Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Insegwu lil Kristu, il-Mexxej Perfett

Insegwu lil Kristu, il-Mexxej Perfett

DAWK li jsegwu lil mexxejja umani spiss joħorġu diżappuntati. Però, l-​effett tat-​tmexxija taʼ Ġesù fuq dawk li jissottomettu ruħhom għaliha hu ferm differenti. Ġesù qal: “Ejjew għandi, intom ilkoll li mħabbtin u mgħobbijin, u jien inserraħkom. Ħudu l-​madmad tiegħi fuqkom u tgħallmu minni, għax jien ġwejjed u umli f’qalbi, u intom issibu serħan għal ruħkom.” (Mt. 11:28, 29) It-​tmexxija taʼ Ġesù hija waħda rifreskanti u li tibni. Minħabba li verament jimpurtah mill-​batuti u mill-​maħqurin hu jistidinhom jieħdu l-​madmad ħelu tiegħu. Madankollu x’jinvolvi li nsegwu t-​tmexxija taʼ Ġesù?

L-​appostlu Pietru kiteb: “Kristu sofra għalikom, u ħallielkom mudell biex timxu mill-​qrib wara l-​passi tiegħu.” (1 Pt. 2:21) Kemm hu importanti għalina li nsegwu l-​passi taʼ Ġesù? Immaġina li qiegħed fi grupp taʼ nies li jrid jaqsam biċċa art miżgħuda b’mini esplożivi u individwu wieħed biss mill-​grupp kollu jaf kif għandu jgħaddi qawwi u sħiħ. Kieku int ma timxix mill-​qrib wara l-​passi tiegħu, u saħansitra forsi tirfes fejn jirfes hu? B’mod simili, is-​sigurtà futura tagħna tiddependi milli nsegwu l-​eżempju taʼ Ġesù mill-​qrib kemm jistaʼ jkun bil-​mod kif ngħixu ħajjitna. Dan jinkludi li nisimgħu minnu, nobduh, u nikkooperaw maʼ dawk li jirrappreżentawh.

Nisimgħu u Nobdu

Lejn tmiem il-​Prietka tiegħu taʼ fuq il-​Muntanja, Ġesù qal: “Kulmin jismaʼ kliemi u jagħmlu jkun jixbah lil raġel għaqli, li bena daru fuq il-​blat. U niżlet ix-​xita u ġie l-​għargħar u nefħu l-​irjieħ u ħabtu fuq dik id-​dar, imma ma ċedietx, għax il-​pedament tagħha kien fuq il-​blat.”—Mt. 7:24, 25.

Għalhekk, Ġesù rrefera għal raġel li jismaʼ u jobdi kliemu bħala raġel “għaqli.” Nuru aħna b’ubbidjenza sinċiera li nirrispettaw u napprezzaw l-​eżempju taʼ Kristu? Jew għandna t-​tendenza li nagħżlu li nobdu biss il-​kmandi taʼ Ġesù li jkunu faċli jew konvenjenti għalina? Ġesù qal: “Dejjem nagħmel dak li jogħġob [lil Alla].” (Ġw. 8:29) Ejja nistinkaw biex nimitaw dan l-​eżempju.

Fl-​ewwel seklu, l-​appostli kienu taʼ eżempju mill-​aqwa taʼ sottomissjoni lejn it-​tmexxija taʼ Kristu. Darba minnhom, Pietru qal lil Ġesù: “Ara! Aħna tlaqna kollox u ġejna warajk.” (Mk. 10:28) Tabilħaqq, l-​appostli tant kienu jagħtu importanza lit-​tmexxija taʼ Ġesù li minn rajhom telqu l-​affarijiet l-​oħra li kellhom sabiex isegwuh.—Mt. 4:18-​22.

