Luqa 7:1-50
7 Meta temm kulma ried jgħid lin-nies li kienu qed jisimgħuh, daħal Kafarnahum.+
2 Issa wieħed fizzjal taʼ l-armata kellu lsir li kien għażiż għalih, u dan kien marid u wasal biex imut.+
3 Meta semaʼ dwar Ġesù, bagħat lil xi xjuħ tal-Lhud biex jitolbuh jiġi u jfejjaq lill-ilsir tiegħu.
4 Imbagħad dawk li ġew għand Ġesù bdew jitolbuh b’ħeġġa kbira u jgħidulu: “Jistħoqqlu li tagħmillu dan,
5 għax iħobb lil ġensna+ u kien hu li bnielna s-sinagoga.”
6 Għalhekk, Ġesù telaq magħhom. Imma meta ma kienx bogħod mid-dar, il-fizzjal taʼ l-armata kien diġà bagħat lil xi ħbieb biex jgħidulu: “Sinjur, toqgħodx tinqalaʼ, għax ma jistħoqqlix li nġibek taħt is-saqaf tiegħi.+
7 Kien għalhekk li ma ħassejtnix denju li niġi għandek. Imma għid il-kelma, u l-qaddej tiegħi jfiq.
8 Għax jien ukoll, għalkemm qiegħed taħt awtorità, għandi s-suldati taħti, u lil wieħed ngħidlu, ‘Mur!’ u jmur, u lil ieħor, ‘Ejja!’ u jiġi, u lill-ilsir tiegħi, ‘Agħmel dan!’ u jagħmlu.”+
9 Meta Ġesù semaʼ dan, stagħġeb bih u dar lejn il-folla li kienet miexja warajh u qalilhom: “Ngħidilkom, Lanqas saħansitra f’Israel ma sibt fidi daqshekk kbira.”+
10 X’ħin dawk li kienu ntbagħtu waslu lura d-dar, sabu lill-ilsir qawwi u sħiħ.+
11 Ftit wara dan, ivvjaġġa lejn belt jisimha Najn, u d-dixxipli tiegħu u folla kbira kienu qed jivvjaġġaw miegħu.
12 Malli wasal qrib bieb il-belt, ara, kienu ħerġin b’raġel mejjet,+ l-uniku+ iben li kellha ommu. Iktar minn hekk, din kienet armla. Magħha kien hemm ukoll folla mdaqqsa mill-belt.
13 U meta raha, il-Mulej ħassu mqanqal u tħassarha+ u qalilha: “Tibqax tibki.”+
14 Imbagħad resaq lejn il-katalett u messu, u r-reffiegħa waqfu. Imbagħad qal: “Żagħżugħ, ngħidlek, Qum!”+
15 U l-mejjet qam bil-qiegħda u beda jitkellem; u tah lil ommu.+
16 Issa lkoll inħakmu minn biżaʼ+ kbir, u bdew jigglorifikaw lil Alla u jgħidu: “Profeta kbir+ ġie mqajjem fostna,” u, “Alla tefaʼ l-attenzjoni tiegħu lejn il-poplu tiegħu.”+
17 U din l-aħbar dwaru nfirxet mal-Lhudija kollha u maʼ dawk l-inħawi kollha.
18 Issa d-dixxipli taʼ Ġwanni rrapportawlu dwar dan kollu.+
19 Għalhekk, Ġwanni sejjaħ tnejn mid-dixxipli tiegħu u bagħathom għand il-Mulej biex jistaqsuh: “Int Dak li għandu jiġi jew għandna nistennew lil ħaddieħor?”+
20 Meta waslu ħdejh, l-irġiel qalulu: “Ġwanni l-Battista bagħatna nistaqsuk, ‘Int Dak li għandu jiġi jew għandna nistennew ieħor?’”
21 Dak il-ħin fejjaq lil ħafna li kienu morda+ jew magħdurin jew maħkumin minn spirti mill-agħar, u lil ħafna għomja wriehom ħniena u ġabhom jaraw.
