Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Tibżax. Jien Stess Ngħinek”

“Tibżax. Jien Stess Ngħinek”

“Tibżax. Jien Stess Ngħinek”

ĠESÙ wissa lis-​segwaċi tiegħu minn qabel u qalilhom: “Ix-​Xitan jibqaʼ jixħet lil xi wħud minnkom il-​ħabs sabiex tiġu provati bis-​sħiħ.” Madankollu, proprju qabel din it-​twissija, Ġesù stqarr: ‘Tibżgħux minn dak li se ssofru dalwaqt.’ Peress li Satana għadu juża t-​theddida taʼ tfigħ il-​ħabs bħala mezz biex iwaqqaf l-​ippritkar tas-​Saltna, teżisti l-​possibbiltà li xi gvernijiet għad jippersegwitaw lill-​Kristjani veri. (Riv. 2:10; 12:17) Allura x’se jgħinna nkunu lesti għall-​makakkeriji taʼ Satana u ‘ma nibżgħux,’ bħalma wissa Ġesù?

Ħafna minna żgur li xi darba jew oħra konna xi ftit jew wisq beżgħanin. Iżda l-​Kelma t’Alla tassigurana li bl-​għajnuna taʼ Ġeħova nistgħu nevitaw li ninħakmu mill-​biżaʼ. Kif? Mod wieħed kif Ġeħova jgħinna nkampaw mal-​oppożizzjoni hu li nidentifikaw it-​tattiki li jużaw Satana u l-​aġenti tiegħu. (2 Kor. 2:11) Biex nifhmu kif dan hu minnu, ejja nikkunsidraw ġrajja li seħħet fiż-​żminijiet Bibliċi. Se nikkunsidraw ukoll xi eżempji fi żmienna taʼ sħabna fit-​twemmin li b’lealtà ‘żammew sod kontra t-​tnassis tax-​Xitan.’—Efes. 6:11-​13.

Sultan li Kellu l-​Biżaʼ t’Alla Ffaċċja Ħakkiem mill-​Agħar

Fit-​tmien seklu Q.E.K., is-​sultan mill-​agħar Sanħerib tal-​Assirja kiseb għadd taʼ rebħiet fuq diversi ġnus. Wara dawn ir-​rebħiet hu tkabbar u kien determinat li jaħkem fuq in-​nies taʼ Ġeħova u fuq il-​belt kapitali tagħhom, Ġerusalemm, fejn kien qed jaħkem is-​sultan Ħeżekija—sultan li kellu l-​biżaʼ t’Alla. (2 Slat. 18:1-​3, 13) Bla dubju, Satana kien qed jipprofitta ruħu mis-​sitwazzjoni billi ħajjar lil Sanħerib iwettaqlu l-​pjanijiet tiegħu sabiex il-​qima vera tinqered minn fuq wiċċ l-​art.—Ġen. 3:15.

Sanħerib bagħat delegazzjoni lejn Ġerusalemm biex jordna lin-​nies tal-​belt iċedu. Inkluż fid-​delegazzjoni kien hemm Rabsake, li serva bħala l-​kelliemi ewlieni tas-​sultan. a (2 Slat. 18:17) L-​għan taʼ Rabsake kien li jiskuraġġixxi lil-​Lhud u jġegħelhom jaqtgħu qalbhom bla ma jagħmlu reżistenza. Rabsake liema metodi uża fl-​isforzi tiegħu biex ibeżżaʼ lil-​Lhud?

