiet serji, ħu parir mingħand Kristjani maturi ħalli tkun ċert li għandek il-​fehma korretta tal-​prinċipji Bibliċi involuti. (Proverbji 12:15; Rumani 14:1; Galatin 6:5) Ikkunsidra kif id-​deċiżjoni tiegħek se teffettwa l-​kuxjenza tiegħek, kif se teffettwa lil oħrajn, u fuq kollox, kif se teffettwa r-​relazzjoni tiegħek maʼ Ġeħova.—1 Timotju 1:​5, 18, 19.

Il-kuxjenza tagħna hi rigal meraviljuż mingħand Missierna tas-​sema li hu kollu mħabba, Alla Ġeħova. Meta nużawha fi qbil mar-​rieda taʼ Dak li tahielna, se nersqu eqreb lejn il-​Ħallieq tagħna. Hekk kif nistinkaw biex ‘inżommu kuxjenza tajba’ f’dak kollu li nagħmlu, se nuru iktar biċ-​ċar kemm aħna magħmulin fuq xbihat Alla.—1 Pietru 3:16; Kolossin 3:10.

[Nota taʼ taħt]

a Il-​kelma Griega għal kuxjenza użata hawnhekk tfisser “il-​fakultà ġewwinija taʼ ġudizzju morali” (The Analytical Greek Lexicon Revised, minn Harold K. Moulton); “li tagħraf bejn dak li hu tajjeb u ħażin moralment.”​—Greek-English Lexicon, minn J. H. Thayer.

[Stampi f’paġna 13]

Hija l-​kuxjenza tiegħek imħarrġa biex tiggwidak iktar milli sempliċement tiġġudikak?

[Stampa f’paġna 14]

Meta nitgħallmu l-​prinċipji tal-​Bibbja u napplikawhom ikollna kuxjenza mħarrġa sew

[Stampi f’paġna 15]

Tinjorax it-​twissijiet tal-​kuxjenza tiegħek