Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Ġeħova Alla tagħna hu Ġeħova wieħed”

“Ġeħova Alla tagħna hu Ġeħova wieħed”

“Ismaʼ, O Israel: Ġeħova Alla tagħna hu Ġeħova wieħed.”—DEWTERONOMJU 6:4.

GĦANJIET: 138, 112

1, 2. (a) Il-​kliem taʼ Dewteronomju 6:4 għala hu daqstant magħruf? (b) Mosè għala qal dan il-​kliem?

GĦAL mijiet taʼ snin, il-​Lhud użaw il-​kliem taʼ Dewteronomju 6:4 bħala parti minn talba speċjali. Din it-​talba tissejjaħ Xema, li hi l-​ewwel kelma taʼ dak il-​vers bl-​Ebrajk. Ħafna Lhud jgħidu din it-​talba kuljum, filgħodu u filgħaxija, biex juru li huma devoti lejn Alla biss.

2 Dan il-​kliem hu parti mill-​aħħar taħdita li Mosè ta lill-​ġens tal-​Iżrael. Fis-​sena 1473 qabel Kristu (QK), il-​ġens kien fl-​art taʼ Mowab, lest biex jaqsam ix-​Xmara Ġordan u jieħu taħt idejh l-​Art Imwiegħda. (Dewteronomju 6:1) Mosè kien mexxa lin-​nies għal 40 sena, u riedhom ikunu kuraġġużi biex jiffaċċjaw id-​diffikultajiet li kienu se jħabbtu wiċċhom magħhom. Kellhom bżonn jafdaw fl-​Alla tagħhom, Ġeħova, u jkunu leali lejh. Għalhekk, l-​aħħar kliem taʼ Mosè ħeġġiġhom biex jagħmlu preċiż hekk. Wara li semma l-​Għaxar Kmandamenti u liġijiet oħra minn Ġeħova, Mosè ta lin-​nies it-​tfakkira taʼ min jaħseb fuqha f’​Dewteronomju 6:4, 5. (Aqra.)

3. Liema mistoqsijiet se nikkunsidraw f’dan l-​artiklu?

3 L-​Iżraelin kienu jafu li Ġeħova Alla tagħhom kien “Ġeħova wieħed.” L-​Iżraelin leali qiemu lil Alla wieħed, l-​Alla tal-​antenati tagħhom. Allura, Mosè għala fakkarhom li Ġeħova Alla tagħhom hu “Ġeħova wieħed”? X’konnessjoni hemm bejn din il-​verità u l-​fatt li nħobbu lil Alla b’qalbna kollha, b’ruħna kollha, u b’saħħitna kollha? U l-​kliem taʼ Dewteronomju 6:4, 5, kif japplika għalina llum?

ALLA TAGĦNA HU “ĠEĦOVA WIEĦED”

4, 5. (a) X’inhi waħda mit-​tifsiriet tal-​frażi “Ġeħova wieħed”? (b) Ġeħova kif inhu differenti mill-​allat tal-​ġnus?

4 Uniku. L-​espressjoni “Ġeħova wieħed” tfisser li Ġeħova hu uniku, jiġifieri li ħadd mhu daqsu jew bħalu. Mosè għala uża dik l-​espressjoni? Hawnhekk, Mosè ma kienx qed juri jekk it-​twemmin tat-​trinità kienx minnu jew le. Ġeħova hu l-​Ħallieq tas-​sema u l-​art u l-​Mexxej tal-​univers. Hu l-​uniku Alla veru, u m’hemm l-​ebda alla bħalu. (2 Samwel 7:22) Għalhekk, kliem Mosè kien se jfakkar lill-​Iżraelin li għandhom iqimu lil Ġeħova biss. Ma kellhomx jimitaw lin-​nies taʼ madwarhom, li qiemu lil ħafna allat foloz. Dawn in-​nies emmnu li l-​allat tagħhom setgħu jikkontrollaw in-​natura.

