Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Mistoqsijiet mill-​Qarrejja

Huwa ħażin li tilgħab l-​imħatri anki meta jkunu involuti biss ammonti żgħar taʼ flus?

Il-​Kelma t’Alla ma tiddiskutix fid-​dettall dwar is-​suġġett tal-​logħob taʼ l-​ażżard, iżda tgħid biżżejjed affarijiet biex turi li l-​logħob taʼ l-​ażżard kollu ma jaqbilx mal-​prinċipji tal-​Bibbja. * Per eżempju, huwa fatt magħruf li l-​logħob taʼ l-​ażżard iqanqal ir-​regħba. Dan il-​fatt waħdu huwa biżżejjed għall-​Kristjani biex jikkunsidrawh, peress li l-​Bibbja tistqarr li r-​“rgħiba” mhux se jirtu s-​Saltna t’Alla u li r-​regħba hija ħażina daqs l-​idolatrija.—1 Korintin 6:​9, 10; Kolossin 3:5.

Il-logħob taʼ l-​ażżard iqanqal ukoll f’individwu l-​egoiżmu u l-​ispirtu kompetittiv li hu taʼ ħsara, ix-​xewqa qawwija li jirbaħ. L-​appostlu Pawlu wissa kontra affarijiet bħal dawn meta kiteb: “Ejjew ma nsirux egoistiċi, inqanqlu l-​kompetizzjoni maʼ xulxin, ikollna invidja għal xulxin.” (Galatin 5:​26, NW) Iktar minn hekk, il-​logħob taʼ l-​ażżard jinkuraġġixxi lil xi wħud biex b’mod superstizzjuż jistrieħu fuq il-​fortuna. Dawk li jilagħbu l-​logħob taʼ l-​ażżard jiżviluppaw kull tip taʼ superstizzjoni, waqt li jisperaw li jinfluwenzaw il-​fortuna biex iddur favurihom. Dawn l-​uħud ifakkruna fl-​Iżraelin li ma kinux leali għax kienu ‘jħejju mejda għall-​Fortuna, u jimlew it-​tazzi b’inbid imħallat għad-​Destin.’—Isaija 65:​11, Karm Żammit.

Xi wħud għandhom mnejn jirraġunaw li l-​fatt li jilagħbu l-​flus b’ammonti żgħar waqt li jkunu qed jilagħbu b’mod amikevoli logħba tal-​karti jew fuq il-​bord mal-​qraba jew mal-​ħbieb m’huwa xejn ħlief divertiment innoċenti. Veru, min jilgħab ammont żgħir taʼ flus għandu mnejn ma jħarisx lejh innifsu bħala li hu rgħib, egoist, kompetittiv, jew superstizzjuż. Xorta waħda, x’effett jistaʼ jkollu l-​logħob taʼ l-​ażżard tiegħu fuq dawk li jkun qed jilgħab magħhom? Ħafna minn dawk li jkollhom il-​vizzju tal-​logħob taʼ l-​ażżard bdew minn imħatri insinifikanti ‘għall-​gost.’ (Luqa 16:10) Dik li dehret bħala attività innoċenti saret xi ħaġa iktar taʼ ħsara għalihom.

Dan huwa minnu speċjalment fejn jidħlu t-​tfal. Ħafna tfal ħassewhom eċċitati meta rebħu xi mħatra żgħira u mbagħad tħajru jagħmlu dan għal somom akbar taʼ flus. (1 Timotju 6:10) Studju li sar matul is-​snin u li ġie pubblikat fl-​Istati Uniti mill-​Kunsill taʼ l-​Arizona fuq il-​Vizzju tal-​Logħob taʼ l-​Ażżard jikkonferma li ħafna minn dawk li għandhom dan il-​vizzju bdew minn meta kienu żgħar “billi għamlu mħatri żgħar fuq avvenimenti sportivi jew fuq il-​logħob tal-​karti mal-​ħbieb jew mal-​qraba.” Rapport ieħor jgħid li “t-​tfal jibdew jilagħbu l-​flus mid-​dar, ġeneralment waqt il-​logħob tal-​karti mal-​familja jew mal-​ħbieb.” Ir-​rapport iżid jgħid li “tletin fil-​mija mit-​tfal li kienu jilagħbu l-​flus bdew jagħmlu dan qabel ma għalqu l-​ħdax-il sena.” Ħafna adolexxenti li jilagħbu l-​flus iħallsu għall-​vizzju tagħhom permezz tal-​kriminalità jew l-​immoralità, skond l-​istudju Why Do People Gamble Too Much​—Pathological and Problem Gambling (In-Nies Għala Jilagħbu Żżejjed—Il-​Logħob taʼ l-​Ażżard Patoloġiku u Problematiku). X’konsegwenzi traġiċi għal xi ħaġa li għall-​ewwel forsi kienet tidher li ma tagħmilx ħsara!

Peress li qed ngħixu f’dinja li diġà għandha ħafna nases u tentazzjonijiet, għala għandna nidħlu f’nasba oħra bħal din bla bżonn? (Proverbji 27:12) Il-​logħob taʼ l-​ażżard—kemm jekk it-​tfal ikunu preżenti u kemm jekk le, għal somom kbar jew żgħar—jipperikola l-​ispiritwalità u għandu jiġi evitat. Il-​Kristjani li jgawdu logħob fuq il-​bord jew bil-​karti bħala passatemp jingħataw il-​parir li aħjar jimmarkaw il-​punti fuq biċċa karta jew jilagħbu l-​logħba sempliċement għall-​gost mingħajr ma jimmarkaw il-​punti. Kristjani għaqlin li jieħdu ħsieb l-​ispiritwalità tagħhom, kif ukoll dik tal-​ħbieb u l-​familja, jevitaw il-​prattika tal-​logħob taʼ l-​ażżard—anki għal ammonti żgħar taʼ flus.

[Nota taʼ taħt]

^ par. 3 Il-World Book Encyclopedia tagħti d-​definizzjoni għal-​logħob taʼ l-​ażżard bħala li huwa “mħatri fuq ir-​riżultat taʼ logħba, avveniment, jew iċ-​ċans li jiġri xi ħaġa.” Tkompli tgħid li ‘dawk li jilagħbu l-​logħob taʼ l-​ażżard ġeneralment jilagħbu l-​flus fuq . . . logħob taċ-​ċans bħalma huma l-​lotteriji, il-​logħob tal-​karti, u d-​dammi.’