Leali Avolja Iżolati

Rabsake qal lir-​rappreżentanti taʼ Ħeżekija: “Hekk qal is-​sultan il-​kbir, is-​sultan taʼ l-​Assirja: ‘X’inhi din il-​fiduċja li fdajt fiha? . . . Ara, int fdajt fl-​appoġġ taʼ din il-​qasba mkissra, l-​Eġittu, li jekk raġel iserraħ fuqha tidħol fil-​pala taʼ idu u tinfidhielu.’” (2 Slat. 18:19, 21) L-​akkuża taʼ Rabsake kienet falza għax Ħeżekija ma kienx alleat tal-​Eġittu. Xorta waħda, l-​akkuża enfasizzat dak li Rabsake ried lil-​Lhud jiftakru ċar u tond: ‘Ħadd mhu se jiġi jgħinkom. Tinsabu waħedkom—iżolati.’

Fi żminijiet iktar reċenti, dawk li jopponu l-​qima vera, b’mod simili użaw it-​theddida taʼ iżolament biex jipprovaw ibeżżgħu lill-​Kristjani veri. Oħt Kristjana, li ġiet mitfugħa l-​ħabs minħabba l-​fidi tagħha u li għal snin sħaħ kienet iżolata ’l bogħod minn sħabha fit-​twemmin, iktar tard spjegat x’għenha biex ma tinħakimx mill-​biżaʼ. Hi qalet: “It-​talb għenni nersaq qrib taʼ Ġeħova . . . ftakart fl-​assiguranza li nsibu f’Isaija 66:2 li tgħid li Alla jħares ‘lejn min qed isofri u li għandu spirtu sogħbien.’ Dan dejjem saħħaħni u kien sors taʼ faraġ kbir għalija.” Bl-​istess mod, ħu li għamel xi snin f’ċella waħdu qal: “Irrealizzajt li din id-​daqsxejn taʼ ċella tawwalija tistaʼ tkun ukoll univers għal min ikollu relazzjoni intima m’Alla.” Tabilħaqq, minħabba li kellhom relazzjoni mill-​qrib maʼ Ġeħova, dawn iż-​żewġ Kristjani ngħataw is-​saħħa meħtieġa biex ikampaw mal-​iżolament. (Salm 9:9, 10) Dawk li ppersegwitawhom setgħu jifirduhom mill-​familja, mill-​ħbieb, u minn sħabhom fit-​twemmin, iżda x-​Xhieda li kienu l-​ħabs kienu jafu li l-​opponenti tagħhom ma setgħu qatt jifirduhom minn Ġeħova.—Rum. 8:35-​39.

Mela kemm hu importanti li naħtfu kull opportunità disponibbli biex insaħħu r-​relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova! (Ġak. 4:8) Għandna nistaqsu lilna nfusna regolarment: ‘Ġeħova kemm hu reali għalija? Meta niġi biex nieħu deċiżjonijiet kemm kbar u kemm żgħar fil-​ħajja taʼ kuljum, kliemu tassew jinfluwenzani bil-​kbir?’ (Lq. 16:10) Jekk naħdmu iebes biex inżommu relazzjoni mill-​qrib m’Alla, ma jkollniex għalfejn nibżgħu. Meta tkellem għan-​nom tal-​Lhud li kienu magħkusin, il-​profeta Ġeremija stqarr: “Sejjaħt ismek, O Ġeħova, minn ħofra mill-​iktar fonda . . . Int ersaqt qrib meta qgħadt insejjaħlek. Għedtli: ‘Tibżax.’”—Lam. 3:55-​57.

It-​Tentattivi Biex Jinżergħu d-​Dubji Ma Rnexxewx

Rabsake uża rraġunar makakk biex jipprova jiżraʼ d-​dubji fl-​imħuħ tan-​nies. Hu qal: “Mhux tiegħu [taʼ Ġeħova] kienu l-​postijiet għall-​qima u l-​artali li neħħa Ħeżekija? . . . Ġeħova nnifsu qalli, ‘Itlaʼ kontra dan il-​pajjiż, u agħmlu ħerba.’” (2 Slat. 18:22, 25) B’hekk, Rabsake rraġuna li peress li Ġeħova ma ħax pjaċir bil-​poplu Tiegħu, Hu ma kienx se jiġġieled għan-​nom tagħhom. Anzi, għall-​kuntrarju, Ġeħova ħa pjaċir b’Ħeżekija u bil-​Lhud li kienu daru lura lejn il-​qima vera.—2 Slat. 18:3-​7.