5 Pereżempju, l-​Eġizzjani kienu jqimu lill-​alla tax-​xemx Ra, l-​alla mara tas-​sema Nut, l-​alla tal-​art Geb, l-​alla tan-​Nil Hapi, kif ukoll ħafna annimali. Ġeħova wera li kien superjuri għal dawn l-​allat foloz meta ġab l-​Għaxar Kastigi. L-​alla ewlieni tal-​Kangħanin kien Bagħal, alla falz li l-​Kangħanin emmnu li kien ġab il-​ħajja fl-​eżistenza. Kienu jemmnu wkoll li kien l-​alla tas-​sema, tax-​xita, u tal-​maltemp. F’ħafna postijiet, in-​nies straħu fuq Bagħal għall-​protezzjoni. (Numri 25:3) L-​Iżraelin kellhom jiftakru li Alla tagħhom, “l-​Alla l-​veru,” hu uniku. Hu “Ġeħova wieħed.”—Dewteronomju 4:35, 39.

Alla Ġeħova mhuwiex inkonsistenti jew ma jafx x’se jaqbad jagħmel. Hu dejjem leali, konsistenti, iżomm kelmtu, u hu veru

6, 7. X’inhi tifsira oħra tal-​kelma “wieħed,” u Ġeħova kif wera biċ-​ċar li hu “wieħed”?

6 Konsistenti u leali. Il-​kelma “wieħed” fl-​espressjoni “Ġeħova wieħed” tfisser ukoll li l-​iskop u l-​azzjonijiet tiegħu dejjem huma taʼ min joqgħod fuqhom. Alla Ġeħova mhuwiex inkonsistenti jew ma jafx x’se jaqbad jagħmel. Hu dejjem leali, konsistenti, iżomm kelmtu, u hu veru. Pereżempju, hu wiegħed lil Abraham li d-​dixxendenti tiegħu kienu se jgħixu fl-​art imwiegħda. U Ġeħova wettaq ħafna mirakli setgħanin biex iżomm dik il-​wegħda. Erbaʼ mija u tletin sena wara li ta dik il-​wegħda, l-​iskop taʼ Ġeħova ma kienx inbidel.—Ġenesi 12:1, 2, 7; Eżodu 12:40, 41.

7 Mijiet taʼ snin wara, Ġeħova sejjaħ lill-​Iżraelin, ix-​xhieda tiegħu, u qalilhom: “Jien l-​istess Wieħed. Qabli ma ssawwar ebda Alla, u warajja baqaʼ ma kien hemm ħadd.” Ġeħova għamilha ċara wkoll li l-​iskop tiegħu qatt ma jinbidel meta żied jgħid: “Jien l-​istess Wieħed.” (Isaija 43:10, 13; 44:6; 48:12) Xi privileġġ kellhom l-​Iżraelin li jaqdu Alla li hu konsistenti u li hu dejjem leali! Aħna għandna l-​istess privileġġ illum!—Malakija 3:6; Ġakbu 1:17.

8, 9. (a) Ġeħova x’jistenna minn dawk li jqimuh? (b) Ġesù kif enfasizza l-​importanza taʼ kliem Mosè?

8 Iva, Mosè fakkar lill-​Iżraelin li Ġeħova qatt ma kien se jieqaf milli jħobbhom u jieħu ħsiebhom. Min-​naħa tiegħu mbagħad Ġeħova stenna li l-​Iżraelin jagħtuh devozzjoni esklużiva u jħobbuh b’qalbhom kollha, b’ruħhom kollha, u b’saħħithom kollha. Il-​ġenituri kellhom jgħallmu lil uliedhom dwar Ġeħova f’kull opportunità ħalli minn età żgħira huma wkoll iqimu lil Ġeħova biss.—Dewteronomju 6:6-​9.