Nikkooperaw mar-​Rappreżentanti taʼ Kristu

Ftit qabel il-​mewt tiegħu, Ġesù semma mod ieħor kif nistgħu nsegwu t-​tmexxija tiegħu. Hu qal: “Min jilqaʼ lil min nibgħat jien, jilqaʼ lili wkoll.” (Ġw. 13:20) Infatti, Ġesù tkellem dwar ir-​rappreżentanti midlukin tiegħu bħala ‘ħutu.’ (Mt. 25:40) Wara li Ġesù ġie rxoxtat fis-​smewwiet, ‘ħutu’ ġew maħturin biex jaġixxu minfloku ħalli “jissostitwixxu lil Kristu” bħala ambaxxaturi li jistiednu lil oħrajn biex jerġgħu jitħabbu m’Alla Ġeħova. (2 Kor. 5:18-​20) Il-​fatt li nirrikonoxxu t-​tmexxija taʼ Kristu jinvolvi li nkunu sottomessi lejn ‘ħutu.’

Nagħmlu tajjeb li neżaminaw kif aħna nirreaġixxu għall-​pariri Skritturali f’waqthom li jidhru fil-​pubblikazzjonijiet tagħna bbażati minn fuq il-​Bibbja. Meta nistudjaw l-​Iskrittura u nattendu l-​laqgħat tal-​kongregazzjoni niġu mfakkrin fil-​kliem taʼ Kristu. (2 Pt. 3:1, 2) Aħna nuru l-​apprezzament sinċier tagħna għal dan il-​provvediment t’ikel spiritwali billi nieħdu minnu b’mod regulari. Imma kif għandna nirreaġixxu jekk ċerti pariri jiġu ripetuti minn żmien għal żmien? Pereżempju, il-​Kelma t’Alla tagħti l-​parir lill-​Kristjani biex jiżżewġu “biss fil-​Mulej.” (1 Kor. 7:39) Dan is-​suġġett ilu iktar minn seklu jiġi diskuss minn żmien għal żmien fit-​Torri tal-​Għassa. Ħut Kristu żgur li juru l-​interess bi mħabba tagħhom fir-​relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova billi jippubblikaw artikli dwar dan is-​suġġett u dwar pariri ispirati oħrajn. Mod wieħed kif nuru li aħna qed insegwu lill-​mexxej perfett tagħna, Ġesù Kristu, huwa billi nagħtu kas dawn it-​tfakkiriet.

Proverbji 4:18 jgħid: “Il-​mogħdija tan-​nies sewwa hi bħal dawl qawwi li qed jiżdied iktar u iktar sal-​milja tal-​jum.” Iva, it-​tmexxija taʼ Ġesù hija waħda progressiva, u mhux staġnata. Mod ieħor kif nikkooperaw maʼ ‘ħut’ Kristu huwa billi jkollna attitudni pożittiva lejn kwalunkwe rfinar fil-​fehma tagħna tal-​veritajiet Skritturali, kif pubblikat mill-​“ilsir leali u għaqli.”—Mt. 24:45.

Ukoll, aħna nuru s-​sottomissjoni tagħna lejn ‘ħut’ Kristu billi nikkooperaw mal-​indokraturi maħturin fil-​kongregazzjoni Kristjana. L-​appostlu Pawlu qal: “Kunu ubbidjenti lejn dawk li qed imexxu fostkom u kunu sottomessi lejhom, għax huma qed jgħassulkom ruħkom.” (Ebr. 13:17) Pereżempju, anzjan għandu mnejn jinkuraġġina biex naraw l-​importanza li nżommu l-​lejla tal-​Qima tal-​Familja regulari jew għandu mnejn jagħti suġġerimenti li jkollhom x’jaqsmu maʼ xi aspetti tal-​ministeru tagħna tal-​għalqa. Indokratur li jivvjaġġa għandu mnejn jagħti xi pariri Skritturali li jkunu t’għajnuna f’xi aspett partikulari taʼ kif għandu jgħix Kristjan. Meta minn rajna napplikaw pariri bħal dawn inkunu qed nuru li qed insegwu lil Ġesù bħala l-​Mexxej tagħna.

B’sogħba, fid-​dinja tal-​lum hemm nuqqas taʼ tmexxija effettiva. Imma kemm hu rifreskanti li nsegwu t-​tmexxija bi mħabba taʼ Kristu! Ejja b’kull mod nobdu lill-​Mexxej tagħna u nikkooperaw maʼ dawk li hu qed juża llum.

[Stampi f’paġna 27]

Taċċetta int pariri Skritturali biex ma tintrabatx f’madmad maʼ xi ħadd li ma jemminx?