Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kif se tiġi eliminata l-mewt, l-għadu tagħna?

Kif se tiġi eliminata l-mewt, l-għadu tagħna?

GĦALKEMM l-​ewwel ġenituri tagħna, Adam u Eva, m’obdewx u ġabu d-​dnub u l-​mewt fuq il-​bnedmin kollha, l-​iskop t’Alla xorta baqaʼ l-​istess għall-​bnedmin. Fil-​Kelma miktuba tiegħu, il-​Bibbja, għal darba wara l-​oħra, Alla kkonferma li l-​iskop tiegħu ma nbidilx.

  • “Il-​ġusti se jirtu l-​art, u jgħammru fiha għal dejjem.”Salm 37:29.

  • “Hu jiblaʼ l-​mewt għal dejjem, u l-​Mulej Sovran Ġeħova se jimsaħ id-​dmugħ mill-​uċuħ kollha.”Isaija 25:8.

  • “Bħala l-​aħħar għadu, il-​mewt se tinġieb fix-​xejn.”1 Korintin 15:26.

  • “Ma jkunx hemm iżjed mewt, u la niket u la għajat u lanqas uġigħ.”Rivelazzjoni 21:4.

Alla kif se “jiblaʼ l-​mewt” u jġib dan l-​għadu “fix-​xejn”? Bħalma rajna, il-​Bibbja tgħid b’mod ċar li l-​ġusti se jgħixu għal dejjem. Imma tgħid ukoll li “m’hemm l-​ebda bniedem ġust fuq l-​art li dejjem jagħmel it-​tajjeb.” (Ekkleżjasti 7:20) Se jitlaq Alla l-​livelli tiegħu biex jelimina l-​mewt? Żgur li le! Qatt mhu se jagħmel hekk, għax “Alla . . . ma jistax jigdeb.” (Titu 1:2) Allura, x’se jagħmel Alla biex iwettaq l-​iskop tiegħu għall-​bnedmin?

ALLA SE “JIBLAʼ L-​MEWT GĦAL DEJJEM.”—ISAIJA 25:8

JELIMINA L-​MEWT BILLI JĦALLAS FIDWA

Alla Ġeħova għamel provvediment bi mħabba biex jifdi l-​bnedmin mill-​mewt. Hu ħallas fidwa. Fidwa bażikament hi xi ħaġa tal-​istess valur li tintuża biex tħallas ħsarat li saru jew biex issir ġustizzja. Peress li l-​bnedmin kollha huma midinbin u taħt il-​piena tal-​mewt, il-​Bibbja bla tlaqliq tgħid: “Ħadd ma jistaʼ jifdi lilu nnifsu, jew jagħti lil Alla l-​prezz tal-​fidwa tiegħu. Għoli wisq il-​prezz taʼ ħajtu, qatt ma jkun biżżejjed.”—Salm 49:8, 9, Il-​Bibbja, Għaqda Biblika Maltija.

Meta bniedem imperfett imut, hu jistaʼ jħallas biss il-​kastig tad-​dnubiet tiegħu stess. La jistaʼ jifdi lilu nnifsu u lanqas ma jistaʼ jħallas għad-​dnubiet t’oħrajn. (Rumani 6:7) Kellna bżonn lil xi ħadd li kien perfett u bla dnub biex jagħti ħajtu, mhux għad-​dnubiet tiegħu stess, imma għad-​dnubiet tagħna.—Ebrej 10:1-4.

Dan hu eżatt l-​arranġament li għamel Alla. Hu bagħat lil Ibnu, Ġesù, mis-​sema biex jitwieled fuq l-​art bħala bniedem perfett u bla dnub. (1 Pietru 2:22) Ġesù qal li hu ġie biex “jagħti ruħu b’fidwa għal ħafna.” (Marku 10:45) Hu miet biex jelimina l-​mewt sabiex aħna jkun jistaʼ jkollna l-​ħajja.—Ġwanni 3:16.

IL-​MEWT META SE TIĠI ELIMINATA?

Fi qbil mal-​profeziji tal-​Bibbja, illum qed ngħixu fi “żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom.” Dawn qed jagħtu prova li aħna qegħdin ngħixu “fl-​aħħar jiem” taʼ din is-​sistema ħażina. (2 Timotju 3:1) L-​aħħar jiem se jilħqu l-​quċċata tagħhom f’“jum il-​ġudizzju u l-​qerda taʼ nies bla devozzjoni lejn Alla.” (2 Pietru 3:3, 7) Imma n-​nies li jħobbu lil Alla se jsalvaw minn din il-​qerda u se jiġu mberkin b’“ħajja taʼ dejjem.”—Mattew 25:46.

Ġesù ġie biex “jagħti ruħu b’fidwa għal ħafna.”—Marku 10:45

Miljuni taʼ nies oħrajn se jkollhom l-​opportunità li jiksbu l-​ħajja taʼ dejjem meta jiġu rxoxtati. Ġesù wettaq irxoxt meta mar fil-​belt taʼ Najn. Hu ra armla li kien mitilha l-​uniku iben tagħha, u Ġesù, għax “tħassarha,” reġaʼ tah il-​ħajja. (Luqa 7:11-​15) Ukoll, l-appostlu Pawlu qal: “Għandi tama f’Alla . . . li se jkun hemm irxoxt kemm tan-​nies sewwa u kemm taʼ dawk li m’humiex sewwa.” Din it-​tama soda turi b’mod straordinarju l-​imħabba li Alla għandu għall-​bnedmin.—Atti 24:15.

Biljuni jistgħu jħarsu ’l quddiem li jgħixu għal dejjem. Il-​Bibbja tgħid: “Il-​ġusti se jirtu l-​art, u jgħammru fiha għal dejjem.” (Salm 37:29) F’dak iż-​żmien, se jkunu ferħanin ħafna għax se jesperjenzaw personalment it-​twettiq tal-​kliem li kiteb l-​appostlu Pawlu xi 2,000 sena ilu: “Mewt, fejn hi r-​rebħa tiegħek? Mewt, fejn hi t-​tingiża tiegħek?” (1 Korintin 15:55) Il-​mewt, l-​għadu mill-​agħar tal-​bnedmin, se tkun ġiet eliminata!