Illum, xi persekuturi makakki għandhom mnejn jisiltu biċċiet taʼ informazzjoni vera biex ikollhom xi ħaġa inkomuni maʼ dak li jkun. Imbagħad, b’mod sottili jħalltu din il-​verità maʼ gideb, bit-​tama li jiżirgħu d-​dubji. Pereżempju, xi aħwa rġiel u nisa li kienu l-​ħabs spiss intqalilhom li ħu minn pajjiżhom li kien qed jieħu t-​tmexxija kien ċaħad il-​fidi tiegħu u allura ma kien se jiġri xejn jekk anki huma jagħmlu dan u jiċħdu t-​twemmin tagħhom. Madankollu, irraġunar bħal dan ma jirnexxilux iqajjem dubji fi Kristjani għaqlin.

Ikkunsidra dak li ġara lil oħt Kristjana matul it-​Tieni Gwerra Dinjija. Waqt li kienet il-​ħabs, urewha xi dikjarazzjonijiet bil-​miktub li kienu jgħidu li ħu responsabbli kien abbanduna l-​fidi tiegħu. Dak li interrogaha staqsieha jekk kellhiex fiduċja f’dan ix-​Xhud. L-​oħt wieġbet, “Hu x’inhu [it-​tali] mhuwiex ħlief bniedem imperfett.” Hi żiedet tgħid li sakemm baqaʼ jimxi mal-​prinċipji tal-​Bibbja hu ntuża minn Alla. “Iżda ladarba d-​dikjarazzjonijiet tiegħu żvijaw minn dak li tgħid il-​Bibbja, m’għadux iktar ħija.” B’għaqal, l-​oħt leali obdiet it-​twissija tal-​Bibbja: “Tpoġġux il-​fiduċja tagħkom fin-​nobbli, lanqas f’bin il-​bniedem, li ma jistaʼ jsalva lil ħadd.”—Salm 146:3.

L-​għarfien eżatt mill-​Kelma t’Alla u l-​applikar tal-​pariri li fiha, jgħinuna ngħassu kontra rraġunar qarrieq li jistaʼ jdgħajjef id-​determinazzjoni tagħna li nissaportu. (Efes. 4:13, 14; Ebr. 6:19) Għalhekk, sabiex inħejju lilna nfusna ħalli nkunu nistgħu naħsbu b’mod ċar meta nkunu taħt pressjoni, jeħtieġ nagħtu prijorità lill-​qari tal-​Bibbja taʼ kuljum u lill-​istudju persunali. (Ebr. 4:12) Tabilħaqq, issa huwa ż-​żmien biex inkabbru l-​għarfien u nsaħħu l-​fidi tagħna. Ħu li ssaporta għal bosta snin f’ċella waħdu qal: “Nixtieq ninkuraġġixxi lil kulħadd biex juri li japprezza l-​ikel spiritwali kollu li jingħatalna għax ma nafux kif u meta se jiswielna taʼ ġid.” Tabilħaqq, jekk nistudjaw bir-​reqqa l-​Kelma t’Alla u l-​pubblikazzjonijiet provduti mill-​klassi tal-​ilsir illum, meta ngħaddu minn żminijiet diffiċli f’ħajjitna, l-​ispirtu qaddis se ‘jfakkarna’ dak li nkunu tgħallimna.—Ġw. 14:26.