22 Għalhekk, wieġeb u qal liż-żewġt irġiel: “Morru+ u għidu lil Ġwanni dak li rajtu u smajtu: l-għomja+ qed jingħataw id-dawl, iz-zopop qed jimxu, l-imġiddmin qed jiġu mnaddfin u t-torox qed jisimgħu, il-mejtin qed jitqajmu, il-foqra qed tintqalilhom+ l-aħbar tajba.+
23 U hieni min ma tfixkilx minħabba fija.”+
24 Meta telqu l-messaġġiera taʼ Ġwanni, beda jgħid lill-folol dwar Ġwanni: “Xi ħriġtu taraw fix-xagħri? Qasba tixxejjer mar-riħ?+
25 Mela, xi ħriġtu taraw? Raġel liebes ilbies fin?+ Tabilħaqq, dawk bi lbies impressjonanti li jgħixu fil-lussu qegħdin fi djar irjali.+
26 Allura, xi ħriġtu taraw? Profeta?+ Iva, ngħidilkom, u ferm iktar minn profeta.+
27 Dan hu li dwaru hu miktub, ‘Ara! Qed nibgħat lill-messaġġier tiegħi quddiemek,+ u dan iħejji triqtek qablek.’+
28 Ngħidilkom, Fost dawk li twieldu min-nisa m’hemm ħadd akbar+ minn Ġwanni; imma min hu fost l-iżgħar fis-saltna t’Alla hu akbar minnu.”+
29 (Meta semgħu dan, in-nies kollha u l-kolletturi tat-taxxi ddikjaraw li Alla hu sewwa u ġust,+ għax kienu tgħammdu bil-magħmudija taʼ Ġwanni.+
30 Imma l-Fariżej u dawk li kienu jafu l-Liġi ma tawx kas il-pariri+ li tahom Alla, għax ma kinux tgħammdu minnu.)
31 “Għalhekk, maʼ min se nqabbilhom lin-nies taʼ din il-ġenerazzjoni, u lil min jixbhu?+
32 Jixbhu lil tfal żgħar bil-qiegħda f’suq li jgħajtu lil xulxin u jgħidu, ‘Daqqejnielkom il-flawt, imma ma żfintux; newwaħna, imma ma bkejtux.’+
33 Bl-istess mod, Ġwanni l-Battista la ġie jiekol il-ħobż u lanqas jixrob l-inbid, imma intom tgħidu, ‘Għandu demonju.’+
34 Bin il-bniedem ġie jiekol u jixrob, imma intom tgħidu, ‘Ara! Raġel b’kilba għall-ikel u mogħti għall-inbid, ħabib tal-kolletturi tat-taxxi u l-midinbin!’+
35 Xorta waħda, l-għerf+ jintwera li hu sewwa minn uliedu kollha.”+
36 Issa wieħed mill-Fariżej talbu kemm-il darba biex jiekol miegħu. Għaldaqstant, daħal id-dar+ tal-Fariżew u qagħad mal-mejda.
37 U, ara! Mara, li fil-belt kienet magħrufa bħala midinba, saret taf li kien mal-mejda għall-ikla fid-dar tal-Fariżew, u ġabet vażett taʼ l-alabastru+ b’żejt ifuħ,
38 u qagħdet warajh ħdejn saqajh tibki, u bdiet ixxarrablu saqajh bid-dmugħ u tixxottahomlu b’xagħarha. Ukoll, bisitlu saqajh b’tenerezza u dilkithomlu biż-żejt ifuħ.
39 Malli ra dan, il-Fariżew li stiednu qal f’qalbu: “Kieku dan ir-raġel kien profeta+ kien ikun jaf min hi din li qed tmissu, u x’mara hi, li hi midinba.”+
40 Imma Ġesù wieġeb u qallu: “Xmun, irrid ngħidlek xi ħaġa.” Dan qallu: “Għalliem, għidli!”
41 “Żewġt irġiel kellhom id-dejn maʼ wieħed li jislef il-flus; wieħed kellu jagħtih ħames mitt dinar*+ u l-ieħor ħamsin.
42 Meta ma kellhomx biex iħallsuh, qabad u ħafrilhom+ kollox. Għalhekk, min minnhom se jħobbu l-iktar?”
43 Xmun wieġeb u qallu: “Nimmaġina li dak li nħafirlu l-iktar.” Qallu: “Iġġudikajt sew.”
44 Imbagħad dar lejn il-mara u qal lil Xmun: “Qed taraha lil din il-mara? Jien dħalt ġo darek u int ma tajtnix ilma+ għal saqajja. Imma din il-mara xarrbitli saqajja bid-dmugħ tagħha u xxottathomli b’xagħarha.
45 Int ma bistnix;+ imma din il-mara, minn x’ħin dħalt, ma waqfitx tbusli saqajja b’tenerezza.
46 Int ma dliktlix rasi biż-żejt;+ imma din il-mara dilkitli saqajja b’żejt ifuħ.
47 Minħabba dan, ngħidlek li, għalkemm huma ħafna, dnubietha maħfurin,+ għax hi ħabbet ħafna; imma dak li jinħafirlu ftit, iħobb ftit.”
48 Imbagħad qalilha: “Dnubietek maħfurin.”+
49 Għal dan, dawk li kienu mal-mejda miegħu bdew jgħidu f’qalbhom: “Min hu dan ir-raġel li saħansitra jaħfer id-dnubiet?”+
50 Imma hu qal lill-mara: “Il-fidi tiegħek salvatek;+ mur fil-paċi.”+

