Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Iġri t-Tiġrija bis-Sabar

Iġri t-Tiġrija bis-Sabar

“Ħa niġru bis-​sabar it-​tiġrija li tqiegħdet quddiemna.”—EBR. 12:1.

1, 2. L-​appostlu Pawlu maʼ xiex qabbilha l-​ħajja Kristjana?

 KULL sena jinżammu maratoni f’ħafna postijiet. Xi wħud li jiġru f’dawn it-​tiġrijiet huma ġerrejja mill-​aqwa, u jkunu jridu jirbħu. Imma l-​biċċa l-​kbira mill-​ġerrejja l-​oħrajn jafu li ma jistgħux jirbħu t-​tiġrija. L-​iktar ħaġa importanti għalihom hi li jlestu t-​tiġrija.

2 Fil-​Bibbja, il-​ħajja Kristjana ġiet imqabbla maʼ tellieqa. L-​appostlu Pawlu ġibed l-​attenzjoni taʼ sħabu l-​Kristjani f’Korintu tal-​qedem lejn dan il-​punt fl-​ewwel ittra li kitbilhom. Hu kiteb: “Ma tafux li f’tellieqa l-​ġerrejja kollha jiġru, imma wieħed biss jirċievi l-​premju? Iġru b’tali mod li tiksbuh.”—1 Kor. 9:24.

3. Pawlu għala semma li ġerrej wieħed biss jirbaħ?

3 Kien Pawlu qed jgħid li wieħed biss minn dawk il-​Kristjani kien se jikseb il-​premju tal-​ħajja u li l-​oħrajn kollha kienu se jiġru għalxejn? Dażgur li le! Il-​ġerrejja fil-​kompetizzjonijiet kienu jittrennjaw u jistinkaw kemm jifilħu bil-​mira li jkunu r-​rebbieħ. Pawlu ried li ħutu jagħmlu kull sforz biex jibqgħu leali lejn Ġeħova u jtemmu t-​tiġrija. Il-​Kristjani kollha li jagħmlu dan jistgħu jirbħu l-​premju tal-​ħajja taʼ dejjem.

4. X’għandna bżonn nikkunsidraw rigward it-​tiġrija li għandna quddiemna?

4 Dan il-​kliem hu inkuraġġanti għalina, imma wkoll iġegħelna naħsbu bis-​serjetà dwar kif qed ngħixu. Jekk ngħixu b’mod li jogħġob lil Ġeħova, għandna tama meraviljuża li ngħixu għal dejjem, jew fis-​sema jew f’Ġenna fuq l-​art. Huwa minnu li t-​tiġrija hi twila u strapazzuża; hemm ħafna ostakli, aljenazzjonijiet, u perikli tul it-​triq. (Mt. 7:13, 14) B’dispjaċir, xi wħud naqqsu l-​pass, ċedew, jew saħansitra waqgħu tul it-​triq. Liema nases u perikli hemm fit-​tiġrija għall-​ħajja? Kif tistaʼ tevitahom? X’tistaʼ tagħmel biex tispiċċa, u b’hekk tirbaħ din it-​tiġrija?

Neħtieġu s-​Sabar Biex Nirbħu

5. Pawlu xi spjega f’​Ebrej 12:1?

5 Meta Pawlu kiteb lill-​Kristjani Ebrej f’Ġerusalemm u fil-​Lhudija, hu għal darb’oħra tkellem dwar ġerrejja f’tellieqa. (Aqra Ebrej 12:1.) Hu mhux biss ġibed l-​attenzjoni lejn ir-​raġuni għala wieħed għandu jieħu sehem fit-​tiġrija, imma wkoll indika xi jrid jagħmel dak li jkun biex jirbaħ. Qabel ma neżaminaw il-​parir ispirat taʼ Pawlu lill-​Kristjani Ebrej biex naraw x’lezzjonijiet hemm għalina, ejja nikkunsidraw x’qanqal lil Pawlu jikteb l-​ittra u x’kien qed jipprova jinkuraġġihom jagħmlu lill-​qarrejja tiegħu.

