Mur fil-kontenut

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

X’inhu l-irxoxt?

X’inhu l-irxoxt?

It-​tweġiba tal-​Bibbja

Fil-​Bibbja, il-​kelma tradotta bħala “rxoxt” tiġi mill-​kelma Griega anastasis, li tfisser li wieħed “jerġaʼ jqum bilwieqfa.” Persuna li hija rxoxtata hija mqajma mill-​mewt u terġaʼ tingħata l-​ħajja bħala l-​persuna li kienet qabel.—1 Korintin 15:12, 13.

Il-​kelma “rxoxt” ma tinstabx fl-​Iskrittura Ebrajka, spiss imsejħa t-​Testment il-​Qadim, imma t-​tagħlim jidher hemmhekk. Pereżempju, permezz tal-​profeta Ħosea, Alla wiegħed: “Minn taħt idejn il-​Qabar se nifdihom; mill-​mewt se nġibhom lura.”—Ħosea 13:14; Ġob 14:13-​15; Isaija 26:19; Danjel 12:2, 13.

Fejn se jiġu rxoxtati n-​nies? Xi wħud huma rxoxtati għal ħajja fis-​sema biex imexxu bħala slaten ma’ Kristu. (2 Korintin 5:1; Rivelazzjoni 5:9, 10) Il-​Bibbja dan tirreferi għalih bħala “l-​ewwel irxoxt”. Dan jagħti x’jifhem li wara se jkun hemm irxoxt ieħor. (Rivelazzjoni 20:6; Filippin 3:11) Dan l-​irxoxt se jkun għal ħajja fuq l-​art, li l-​maġġoranza taʼ dawk irxoxtati se jgawdu.—Salm 37:29.

In-​nies kif inhuma rxoxtati? Alla ta lil Ġesù l-​qawwa li jqajjem lin-​nies mill-​mewt. (Ġwanni 11:25) Ġesù se jagħti l-​ħajja lil “dawk kollha li qegħdin fl-​oqbra tat-​tifkira,” kull wieħed bl-​identità, il-​personalità, u l-​memorji uniċi tiegħu. (Ġwanni 5:28, 29) Dawk irxoxtati fis-​sema jirċievu ġisem bħal tal-​anġli, filwaqt li dawk irxoxtati fuq l-​art jirċievu ġisem fiżiku f’saħħtu u bla difett.—Isaija 33:24; 35:5, 6; 1 Korintin 15:42-​44, 50.

Min se jiġi rxoxtat? Il-​Bibbja tgħid li “se jkun hemm irxoxt kemm tan-​nies sewwa u kemm taʼ dawk li m’humiex sewwa.” (Atti 24:15) In-​nies sewwa jinkludu lill-​uħud leali bħal Noè, Sara, u Abraham. (Ġenesi 6:9; Ebrej 11:11; Ġakbu 2:21) Fost dawk li mhumiex sewwa hemm dawk li m’għexux fi qbil mal-​livelli t’Alla imma li ma kellhomx l-​opportunità li jitgħallmuhom u jimxu fi qbil magħhom.

Madankollu, dawk li jsiru tant mill-​agħar li m’għandhom l-​ebda tama li jinbidlu, mhumiex se jiġu rxoxtati. Meta wħud bħal dawn imutu, huma jsofru qerda permanenti mingħajr ebda tama taʼ rxoxt.—Mattew 23:33; Ebrej 10:26, 27.

Meta se jseħħ l-​irxoxt? Il-​Bibbja bassret li l-​irxoxt għas-​sema kellu jseħħ waqt il-​preżenza taʼ Kristu, li bdiet fl-​1914. (1 Korintin 15:21-​23) L-​irxoxt tal-​ħajja fuq l-​art se jseħħ waqt ir-​Renju taʼ Elf Sena taʼ Ġesù Kristu, meta l-​art tiġi magħmula ġenna.—Luqa 23:43; Rivelazzjoni 20:6, 12, 13.

It-​twemmin fl-​irxoxt għala hu raġunevoli? Il-​Bibbja fiha disaʼ rakkonti dettaljati taʼ rxoxt, kull wieħed minnhom kellu x-​xhieda preżenti. (1 Slaten 17:17-​24; 2 Slaten 4:32-​37; 13:20, 21; Luqa 7:11-​17; 8:40-​56; Ġwanni 11:38-​44; Atti 9:36-​42; 20:7-​12; 1 Korintin 15:3-​6) Wieħed minn dawn ir-​rakkonti kien meta Ġesù rxoxta lil Lazzru. Dan hu speċjalment taʼ min jinnotah għax Lazzru kien ilu mejjet erbat ijiem u Ġesù għamel dan il-​miraklu quddiem folla nies. (Ġwanni 11:39, 42) Anke dawk li opponew lil Ġesù ma setgħux jiċħdu dan il-​fatt, u għalhekk ikkonfoffaw biex joqtlu kemm lil Ġesù u kemm lil Lazzru.—Ġwanni 11:47, 53; 12:9-​11.

Il-​Bibbja turi li Alla għandu kemm l-​abbiltà u anke x-​xewqa li jqajjem il-​mejtin. Hu jżomm fil-​memorja bla limitu tiegħu rekord dettaljat taʼ kull persuna li se jirxoxta permezz tal-​qawwa straordinarja tiegħu. (Ġob 37:23; Mattew 10:30; Luqa 20:37, 38) Alla għandu l-​abbiltà li jirxoxta l-​mejtin lura għall-​ħajja, u hu jrid jagħmel dan! Meta l-​Bibbja tispjega l-​irxoxt li ġej, tgħid dan dwar Alla: “Għal xogħol idejk int tixxennaq.”—Ġob 14:15.

Fehmiet żbaljati dwar l-​irxoxt

Ħrafa: L-​irxoxt huwa meta r-​ruħ terġaʼ tingħaqad mal-​ġisem.

Fatt: Il-​Bibbja tgħallem li r-​ruħ hija l-​persuna sħiħa, mhux xi parti li tibqaʼ ħajja wara l-​mewt. (Ġenesi 2:7, nota taʼ taħt; Eżekjel 18:4) L-​individwu li huwa rxoxtat ma jerġax jingħaqad mar-​ruħ tiegħu, iżda huwa maħluq mill-​ġdid bħala ruħ ħajja.

Ħrafa: Xi nies huma rxoxtati u mbagħad meqrudin mill-​ewwel.

Fatt: Il-​Bibbja tgħid li “dawk li pprattikaw affarijiet vili” se jirċievu “rxoxt taʼ ġudizzju.” (Ġwanni 5:29) Però, dan il-​ġudizzju huwa bbażat fuq dak li jagħmlu wara li jiġu rxoxtati, mhux qabel. Ġesù qal: “Il-​mejtin jisimgħu leħen l-​Iben t’Alla u dawk li jkunu taw kas, jgħixu.” (Ġwanni 5:25) Dawk li ‘jagħtu kas,’ jew jobdu, l-​affarijiet li jitgħallmu wara li jiġu rxoxtati se jkollhom isimhom imniżżel fir-​“romblu tal-​ħajja.”—Rivelazzjoni 20:12, 13.

Ħrafa: Meta jiġi rxoxtat, l-​individwu jirċievi l-​istess ġisem eżatt li kellu qabel ma miet.

Fatt: Wara l-​mewt, il-​ġisem x’aktarx li jkun tmermer u sar trab.—Ekkleżjasti 3:19, 20.