9 Ġeħova qatt ma jbiddel l-​iskop tiegħu, u allura qatt ma se jbiddel dak li jistenna mill-​aduraturi veri tiegħu. Jekk irridu li Ġeħova jieħu pjaċir bil-​qima tagħna, irridu nagħtuh devozzjoni esklużiva u nħobbuh b’qalbna kollha, b’moħħna kollu, u b’saħħitna kollha. Ġesù qal li dan hu l-​akbar kmandament. (Aqra Marku 12:28-​31.) Ejja nitgħallmu kif nistgħu nuru bl-​azzjonijiet tagħna li nemmnu li “Ġeħova Alla tagħna hu Ġeħova wieħed.”

AGĦTI LIL ĠEĦOVA DEVOZZJONI ESKLUŻIVA

10, 11. (a) Il-​qima tagħna lil Ġeħova f’liema sens hi esklużiva? (b) Iż-​żgħażagħ Ebrej f’Babilonja kif urew id-​devozzjoni esklużiva tagħhom lejn Ġeħova?

10 Ġeħova hu l-​uniku Alla tagħna. Aħna nagħtuh id-​devozzjoni esklużiva tagħna meta nqimu lilu biss. Ma nistgħux inqimu lil allat oħra jew ninkludu xi ideat jew prattiki foloz fil-​qima tagħna lil Ġeħova. Mhuwiex sempliċi alla li hu superjuri għal allat oħra jew li hu iktar setgħan minnhom. Hu l-​Alla l-​veru. M’għandna nqimu lil ħadd ħlief Ġeħova.—Aqra Rivelazzjoni 4:11.

11 Fil-​ktieb taʼ Danjel, naqraw dwar iż-​żgħażagħ Ebrej—Danjel, Ħananija, Misael, u Għażarija. Dawn urew id-​devozzjoni esklużiva tagħhom lejn Ġeħova billi rrifjutaw li jieklu ikel li ma kienx nadif għall-​aduraturi taʼ Ġeħova. U t-​tlett iħbieb taʼ Danjel irrifjutaw li jmilu lejn idolu, l-​istatwa tad-​deheb taʼ Nebukadnessar. Għalihom, Ġeħova kien jiġi l-​ewwel u qabel kollox. Kienu leali għalkollox lejh.—Danjel 1:1–3:30.

Ġeħova jrid ikollu l-​ewwel post f’ħajjitna

12. Jekk irridu nagħtu lil Ġeħova devozzjoni esklużiva, kontra xiex għandna ngħassu?

12 Ġeħova jrid ikollu l-​ewwel post f’ħajjitna. Jekk irridu nagħtuh devozzjoni esklużiva, irridu noqogħdu b’sebaʼ għajnejn li affarijiet oħra ma jiħdulux postu. X’jistgħu jkunu dawn l-​affarijiet? Fl-​Għaxar Kmandamenti, Ġeħova qal li n-​nies tiegħu m’għandhomx iqimu lil allat oħra. U m’għandhom jipprattikaw l-​ebda tip taʼ idolatrija. (Dewteronomju 5:6-​10) Illum il-​ġurnata, hemm ħafna tipi taʼ idolatrija, u ftit minn dawn huma diffiċli biex tagħrafhom. Imma Ġeħova ma biddilx dak li jistenna minna. Hu għadu “Ġeħova wieħed.” Ejja naraw kif nistgħu nevitaw l-​idolatrija llum.

13. X’inhuma xi affarijiet li nistgħu nibdew inħobbu iktar minn Ġeħova?

13 F’​Kolossin 3:5 (aqra), naqraw dwar affarijiet li jistgħu jħassru l-​ħbiberija esklużiva li għandna maʼ Ġeħova. Naraw li r-​regħba hi relatata mal-​idolatrija. B’liema mod? Meta jkollna xewqa qawwija għal xi ħaġa, bħal pereżempju li jkollna ħafna flus jew affarijiet lussużi, din tistaʼ tikkontrolla lil ħajjitna, bħal alla setgħan. Dawn id-​dnubiet kollha msemmijin f’​Kolossin 3:5 għandhom x’jaqsmu mar-​regħba, li hi tip taʼ idolatrija. Għalhekk, jekk ikollna xewqa qawwija għal dawn l-​affarijiet, nistgħu nibdew inħobbu lilhom iktar milli nħobbu lil Alla. Imbagħad, Ġeħova qatt ma kien ikun “Ġeħova wieħed” għalina. Żgur li qatt ma rridu li jiġri dan.