6. Il-​Kristjani taħt liema pressjoni kienu mill-​mexxejja reliġjużi?

6 Il-​Kristjani tal-​ewwel seklu, speċjalment dawk li kienu jgħixu f’Ġerusalemm u fil-​Lhudija, kienu qed jiffaċċjaw ħafna provi u tbatijiet. Kienu taħt pressjoni kbira mill-​mexxejja reliġjużi Lhud, li kien għad kellhom influwenza qawwija fuq in-​nies. Iktar qabel, saħansitra kienu ġiegħlu lin-​nies jemmnu li Ġesù Kristu kien kontra l-​gvern u li kien kriminal li ħaqqu jmut. Dawn il-​mexxejja reliġjużi kienu qatlu lil Ġesù Kristu u issa riedu jwaqqfu lil dawk li kienu qed jippritkaw dwaru. Fil-​ktieb tal-​Atti naqraw rakkont wara l-​ieħor dwar it-​theddid u l-​attakki tagħhom kontra l-​Kristjani, u dawn bdew kważi immedjatament wara l-​ġrajjiet mirakolużi f’Pentekoste tas-​sena 33 E.K. Dan ċertament li għamel il-​ħajja diffiċli għall-​uħud leali.—Atti 4:1-​3; 5:17, 18; 6:8-​12; 7:59; 8:1, 3.

7. X’kien li għamel iż-​żmien li kienu jgħixu fih dawk il-​Kristjani diffiċli ħafna?

7 Raġuni oħra għala dawk il-​Kristjani kienu jgħixu fi żmien diffiċli ħafna kienet li l-​qerda taʼ Ġerusalemm kienet fil-​viċin. Ġesù kien qalilhom dwar il-​qerda li kienet se tiġi fuq il-​ġens Lhudi żleali. Kien qal ukoll lis-​segwaċi tiegħu dwar ġrajjiet li kienu se jseħħu eżatt qabel it-​tmiem, u tahom istruzzjonijiet speċifiċi dwar x’azzjoni kellhom jieħdu biex isalvaw. (Aqra Luqa 21:20-​22.) Allura, x’kienu se jagħmlu? Ġesù wissa: “Oqogħdu attenti għalikom infuskom li qlubkom qatt ma jitqalu b’ikel u xorb żejjed u ansjetajiet tal-​ħajja, u f’daqqa waħda dak il-​jum jiġi fuqkom għal għarrieda.”—Lq. 21:34.

8. X’setaʼ ġiegħel lil xi Kristjani jnaqqsu l-​pass jew iċedu?

8 Meta Pawlu kiteb l-​ittra tiegħu lill-​Ebrej, kienu għaddew kważi 30 sena minn mindu Ġesù ta din it-​twissija. Xi ġralhom dawn il-​Kristjani matul dawk it-​30 sena? Xi wħud ċedew għall-​pressjonijiet u l-​aljenazzjonijiet tal-​ħajja taʼ kuljum u m’għamlux il-​progress spiritwali li setaʼ jsaħħaħhom. (Ebr. 5:11-​14) Oħrajn milli jidher ħassew li l-​ħajja kienet tkun ħafna iktar faċli kieku sempliċement jgħixu bħall-​maġġuranza tal-​Lhud taʼ madwarhom. Dawn il-​Lhud, wara kollox, ma kinux abbandunaw għalkollox lil Alla; sa ċertu punt kienu għadhom qed isegwu l-​Liġi tiegħu. Ukoll, kien hemm xi wħud fil-​kongregazzjonijiet li kienu qed jipprovaw jisforzaw lil oħrajn biex jobdu l-​Liġi Mosajka u t-​tradizzjonijiet. Xi Kristjani emmnuhom, u oħrajn semgħu minnhom għax beżgħu. Pawlu x’setaʼ jgħid biex jgħin lil ħutu l-​Kristjani ħalli jibqgħu għassa spiritwalment u jistabru fit-​tiġrija?

9, 10. (a) Lejn it-​tmiem taʼ Ebrej kapitlu 10, liema inkuraġġiment naqraw mingħand Pawlu? (b) Pawlu għala kiteb dwar l-​atti taʼ fidi taʼ qaddejja taʼ Ġeħova fl-​imgħoddi?

