Mur fil-kontenut

Ix-Xhieda taʼ Ġeħova għala jżommu n-newtralità tagħhom fil-politika?

Ix-Xhieda taʼ Ġeħova għala jżommu n-newtralità tagħhom fil-politika?

 Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jibqgħu newtrali fil-​politika minħabba raġunijiet reliġjużi bbażati fuq dak li tgħallem il-​Bibbja. Aħna la nivvotaw u lanqas ma nikkanvassjaw a lill-​partiti politiċi jew lill-​kandidati. Barra minn hekk, aħna ma noħorġux għall-​politika jew nieħdu sehem f’attivitajiet li jħeġġu bidla fil-​gvern. Aħna nemmnu li l-​Bibbja tagħtina raġunijiet taʼ min joqgħod fuqhom biex nibqgħu newtrali.

  •   Aħna nsegwu l-​eżempju taʼ Ġesù, li rrifjuta li jaċċetta pożizzjoni politika. (Ġwanni 6:15) Hu għallem lid-​dixxipli tiegħu biex ‘ma jkunux parti mid-​dinja’ u għamilhielhom ċara li m’għandhom iżommu m’ebda naħa fi kwistjonijiet politiċi.—Ġwanni 17:14, 16; 18:36; Marku 12:13-​17.

  •   Aħna leali lejn is-​Saltna t’Alla, li Ġesù tkellem dwarha meta qal: “Din l-​aħbar tajba tas-​saltna tiġi pridkata fl-​art abitata kollha.” (Mattew 24:14) Bħala rappreżentanti tas-​Saltna t’Alla, inkarigati biex inħabbru l-​miġja tagħha, aħna nibqgħu newtrali fil-​kwistjonijiet politiċi taʼ kull pajjiż, inkluż tal-​pajjiż li ngħixu fih.—2 Korintin 5:20; Efesin 6:20.

  •   Billi nibqgħu newtrali għandna l-​libertà li nitkellmu maʼ kulħadd dwar l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla, hu x’inhu t-​twemmin politiku tagħhom. Aħna nipprovaw nuru kemm bi kliemna kif ukoll b’għemilna li nistrieħu fuq is-​Saltna t’Alla biex issolvi l-​problemi tad-​dinja.—Salm 56:11.

  •   Peress li m’għandniex firdiet politiċi, aħna magħqudin bħala fratellanza internazzjonali. (Kolossin 3:14; 1 Pietru 2:17) Għall-​kuntrarju, reliġjonijiet li jindaħlu fil-​politika jifirdu l-​membri tagħhom.—1 Korintin 1:10.

 Rispett lejn il-​gvernijiet. Minkejja li ma niħdux sehem fil-​politika, aħna nirrispettaw l-​awtorità tal-​gvernijiet. Dan hu fi qbil mal-​kmand tal-​Bibbja: “Ħa tkun kull ruħ sottomessa lejn l-​awtoritajiet superjuri.” (Rumani 13:1) Aħna nobdu l-​liġi, inħallsu t-​taxxi, u nikkooperaw mal-​isforzi tal-​gvern biex jaħdem għall-​ġid u s-​saħħa taċ-​ċittadini tiegħu. Minflok ma nissieħbu maʼ dawk li jipprovaw iwaqqgħu l-​gvern, aħna nsegwu l-​parir tal-​Bibbja biex nitolbu “għas-​slaten u għal kulmin għandu pożizzjoni għolja,” speċjalment meta jkunu qed jieħdu deċiżjonijiet li jistgħu jeffettwaw il-​libertà tal-​qima.—1 Timotju 2:1, 2.

 Barra minn hekk, aħna nirrispettaw il-​fatt li kulħadd għandu dritt għad-​deċiżjoni tiegħu fi kwistjonijiet politiċi. Pereżempju, aħna ma noħolqux tfixkil fl-​elezzjonijiet u lanqas ma nindaħlu lil dawk li jagħżlu li jmorru jivvotaw.

 In-​newtralità tagħna hi xi ħaġa ġdida? Le. L-​appostli u Kristjani oħra tal-​ewwel seklu kellhom l-​istess ħarsa lejn l-​awtoritajiet tal-​gvern. Il-​ktieb Beyond Good Intentions jgħid: “Għalkemm kienu jaċċettaw li kellhom l-​obbligu li jirrispettaw lill-​awtoritajiet governattivi, il-​Kristjani tal-​bidu ma kinux jaċċettaw li jieħdu sehem fi kwistjonijiet politiċi.” B’mod simili, il-​ktieb On the Road to Civilization jgħid li l-​Kristjani tal-​bidu “ma kinux jaċċettaw xi kariga politika.”

 In-​newtralità politika tagħna hi taʼ periklu għas-​sigurtà tal-​pajjiż? Le. Aħna ċittadini li nħobbu l-​paċi u l-​awtoritajiet tal-​gvern m’għandhomx għal xiex jibżgħu minna. Ikkunsidra rapport li sar fl-​2001 mill-​Akkademja Nazzjonali tax-​Xjenza fl-​Ukraina. Meta tkellem dwar in-​newtralità politika tagħna, ir-​rapport qal: “Illum, xi wħud tistaʼ ma togħġobhomx din il-​waqfa tax-​Xhieda taʼ Ġeħova; din kienet raġuni bażika għala ġew akkużati mir-​reġimi totalitarji tan-​Nazi u tal-​Komunisti fil-​passat.” Imma, saħansitra meta x-​Xhieda kienu taħt it-​tgħakkis tal-​gvern Sovjetiku, huma “baqgħu ċittadini li jobdu l-​liġi. Huma b’mod onest u bla egoiżmu ħadmu fi rziezet u f’fabbriki u ma kienu t’ebda periklu għar-​reġim Komunista.” Bl-​istess mod illum, it-​twemmin u l-​prattiki tax-​Xhieda taʼ Ġeħova “mhumiex taʼ ħsara għas-​sigurtà u għall-​integrità taʼ kwalunkwe stat,” ikkonkluda r-​rapport.

a Individwu li jikkanvassja jipprova jipperswadi lil oħrajn biex jappoġġaw lil xi partit.