14. L-​appostlu Ġwanni liema twissija ta dwar l-​imħabba tagħna għal Alla?

14 L-​appostlu Ġwanni enfasizza xi ħaġa simili. Hu wissa li jekk xi ħadd iħobb l-​affarijiet tad-​dinja, jiġifieri “x-​xewqa tal-​laħam u x-​xewqa taʼ l-​għajnejn u l-​iffanfrar bil-​mezzi tal-​ħajja,” imbagħad “l-​imħabba tal-​Missier mhix fih.” (1 Ġwanni 2:15, 16) Għalhekk, għandna bżonn neżaminaw lilna nfusna regolarment biex naraw jekk inħobbux id-​dinja. Jistaʼ jkun li nindunaw li bdew jogħġbuna xi nies tad-​dinja u affarijiet fid-​dinja bħad-​divertiment, l-​ilbies, u d-​dehra fiżika. Jew forsi nkunu rridu nakkwistaw “ħwejjeġ kbar” billi nfittxu edukazzjoni iktar għolja. (Ġeremija 45:4, 5) Id-​dinja l-​ġdida hi fil-​viċin ħafna. Allura rridu niftakru fil-​kliem taʼ Mosè li hu taʼ min jaħseb fuqu! Jekk nifhmu u verament nemmnu li “Ġeħova Alla tagħna hu Ġeħova wieħed,” se nagħtuh id-​devozzjoni esklużiva tagħna u naqduh bil-​mod kif irid hu.—Ebrej 12:28, 29.

ŻOMM L-​UNITÀ KRISTJANA

15. Pawlu għala fakkar lill-​Kristjani li Alla hu “Ġeħova wieħed”?

15 L-​espressjoni “Ġeħova wieħed” tgħinna nifhmu li Ġeħova jrid li l-​qaddejja tiegħu jkunu f’unità u jkollhom l-​istess skop f’ħajjithom. Fil-​kongregazzjoni Kristjana tal-​bidu, kien hemm Lhud, Griegi, Rumani, u nies taʼ nazzjonalitajiet oħra. Kellhom sfondi, kulturi, u preferenzi differenti. Minħabba dan, kien diffiċli għal xi wħud minnhom biex jaċċettaw mod ġdid kif iqimu jew biex jabbandunaw il-​prattiki li kellhom qabel. Allura, Pawlu kellu bżonn ifakkarhom li l-​Kristjani għandhom Alla wieħed, Ġeħova.—Aqra l-​1 Korintin 8:5, 6.

Ġeħova jrid li l-​qaddejja tiegħu jkunu f’unità u jkollhom l-​istess skop f’ħajjithom

16, 17. (a) Liema profezija qed titwettaq fi żmienna, u b’liema riżultat? (b) X’jistaʼ jkisser l-​unità tagħna?

16 Xi ngħidu dwar il-​kongregazzjoni Kristjana llum? Il-​profeta Isaija qal li “fl-​aħħar parti tal-​jiem,” nies mill-​ġnus kollha kienu se jinġabru flimkien biex iqimu lil Ġeħova. Kienu se jgħidu: “Hu jgħallimna dwar triqatu, u aħna nimxu fil-​mogħdijiet tiegħu.” (Isaija 2:2, 3) Fil-​fatt, aħna ferħanin li qed naraw din il-​profezija titwettaq illum il-​ġurnata! Ħutna rġiel u nisa jiġu minn postijiet differenti, jitkellmu lingwi differenti, u għandhom kulturi differenti. Imma aħna magħqudin fil-​qima tagħna lil Ġeħova. Madanakollu, peress li aħna tant differenti, kultant jistaʼ jkun hemm id-​diffikultajiet.

