Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Isem tajjeb, jew reputazzjoni tajba, hi xi ħaġa li ġġib magħha fiduċja u rispett

‘Isem tajjeb aħjar minn ħafna rikkezzi’

‘Isem tajjeb aħjar minn ħafna rikkezzi’

ISEM tajjeb, jew reputazzjoni tajba, tant hi xi ħaġa taʼ valur li f’xi pajjiżi dan hu protett legalment. Dan jistaʼ jinkludi protezzjoni kontra l-​malafama (sew jekk tkun bil-​kliem, bil-​kitba, jew imxandra fuq il-​midja). Dan ifakkarna fi proverbju antik: “Aħjar jintgħażel isem tajjeb minflok ħafna rikkezzi; l-​approvazzjoni [jew, ir-​rispett] hi saħansitra aħjar mill-​fidda u d-​deheb.” (Proverbji 22:1) Kif jistaʼ jkollna isem tajjeb u r-​rispett t’oħrajn? Fil-​Bibbja nsibu suġġerimenti mill-​aqwa.

Pereżempju, ikkunsidra dak li tgħid il-​Bibbja f’​Salm 15. Biex iwieġeb il-​mistoqsija, “Min se jkun mistieden fit-​tinda [t’Alla]”? is-​salmista kiteb: ‘Dak li jipprattika s-​sewwa u jitkellem il-​verità f’qalbu. Ma jimmalafamax. Lil sieħbu ma jagħmillu xejn ħażin, u ma jxerred l-​ebda tmaqdir kontra l-​ħabib tiegħu. F’għajnejh, kulmin hu taʼ min jistmerru għandu jitwarrab. Għalkemm dak li ħalef jistaʼ jkun taʼ ħsara għalih, xorta ma jbiddlux. Tixħim ma jaċċettax.’ (Salm 15:1-​5) Kieku int ma tirrispettahx lil min jgħix b’dawn il-​prinċipji mill-​isbaħ?

Kwalità oħra li tgħinek tikseb ir-​rispett hi l-​umiltà. Proverbji 15:33 jgħid: “Qabel il-​glorja hemm l-​umiltà.” Aħseb dwar dan: Xi ħadd umli jara fejn jistaʼ jitjieb u jagħmel ħiltu biex jagħmel dan. Ukoll, ikun lest li jiskuża ruħu jekk ikun offenda b’xi mod lil xi ħadd. (Ġakbu 3:2) Il-​kburi ma jagħmel xejn minn dan; anzi, minflok jieħu għalih malajr. Proverbji 16:18 jgħid: “Qabel tisbita jkun hemm il-​kburija, u qabel it-​tfixkil ikun hemm spirtu supperv.”

Imma xi ngħidu jekk xi ħadd jimmalafamak? Għandek taġixxi fis-​saħna tal-​mument, forsi waqt li tkun irrabjat? Staqsi lilek innifsek, ‘Jekk nipprova niddefendi ismi, se nkun minflok qed inxerred iktar il-​gidba?’ Filwaqt li hemm xi drabi fejn ikun xieraq li tieħu azzjoni legali, il-​Bibbja tagħtina dan il-​parir għaqli: “Tgħaġġilx biex tagħmel kawża legali.” Minflok, “iddefendi l-​kawża tiegħek m’għajrek.” (Proverbji 25:8, 9) * B’dan il-​metodu, tkun qed tuża iktar kawtela u tistaʼ tiffranka ħafna spejjeż legali.

Il-​Bibbja mhijiex sempliċement ktieb dwar ir-​reliġjon. Hi ktieb taʼ min joqgħod fuqu li fih gwida għall-​ħajja. Dawk kollha li japplikaw l-​għerf li hemm fil-​Bibbja jiżviluppaw kwalitajiet mill-​isbaħ. Dan jgħin biex jiksbu isem tajjeb u rispett profond.

^ par. 5 Iktar prinċipji tal-​Bibbja dwar kif tistaʼ tissolva kwistjoni nsibuhom f’​Mattew 5:23, 24; 18:15-​17.