Protezzjoni mit-​Theddid

Rabsake pprova jbeżżaʼ lil-​Lhud. Hu qal: “Agħmel imħatra, jekk jogħġbok, maʼ sidi s-​sultan taʼ l-​Assirja: nagħtik elfejn żiemel u naraw jekk, min-​naħa tiegħek, intix kapaċi tqiegħed rikkieba fuqhom. Allura kif tistaʼ tkeċċi gvernatur li huwa fost wieħed mill-​iċken qaddejja taʼ sidi?” (2 Slat. 18:23, 24) Mill-​ħarsa tal-​bniedem, Ħeżekija u n-​nies tiegħu ma kellhomx ċans jirbħu lill-​armata setgħana tal-​Assirja.

Anki dawk li jippersegwitawna llum jistgħu jidhru li huma tassew setgħanin, speċjalment meta jkollhom l-​appoġġ sħiħ tal-​gvern. Dan żgur kien minnu fil-​każ tan-​Nazi li kienu jippersegwitaw lin-​nies matul it-​Tieni Gwerra Dinjija. Dawn ipprovaw ibeżżgħu lil ħafna mill-​qaddejja t’Alla. Wieħed minn ħutna li qattaʼ bosta snin il-​ħabs, iktar tard iddeskriva kif kien ġie mhedded. Darba minnhom, uffiċjal staqsieh: “Rajtu lil ħuk iż-​żgħir kif inqatel b’tir? X’tagħlima ħadt?” It-​tweġiba tiegħu kienet: “Jien xhud taʼ Ġeħova u hekk se nibqaʼ.” “Mela issa int imiss,” qallu l-​uffiċjal b’ton taʼ theddid. Madankollu, ħuna baqaʼ sod, u l-​għadu ma baqax jheddu. X’għenu jiffaċċja theddida bħal din? Hu wieġeb: “Jien fdajt fl-​isem taʼ Ġeħova.”—Prov. 18:10.

Jekk ikollna fiduċja sħiħa f’Ġeħova, inkunu qed inġorru tarka kbira li tipproteġina kontra dak kollu li juża Satana biex jagħmlilna l-​ħsara spiritwalment. (Efes. 6:16) Għalhekk, nagħmlu tajjeb jekk nitolbu lil Ġeħova biex jgħinna nsaħħu l-​fidi tagħna. (Lq. 17:5) Jeħtieġ ukoll li nagħmlu użu tajjeb mill-​arranġamenti li jsaħħulna l-​fidi provduti mill-​klassi tal-​ilsir leali. Meta niffaċċjaw xi theddid, se nissaħħu meta niftakru fl-​assiguranza li Ġeħova ta lill-​profeta Eżekjel li kellu jħabbat wiċċu maʼ nies taʼ rashom iebsa. Ġeħova qallu: “Għamiltlek wiċċek iebes eżatt daqs wiċċhom u ġbinek iebes eżatt daqs ġbinhom. Bħal djamant għamilthulek ġbinek, u iebes iktar miż-​żnied.” (Eżek. 3:8, 9) Jekk hemm bżonn, Ġeħova jistaʼ jgħinna nkunu ebsin daqs djamant bħalma kellu jkun Eżekjel.

Nirreżistu t-​Tentazzjonijiet

L-​opponenti skoprew li meta kull tentattiv li jagħmlu jfalli, premjijiet li jħajruk jistgħu kultant ikissru l-​integrità taʼ individwu. Anki Rabsake uża dan il-​metodu. Lil dawk li kienu f’Ġerusalemm hu qalilhom: “Hekk qal is-​sultan taʼ l-​Assirja: ‘Agħmlu ftehim miegħi, u oħorġu u ejjew għandi . . . sakemm niġi u niħodkom f’art bħall-​art tagħkom, art tal-​qmuħ u taʼ l-​inbid ġdid, art tal-​ħobż u taʼ l-​għelieqi tad-​dwieli, art tas-​siġar taż-​żebbuġ u taʼ l-​għasel; u tibqgħu tgħixu u ma tmutux.’” (2 Slat. 18:31, 32) Min jaf kemm kien jinżlilhom tajjeb il-​prospett li jieklu ħobż frisk u jixorbu nbid ġdid lil dawk li kienu miżmumin wara s-​swar tal-​belt assedjata!