9 Ġeħova nebbaħ lil Pawlu biex jikteb din l-​ittra taʼ inkuraġġiment lill-​Kristjani Ebrej. F’kapitlu 10 tal-​ittra tiegħu, Pawlu spjega li l-​Liġi kienet biss “dell taʼ l-​affarijiet tajbin li għandhom jiġu” u b’mod ċar wera l-​valur tas-​sagrifiċċju tal-​fidwa taʼ Kristu. Lejn it-​tmiem taʼ dan il-​kapitlu, Pawlu ħeġġeġ lill-​qarrejja tiegħu: “Teħtieġu s-​sabar sabiex, wara li tkunu għamiltu r-​rieda t’Alla, tirċievu t-​twettiq tal-​wegħda. Għax ‘ftit ferm’ baqaʼ, u ‘dak li ġej jasal u ma jiddawwarx.’”—Ebr. 10:1, 36, 37.

10 F’Ebrej kapitlu 11, Pawlu spjega x’inhi l-​fidi vera f’Alla. Hu għamel dan billi kiteb dwar l-​affarijiet li għamlu nies li kellhom il-​fidi vera. F’kapitlu 12, hu reġaʼ inkuraġġixxa lill-​Kristjani biex jissaportu u qalilhom biex ‘jiġru bis-​sabar it-​tiġrija’ li kellhom quddiemhom. Għala tkellem dwar il-​fidi qabel ma reġaʼ tkellem dwar is-​sabar? L-​appostlu kien jaf li sħabu fit-​twemmin kellhom ikunu jafu li l-​fidi kienet tirrikjedi azzjoni kuraġġuża u sabar. L-​eżempju mill-​aħjar li ħallew dawk il-​qaddejja leali tal-​qedem taʼ Ġeħova kien se jsaħħaħ lill-​Ebrej biex ikampaw mal-​provi u t-​tbatijiet li ffaċċjaw. B’hekk, wara li semma l-​atti taʼ fidi taʼ dawk l-​uħud leali fl-​imgħoddi, Pawlu setaʼ jgħid: “Peress li aħna mdawrin bi sħaba hekk kbira taʼ xhieda, ħa nneħħu aħna wkoll kull piż u dak id-​dnub li faċilment ifixkilna, u ħa niġru bis-​sabar it-​tiġrija li tqiegħdet quddiemna.”—Ebr. 12:1.

‘Sħaba taʼ Xhieda’

11. Meta naħsbu dwar l-​eżempju tas-​‘sħaba kbira taʼ xhieda,’ x’għandna niftakru?

11 Pawlu qal li l-​qaddejja taʼ Ġeħova li kienu jgħixu qabel żmien il-​Kristjanità kienu ‘sħaba kbira taʼ xhieda.’ Kienu baqgħu leali lejn Ġeħova sal-​aħħar taʼ ħajjithom, u l-​eżempju tagħhom juri li hu possibbli għall-​Kristjani biex jibqgħu leali lejn Ġeħova, anki f’sitwazzjonijiet diffiċli ferm. ‘Is-​sħaba taʼ xhieda’ kienu bħal ġerrejja tal-​esperjenza li kienu spiċċaw it-​tiġrija tagħhom. L-​eżempju tagħhom kien se jinkuraġġixxi lil oħrajn biex ikomplu jiġru t-​tiġrija. Jekk konna f’tiġrija u konna nafu li ġerrejja tajbin ħafna kienu qed jarawna u jinkuraġġuna biex inkomplu niġru, allura konna nagħmlu l-​almu tagħna biex nispiċċaw it-​tiġrija. Għalhekk, il-​Kristjani Ebrej kellhom jaħsbu dwar l-​eżempju taʼ dawk il-​qaddejja taʼ Ġeħova fl-​imgħoddi. L-​eżempju tagħhom setaʼ jinkuraġġihom u jfakkarhom li kien possibbli għalihom li ‘jiġru bis-​sabar’ u jtemmu t-​tiġrija tagħhom. U huwa possibbli għalina wkoll.