Qed tistinka int biex iżżomm il-kongregazzjoni Kristjana magħquda? (Ara paragrafi 16-19)

17 Pereżempju, kif tħossok int dwar l-​aħwa rġiel u nisa li ġejjin minn kulturi differenti? Il-​lingwa, l-​ilbies, il-​manjieri, u l-​ikel tagħhom jafu jkunu differenti ħafna minn tiegħek. Tevitahom int u tqattaʼ l-​biċċa l-​kbira mill-​ħin tiegħek maʼ dawk biss li għandek affarijiet komuni magħhom? Kif tħossok dwar l-​anzjani tal-​kongregazzjonijiet li huma iżgħar minnek jew li huma taʼ razza jew kultura differenti? Jekk ma noqogħdux attenti, jistaʼ jkun li nibdew inħallu dawn id-​differenzi jeffettwawna u jkissrulna l-​unità.

18, 19. (a) Liema parir jissemma f’​Efesin 4:1-​3? (b) X’nistgħu nagħmlu biex ngħinu lill-​kongregazzjoni tibqaʼ magħquda?

18 Kif nistgħu nevitaw diffikultajiet bħal dawn? Pawlu ta parir prattiku lill-​Kristjani li għexu f’Efesu, belt sinjura mimlija nies li kienu ġejjin minn sfondi differenti. (Aqra Efesin 4:1-​3.) Pawlu semma kwalitajiet bħalma huma l-​umiltà, il-​ħlewwa, il-​paċenzja, u l-​imħabba. Dawn il-​kwalitajiet huma bħal kolonni sodi li jżommu dar wieqfa. Imma biex iżżomm id-​dar f’kundizzjoni tajba, hemm bżonn taʼ xogħol iebes ukoll. Pawlu ried li l-​Kristjani f’Efesu jaħdmu iebes biex ‘iħarsu l-​unità taʼ l-​ispirtu.’

19 Kull wieħed u waħda minna għandu jagħmel l-​almu tiegħu biex il-​kongregazzjoni tibqaʼ magħquda. Kif nistgħu nagħmlu dan? L-​ewwel, għandna bżonn nikkultivaw u nuru l-​kwalitajiet li semma Pawlu: l-​umiltà, il-​ħlewwa, il-​paċenzja, u l-​imħabba. It-​tieni, irridu nistinkaw biex nippromwovu “r-​rabta li tgħaqqad tal-​paċi.” In-​nuqqas taʼ qbil hu bħal xquq żgħar fl-​unità tagħna; b’hekk, irridu naħdmu iebes biex nirranġaw kull nuqqas taʼ qbil ħalli nżommu l-​paċi u l-​unità bejnietna.

20. Kif nistgħu nuru li nifhmu li “Ġeħova Alla tagħna hu Ġeħova wieħed”?

20 “Ġeħova Alla tagħna hu Ġeħova wieħed.” Din hi stqarrija li fiha x’tomgħod! Din it-​tfakkira saħħet lill-​Iżraelin biex jissaportu diffikultajiet meta daħlu fl-​Art Imwiegħda u ħaduha taħt idejhom. Dan il-​kliem jistaʼ jsaħħaħ lilna wkoll biex b’hekk ngħaddu minn ġot-​tribulazzjoni l-​kbira u ngħinu biex insebbħu l-​Ġenna tal-​art li ġejja. Ejja nkomplu nagħtu lil Ġeħova d-​devozzjoni esklużiva tagħna. Għandna bżonn inħobbuh u naqduh b’qalbna kollha, moħħna kollu, u saħħitna kollha, u għandna bżonn nistinkaw biex inżommu l-​paċi u l-​unità maʼ ħutna. Jekk inkomplu nagħmlu dawn l-​affarijiet, Ġesù se jiġġudikana bħala nagħaġ u se naraw it-​twettiq taʼ kliemu: “Ejjew intom, imberkin minn Missieri, irtu s-​saltna mħejjija għalikom mit-​tisjis tad-​dinja.”—Mattew 25:34.