Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Mistoqsijiet dwar il-Bibbja mweġbin

Mistoqsijiet dwar il-Bibbja mweġbin

Veru li l-​Bibbja hija l-​Kelma t’Alla?

Int tistenna li l-​Kelma t’Alla tkun unika, u l-​Bibbja hekk hi. Biljuni taʼ kopji ġew stampati b’mijiet taʼ lingwi. L-​għerf misjub fil-​Bibbja għandu l-​qawwa li jbiddel lin-​nies għall-​aħjar.—Aqra l-​1 Tessalonikin 2:13; 2 Timotju 3:16.

Nafu li l-​Bibbja ġejja minn Alla għaliex tbassar il-​futur b’eżattezza. Ebda bniedem ma jistaʼ jagħmel dan waħdu. Pereżempju, ikkunsidra l-​ktieb taʼ Isaija. Kopja tiegħu, li saret iktar minn seklu qabel it-​twelid taʼ Ġesù, instabet f’għar qrib il-​Baħar il-​Mejjet. Din tgħid li l-​belt taʼ Babilonja kellha ssir diżabitata. L-​ewwel ma seħħ dan kien ħafna snin wara l-​ministeru taʼ Ġesù fuq l-​art.—Aqra Isaija 13:19, 20; 2 Pietru 1:20, 21.

Il-​Bibbja kif inkitbet?

Il-​Bibbja nkitbet matul perijodu taʼ madwar 1,600 sena. Kien hemm xi 40 kittieb tal-​Bibbja, u huma segwew tema waħda mingħajr ma kkontradew lil xulxin. Dan kif kien possibbli? Alla ggwidahom fil-​kitba.—Aqra t-​2 Samwel 23:2.

Xi drabi, Alla kellem lill-​kittieba tal-​Bibbja permezz taʼ anġli, viżjonijiet, jew ħolm. Ġeneralment, Alla poġġa l-​idea tiegħu f’moħħ il-​kittieb u ħallieh jagħżel il-​kliem li ried juża biex jesprimi l-​messaġġ t’Alla.—Aqra Rivelazzjoni 1:1; 21:3-​5.