12. X’nistgħu nitgħallmu mill-​fidi tan-​nies li tkellem dwarhom Pawlu?

12 Ħafna mill-​uħud leali li semmiehom Pawlu kellhom ċirkustanzi simili għal tagħna. Pereżempju, Noè kien jgħix eżatt qabel maʼ Ġeħova qered id-​dinja taʼ dak iż-​żmien f’dilluvju. Aħna qed ngħixu qrib it-​tmiem taʼ din is-​sistema preżenti. Ġeħova talab lil Abraham u Sara biex jitilqu minn darhom. Wegħedhom li minnhom kien se jagħmel ġens biex jaqdih, u huma stennewh iwettaq din il-​wegħda. Ġeħova jitlobna biex ma nibqgħux ngħixu għalina nfusna u biex ngħixu għalih. Iwegħedna li jekk nagħmlu hekk, hu se jkun il-​ħabib tagħna u se jippremjana. Mosè vvjaġġa f’xagħri tal-​waħx fi triqtu lejn l-​Art Imwiegħda. Aħna ngħixu f’dinja mill-​agħar u nistennew id-​dinja l-​ġdida li wegħedna Ġeħova. Dak li għaddew minnu dawn l-​irġiel, is-​suċċessi u l-​fallimenti tagħhom, kif ukoll l-​abbiltajiet u n-​nuqqasijiet tagħhom, verament jistħoqqlu li nikkunsidrawh.—Rum. 15:4; 1 Kor. 10:11.

X’Għenhom Itemmu t-​Tiġrija?

13. Noè liema sfidi ffaċċja, u x’għenu jegħlibhom?

13 X’għen lil dawn il-​qaddejja taʼ Ġeħova jistabru fit-​tiġrija u jtemmuha? Innota x’kiteb Pawlu dwar Noè. (Aqra Ebrej 11:7.) ‘Id-​dilluvju taʼ ilmijiet fuq l-​art li kien se jeqred il-​laħam kollu’ kien xi ħaġa li Noè ‘kien għadu’ qatt ma raha. (Ġen. 6:17) Qatt ma kien hemm dilluvju qabel, imma Noè ma ħasibx li dilluvju kien impossibbli. Għala? Għax kellu fidi li kulma qal Ġeħova, Ġeħova kien se jagħmlu. Noè ma ħassx li dak li ġie mitlub jagħmel kien diffiċli wisq. Minflok, “għamel preċiż hekk.” (Ġen. 6:22) Meta nqisu dak kollu li kellu x’jagħmel Noè—jibni l-​arka, jiġbor l-​annimali, jaħżen l-​ikel fl-​arka għall-​bnedmin u l-​annimali, jipprietka messaġġ taʼ twissija, u jżomm lil familtu b’saħħitha spiritwalment—ma kinitx ħaġa żgħira biex jagħmel “preċiż hekk.” Madankollu, il-​fidi u s-​sabar taʼ Noè rriżultaw f’ħajja u f’barkiet għalih u għal familtu.

14. (a) Abraham u Sara f’liema sitwazzjonijiet urew fidi f’Alla? (b) X’nistgħu nitgħallmu mill-​eżempju tagħhom?

14 Pawlu semma lil Abraham u Sara bħala parti mis-​‘sħaba kbira taʼ xhieda.’ Ħajjithom inbidlet meta Alla qalilhom biex jitilqu mid-​dar tagħhom f’Ur. Ma kinux jafu x’kien se jsir minnhom, imma kellhom fidi soda f’Ġeħova u obdewh anke f’sitwazzjonijiet diffiċli. Il-​Bibbja ssejjaħ lil Abraham “il-​missier taʼ dawk kollha li jkollhom il-​fidi” għax għamel ħafna sagrifiċċji għal Ġeħova. (Rum. 4:11) Il-​Kristjani Ebrej kienu diġà jafu dwar il-​ħajja t’Abraham u familtu, u għalhekk Pawlu semma ftit biss mill-​atti taʼ fidi tagħhom. Minkejja dan, il-​lezzjoni li Pawlu ħareġ hi qawwija: “Dawn kollha [inkluż Abraham u familtu] mietu waqt li żammew il-​fidi, għalkemm ma qalgħux it-​twettiq tal-​wegħdi, imma rawhom mill-​bogħod u laqgħuhom u stqarrew pubblikament li kienu stranġieri u residenti temporanji f’dik l-​art.” (Ebr. 11:13) B’mod ċar, il-​fidi tagħhom f’Alla u r-​relazzjoni persunali li kellhom miegħu għenuhom jiġru t-​tiġrija bis-​sabar.

