INTERVISTA | FRÉDÉRIC DUMOULIN

“Jien konvint li hemm Ħallieq”

“Jien konvint li hemm Ħallieq”

Għal iktar minn għaxar snin, Frédéric Dumoulin ħadem fil-qasam tar-riċerka farmaċewtika fl-Università taʼ Ghent, il-Belġju. Kien hemm żmien meta kien ateu. Imma iktar tard, Frédéric sar konvint li Alla ħalaq il-ħajja. Stenbaħ! staqsa lil Frédéric—li issa hu Xhud taʼ Ġeħova—dwar ix-xogħol u t-twemmin tiegħu.

Kellha xi rwol fi tfulitek ir-reliġjon?

Iva. Ommi kienet Kattolika Rumana. Imma meta qrajt dwar il-Kruċjati u l-Inkwiżizzjoni, ħassejtni diżgustat bir-reliġjon u ma ridtx naf biha iktar. Qrajt ukoll dwar reliġjonijiet mhux Kristjani u rajt li ma kinux aħjar. Meta kelli 14-il sena rraġunajt li l-abbundanza tal-korruzzjoni fir-reliġjon tagħti prova li Alla ma jeżistix. Għalhekk, meta fl-iskola ġejt mgħallem it-teorija tal-evoluzzjoni, wasalt għall-konklużjoni li l-ħajja oriġinat bi proċessi naturali.

Kif inġbidt lejn ix-xjenza?

Taʼ sebaʼ snin, ingħatajt mikroskopju u dan sar il-ġugarell favorit tiegħi. Fost affarijiet oħrajn, kont nużah biex neżamina insetti affaxxinanti, bħalma huma l-friefet.

Kif interessajt ruħek fl-oriġini tal-ħajja?

Meta kelli 22 sena, iltqajt maʼ xjentista li kienet waħda mix-Xhieda taʼ Ġeħova. Kienet temmen li Alla ħalaq il-ħajja. Din kienet ħaġa vera stramba għalija. Jien ħsibt li stajt faċilment nuri kif it-twemmin tagħha kien ridikolu. Imma bqajt sorpriż meta kellha tweġibiet bis-sens għall-mistoqsijiet tiegħi. Ġietni kurżità dwar in-nies li jemmnu b’Alla.

Ftit xhur wara ltqajt maʼ Xhud ieħor li kien jifhem mhux ħażin fil-mediċina. Meta offra li jispjega t-twemmin tiegħu, aċċettajt l-offerta minħabba li ridt insir naf għala n-nies jemmnu b’Alla. Ma ridtx inħallih jittama għalxejn.

Ikkonvinċejtu li kien żbaljat?

Le, ma rnexxilix. Bdejt nagħmel riċerka dwar teoriji  tal-oriġini tal-ħajja. Bqajt sorpriż meta sibt li xi xjentisti rispettati jgħidu li anki l-iktar ċellula ħajja sempliċi tant hi kumplessa li ma setgħetx oriġinat fuq l-art. Uħud minnhom jaħsbu li ċelluli bħal dawn ġew mill-ispazju. Hemm nuqqas taʼ qbil kbir dwar kif bdiet il-ħajja.

Hemm xi qbil bejniethom?

Ħaġa tal-iskantament, ħafna xjentisti jaqblu li b’xi mod proċessi naturali wasslu biex materja bla ħajja tieħu l-ħajja. Bdejt naħseb, ‘Jekk ma jafux kif il-ħajja setgħet ġiet mingħajr Ħallieq, kif jistgħu jkunu tant ċerti li hekk ġara?’ Bdejt nara x’tgħid il-Bibbja dwar l-oriġini tal-ħajja.

Għal liema konklużjonijiet dwar il-Bibbja wasalt?

Iktar ma tgħallimt mill-Bibbja, iktar sirt konvint li hi vera. Pereżempju, kien biss reċentement li x-xjentisti sabu evidenza li l-univers kellu bidu. Imma l-ewwel vers tal-Bibbja, li nkiteb xi 3,500 sena ilu, jgħid: “Fil-bidu Alla ħalaq is-smewwiet u l-art.” * U sibt li kull meta l-Bibbja titkellem dwar affarijiet xjentifiċi, tkun eżatta.

Sibt li kull meta l-Bibbja titkellem dwar affarijiet xjentifiċi, tkun eżatta

L-għarfien li għandek tax-xjenza għamilhielek diffiċli temmen b’Alla?

Le. Meta għall-ewwel bdejt nemmen b’Alla, kont ili nistudja tliet snin l-università. Sal-ġurnata tal-lum, iktar ma nistudja d-disinji taʼ affarijiet ħajjin, iktar jien konvint li hemm Ħallieq.

Tistaʼ tagħtina eżempju?

Iva. Studjajt l-effetti tal-mediċini u s-sustanzi velenużi fuq affarijiet ħajjin. Disinn wieħed li jaffaxxinani hu kif moħħna huwa protett minn sustanzi perikolużi u mill-batterji. Hemm barriera li żżomm demmna separat miċ-ċelluli tal-moħħ.

X’hemm straordinarju dwar dan?

‘Il fuq minn 100 sena ilu, xi riċerkaturi nnotaw li sustanzi li jidħlu fid-demm jiġu trasferiti għal kull parti tal-ġisem—minbarra l-moħħ u s-sinsla tad-dahar. Dan il-fatt jgħaġġibni, għax netwerk immens taʼ vini kapillari (irqaq) jieħu d-demm lil kull ċellula fil-moħħ. Iċ-ċelluli tal-moħħ kollha jitnaddfu, u jirċievu l-ikel u l-ossiġnu permezz tad-demm. Mela, id-demm kif jistaʼ jibqaʼ separat miċ-ċelluli taʼ moħħna? Għal ħafna snin, dan kien misteru.

Kif taħdem din il-barriera?

Il-vini mikroskopiċi mhumiex bħal tubi tal-plastik li jżommu dak li hemm ġo fihom separat minn dak li hemm barra. Il-vini huma magħmulin minn ċelluli. Dawn iċ-ċelluli jħallu s-sustanzi u l-mikrobi jgħaddu minn ġo fihom u minn bejniethom. Madankollu, iċ-ċelluli tal-vini f’moħħna huma differenti. Huma ssikkati maʼ xulxin. Dawn iċ-ċelluli u fejn jissallbu bejniethom huma tal-għaġeb. Ħafna mekkaniżmi kumplessi jiżguraw li xi affarijiet—bħall-ossiġnu, il-karbonju dijossidu, u l-glukosju—jgħaddu mid-demm għall-moħħ b’mod regolat. Imma sustanzi oħrajn, proteini, u ċelluli ma jitħallewx. Għalhekk, il-barriera taʼ bejn il-moħħ u d-demm taħdem fuq livell molekulari biex tipproduċi barrieri fiżiċi, kimiċi, u elettriċi. Għalija, disinn bħal dan sempliċement ma setax evolva.