Malti
Ibqaʼ għix—⁠Għax l-affarijiet jinbidlu
/assets/ct/28ada02fb0/images/syn_placeholder_sqr.png
g 4/14 p. 7

SUĠĠETT PRINĊIPALI SUBJECT | GĦALA TIBQAʼ TGĦIX?

Għax l-affarijiet jinbidlu

Għax l-affarijiet jinbidlu

“Aħna magħfusin b’kull mod, imma mhux marsusin li ma nistgħux niċċaqalqu; mifxulin, imma mhux li m’għandniex assolutament minfejn noħorġu.”—2 KORINTIN 4:8.

Is-​suwiċidju ġie msejjaħ “soluzzjoni permanenti għal problema temporanja.” Allavolja diffiċli temmen, problema li tinkwetak—saħansitra waħda li tidher li m’għandekx kontroll fuqha—għandha mnejn tkun waħda temporanja. Infatti, tistaʼ taqleb għall-​aħjar għal għarrieda.—Ara l-​kaxxa  “Iċ-​ċirkustanzi tagħhom inbidlu.”

Anki jekk dan ma jiġrix, ikun l-​aħjar li ssolvi l-​problemi li jkollok ġurnata wara l-​oħra. “Qatt tkunu ansjużi dwar l-​għada,” qal Ġesù, “għax l-​għada se jkollu l-​ansjetajiet tiegħu. Hu biżżejjed għal kull ġurnata l-​ħażen tagħha.”—Mattew 6:34.

Imma xi ngħidu jekk iċ-​ċirkustanza tiegħek ma tistax tinbidel? Pereżempju, ejja ngħidu li għandek marda kronika. Jew xi ngħidu jekk id-​disprament li tħoss ġej minn sitwazzjoni li ma tistax titreġġaʼ lura, bħal pereżempju, żwieġ imkisser jew il-​mewt taʼ xi ħadd maħbub?

Anki f’ċirkustanzi bħal dawn, hemm xi ħaġa li tistaʼ tbiddel: il-​ħarsa tiegħek lejn is-​sitwazzjoni. Billi titgħallem taċċetta dak li ma tistax tbiddel, aktarx iktar se jkollok it-​tendenza li tqis l-​affarijiet minn ħarsa iżjed pożittiva. (Proverbji 15:15) U aktarx ikollok iktar tendenza ssib modi biex tkampa mas-​sitwazzjoni minflok ma tispiċċa tuża mezzi drastiċi biex ittemmha. Ir-​riżultat? Tibda tieħu xi naqra kontroll fuq dik li tidher li hi sitwazzjoni li ma tistax tikkontrollaha.—Ġob 2:10.

FTAKAR DAN: Ma tistax titlaʼ muntanja b’pass wieħed; però, tistaʼ tilqaʼ l-​isfida pass wara ieħor. L-​istess hu minnu għall-​maġġoranza tal-​ostakli li tiltaqaʼ magħhom, jidhru kemm jidhru li huma bħal muntanja.

X’TISTAʼ TAGĦMEL ILLUM: Tkellem maʼ xi ħadd—forsi xi ħabib jew membru tal-​familja—dwar is-​sitwazzjoni tiegħek. Dik il-​persuna tistaʼ tgħinek tħares lejn is-​sitwazzjoni tiegħek b’iktar bilanċ.—Proverbji 11:14.