15. X’qanqal lil Mosè jgħix kif għex?

15 Mosè hu qaddej taʼ Ġeħova eżemplari ieħor fost ‘is-​sħaba taʼ xhieda.’ Mosè ħalla warajh ħajja sinjura u privileġġata, u “għażel li jkun trattat ħażin mal-​poplu t’Alla.” X’qanqlu jagħmel hekk? Pawlu wieġeb: “Ħares fiss lejn il-​ħlas tal-​premju. . . . Baqaʼ sod bħallikieku qed jara lil Dak li hu inviżibbli.” (Aqra Ebrej 11:24-​27.) Mosè ma ġiex aljenat mit-​“tgawdija temporanja tad-​dnub.” Alla u l-​wegħdi tiegħu tant kienu reali għal Mosè li hu wera kuraġġ u sabar straordinarju. Hu ħadem iebes biex imexxi lill-​Iżraelin mill-​Eġittu sal-​Art Imwiegħda.

16. Kif nafu li Mosè ma qatax qalbu minkejja li ma setax jidħol fl-​Art Imwiegħda?

16 Bħal Abraham, Mosè m’esperjenzax it-​twettiq tal-​wegħda t’Alla matul ħajtu. Eżatt qabel ma l-​Iżraelin daħlu fl-​Art Imwiegħda, lil Mosè ntqallu: “Mill-​bogħod se taraha l-​art, imma m’intix se tidħol hemmhekk fl-​art li qed nagħti lil ulied Israel.” Dan kien minħabba li iktar qabel hu u Aron, irrabjati ħafna minħabba r-​ribelljoni tan-​nies, ‘naqsu mid-​dover lejn Alla f’nofs ulied Israel ħdejn l-​ilmijiet taʼ Meriba.’ (Dt. 32:51, 52) Mosè ma qatax qalbu minkejja li ma setax jidħol fl-​Art Imwiegħda. Ma ħasibx li dak li ddeċieda Alla ma kienx ġust. Nafu dan għax hu talab lil Ġeħova biex ibierek lill-​poplu t’Iżrael. L-​aħħar kliem tiegħu lilhom kien: “Hieni int, O Israel! Min hemm bħalek, poplu li jgawdi s-​salvazzjoni minn Ġeħova, it-​tarka taʼ l-​għajnuna tiegħek, u s-​sejf eċċezzjonali tiegħek?”—Dt. 33:29.

Lezzjonijiet Għalina

17, 18. (a) X’nistgħu nitgħallmu mis-​‘sħaba taʼ xhieda’? (b) X’se jiġi kunsidrat fl-​artiklu li jmiss?

17 Mill-​ħajja taʼ xi wħud minn dawk li huma parti mis-​‘sħaba taʼ xhieda,’ tgħallimna li biex intemmu t-​tiġrija għandu jkollna fidi soda f’Alla u fil-​wegħdi tiegħu. (Ebr. 11:6) Din il-​fidi għandha teffettwa l-​mod kif ngħixu ħajjitna issa. Aħna nafu li Alla wegħedna li hemm futur aħjar. Nistgħu naraw lil “Dak li hu inviżibbli.” Alla hu reali għalina, u għalhekk niġru t-​tiġrija bis-​sabar.—2 Kor. 5:7.

18 It-​tiġrija Kristjana mhijiex faċli. Minkejja dan, huwa possibbli li llestu t-​tiġrija b’suċċess. Fl-​artiklu li jmiss se nikkunsidraw x’iktar għajnuna għandna disponibbli.

Tistaʼ Tispjega?

• Pawlu għala kiteb dwar l-​atti taʼ fidi taʼ xhieda fl-​imgħoddi?

• L-​eżempju tas-​‘sħaba kbira taʼ xhieda,’ kif jgħinna nistabru fit-​tiġrija?

• X’tgħallimt mill-​eżempji taʼ Noè, Abraham, Sara, u Mosè?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 19]

Abraham u Sara kienu lesti li jħallu warajhom il-​kumditajiet t’Ur