Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ir-Reliġjon Għandha Tindaħal fil-Politika?

Ir-Reliġjon Għandha Tindaħal fil-Politika?

 Madwar id-dinja, ħafna nies li jgħidu li jemmnu b’Ġesù Kristu, huma involuti ħafna fil-politika. Oħrajn iżommu maʼ kandidat partikolari jew maʼ partit politiku għax dan jaqbel maʼ dak li jemmnu jew maʼ dak li jaħsbu li hu tajjeb huma. U l-politikanti kemm-il darba jużaw sitwazzjonijiet popolari, bħall-attitudni tan-nies u l-kundizzjonijiet fil-pajjiż, biex jirbħu s-sapport tan-nies reliġjużi. Ġieli mexxejja reliġjużi anki joħorġu għall-politika. U f’ċertu pajjiżi, reliġjon “Kristjana” partikolari, tiġi kkunsidrata bħala r-reliġjon tal-pajjiż.

 Int x’taħseb? Dawk li jgħidu li jobdu lil Ġesù Kristu għandhom jindaħlu fil-politika? Tistaʼ ssib it-tweġiba billi tara l-eżempju li ħallilna Ġesù. Hu qal: “Għax ħallejtilkom mudell sabiex, bħalma għamiltilkom jien, tagħmlu intom ukoll.” (Ġwanni 13:15) Allura, x’eżempju ħalla Ġesù fejn tidħol il-politika?

Ġesù ndaħal fil-politika?

 Le. Ġesù ma ndaħalx fil-politika taʼ din id-dinja.

 Ġesù ma fittixx li jkollu qawwa fil-politika. Meta Satana x-Xitan offrielu “s-saltniet kollha tad-dinja,” hu m’aċċettax l-opportunità biex imexxi l-gvernijiet tad-dinja. (Mattew 4:8-10) a Darb’oħra, meta n-nies raw li Ġesù kellu kwalitajiet tajbin biex imexxi, pruvaw jisforzawh biex jidħol fil-politika. Imma l-Bibbja tgħid: “Billi kien jaf li kienu ġejjin jaqbduh biex jagħmluh sultan, Ġesù reġaʼ telaq għalih waħdu fuq il-muntanja.” (Ġwanni 6:15) Ġesù ma ċediex għal dak li xtaqu n-nies. Hu ma ħax sehem fil-politika.

 Ġesù ma żamm mal-ebda naħa fi kwistjonijiet tal-politika. Pereżempju, fi żmien Ġesù, il-Lhud kienu kontra li jħallsu t-taxxi lill-gvern Ruman għaliex kienu jħossu li din kienet inġustizzja. Meta ppruvaw jaraw x’jaħseb Ġesù dwar din il-kwistjoni, hu ma daħalx fiha jekk għandhomx iħallsu din it-taxxa jew le. Minflok hu qalilhom: “Agħtu lura lil Ċesari dak li hu taʼ Ċesari, imma lil Alla dak li hu t’Alla.” (Marku 12:13-17) Hu baqaʼ newtrali f’din il-kwistjoni tal-politika imma wera li t-taxxi li kienu qed jitolbu l-awtoritajiet tal-gvern Ruman, li kienu jirrappreżentaw lil Ċesari, kellhom jitħallsu. Fl-istess ħin, Ġesù wera li persuna ma kellhiex għalfejn tobdi kull ħaġa li jgħidilha l-gvern. Ma kellhiex tagħti lill-gvern dak li hu t’Alla, bħalma hi l-qima.—Mattew 4:10; 22:37, 38.

 Ġesù żamm mal-gvern tas-sema, is-Saltna t’Alla, u anki għallem lill-oħrajn dwarha. (Luqa 4:43) Hu ma involviex lilu nnifsu fil-politika. Ġesù kien jaf li s-Saltna t’Alla biss se tagħmel dak li jrid Alla għall-art u mhux il-gvernijiet. (Mattew 6:10) Hu fehem li s-Saltna t’Alla mhux se tuża dawn il-gvernijiet biex tneħħi l-problemi li hawn. Minflok, se tieħu posthom.—Danjel 2:44.

Il-Kristjani tal-bidu ndaħlu fil-politika?

 Le. Id-dixxipli taʼ Ġesù obdew il-kmand li tahom biex ma jkunu ‘l-ebda parti mid-dinja.’ (Ġwanni 15:19) Huma imitaw l-eżempju taʼ Ġesù u ma ndaħlux fil-politika tad-dinja. (Ġwanni 17:16; 18:36) Minflok ma ndaħlu f’affarijiet li għandhom x’jaqsmu mal-politika, huma għamlu x-xogħol li kkmandahom Ġesù, li jippritkaw u jgħallmu dwar is-Saltna t’Alla.—Mattew 28:18-20; Atti 10:42.

 Għall-Kristjani tal-bidu l-iktar ħaġa importanti kienet li jobdu lil Alla. Imma huma kienu jafu wkoll li kellhom jirrispettaw lill-awtoritajiet. (Atti 5:29; 1 Pietru 2:13, 17) Huma obdew il-liġijiet u ħallsu t-taxxi. (Rumani 13:1, 7) Għalkemm ma ndaħlux fil-politika, huma użaw is-servizzi u l-protezzjoni legali li kienu jagħtu l-gvernijiet.—Atti 25:10, 11; Filippin 1:7.

Il-Kristjani tal-lum u n-newtralità

 Il-Bibbja tagħmilha ċara li la Ġesù u lanqas il-Kristjani tal-bidu ma ndaħlu fil-politika. Għal din ir-raġuni, bħala Kristjani, ix-Xhieda taʼ Ġeħova madwar id-dinja jibqgħu kompletament newtrali, jiġifieri ma jżommu mal-ebda naħa. Bħall-Kristjani tal-bidu, huma jagħmlu x-xogħol li tahom Ġesù, li ‘jippritkaw l-aħbar tajba tas-Saltna.’—Mattew 24:14.

a Meta Ġesù rrifjuta, hu ma qalx li x-Xitan ma kellux dritt jagħmel dik l-offerta. Iktar tard hu qal li Satana hu “l-ħakkiem tad-dinja.”—Ġwanni 14:30.