Prospett bħal dan darba kien offrut biex jipprova jdgħajjef id-​determinazzjoni taʼ missjunarju li kien il-​ħabs. Intqallu li kien se jittieħed f’“dar sabiħa” fi “ġnien mill-​isbaħ” għal sitt xhur sabiex ikun jistaʼ jirrifletti. Madankollu, il-​ħu baqaʼ mqajjem spiritwalment u m’għamilx kompromess fejn jidħlu l-​prinċipji Kristjani tiegħu. X’għenu? Iktar tard hu spjega: “Kont naħseb dwar is-​Saltna bħala li hi t-​tama vera. . . . Il-​fidi tiegħi ssaħħet permezz tal-​għarfien dwar is-​saltna t’Alla, u tant kont ċert minn din it-​tama li lanqas għal mument wieħed ma ddubitajt dwarha, u b’hekk ma setgħux jipperswaduni biex ma nibqax leali.”

Is-​Saltna t’Alla kemm hi reali għalina? Minħabba li s-​Saltna kienet reali għalihom, il-​patrijarka Abraham, l-​appostlu Pawlu, u Ġesù nnifsu, ilkoll kemm huma setgħu jissaportu provi diffiċli. (Flp. 3:13, 14; Ebr. 11:8-​10; 12:2) Jekk inkomplu npoġġu s-​Saltna l-​ewwel f’ħajjitna, u nżommu f’moħħna l-​barkiet dejjiema li ġġib magħha, aħna wkoll nistgħu nirreżistu t-​tentazzjoni li naċċettaw opportunitajiet taʼ serħan temporanju mill-​provi.—2 Kor. 4:16-​18.

Ġeħova Mhuwiex Se Jabbandunana

Minkejja l-​isforzi kollha li għamel Rabsake biex ibeżżaʼ lil-​Lhud, Ħeżekija u s-​sudditi tiegħu kellhom fidi soda f’Ġeħova. (2 Slat. 19:15, 19; Is. 37:5-​7) Min-​naħa tiegħu, Ġeħova wieġeb it-​talb tagħhom għall-​għajnuna billi bagħat anġlu biex f’lejl wieħed joqtol 185,000 gwerrier fil-​kamp tal-​Assirjani. L-​għada stess, Sanħerib, avvilit, mar jiġri lura lejn il-​belt kapitali tiegħu, Ninwe, flimkien mal-​ftit li kien għad fadal mill-​armata tiegħu.—2 Slat. 19:35, 36.

B’mod ċar, Ġeħova m’abbandunax lil dawk li fdaw fih. L-​eżempji taʼ ħutna rġiel u nisa li fi żmienna jibqgħu sodi waqt li jkunu għaddejjin minn provi, juru li l-​istess għadu minnu dwar Ġeħova llum. Mela, mhux taʼ b’xejn li Missierna tas-​sema jassigurana: “Jien, Ġeħova Alla tiegħek, qed naqbdek minn idek il-​leminija u ngħidlek, ‘Tibżax. Jien stess ngħinek.’”—Is. 41:13.

[Nota taʼ taħt]

a “Rabsake” kien titlu taʼ uffiċjal Assirjan prominenti. L-​isem persunali taʼ dan ir-​raġel mhuwiex imsemmi fir-​rakkont.

[Kumment f’paġna 13]

Ġeħova nnifsu jassigura lill-​qaddejja tiegħu billi għal iktar minn 30 darba fil-​Kelma tiegħu jgħid: “Tibżax”

[Stampa f’paġna 12]

It-​tattiki taʼ Rabsake kif inhuma simili għal dawk li jużaw l-​għedewwa tan-​nies t’Alla llum?

[Stampi f’paġna 15]

Relazzjoni mill-​qrib maʼ Ġeħova tgħinna nżommu l-​integrità meta ngħaddu minn provi