Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

IL-BIBBJA TBIDDEL IL-ĦAJJIET

Kont mimli rabja u vjolenti

Kont mimli rabja u vjolenti
  • SENA TAT-TWELID: 1974

  • POST TAT-TWELID: IL-MESSIKU

  • PASSAT: ADOLOXXENT VJOLENTI U ĠELLIED

IL-PASSAT TIEGĦI:

Jien twelidt Ciudad Mante, reġjun mill-isbaħ fl-istat taʼ Tamaulipas, il-Messiku. L-abitanti inġenerali tal-belt huma ġenerużi u qalbhom tajba. Imma b’dispjaċir, minħabba l-kriminalità organizzata, din l-akkwata kienet perikoluża.

Kont it-tieni minn erbaʼ subien. Il-ġenituri tiegħi għammduni fil-Knisja Kattolika, u iktar tard kont parti mill-kor tal-parroċċa. Ridt nogħġob lil Alla għax kont nibżaʼ ħafna li niġi ġudikat u maħruq għal dejjem fl-infern.

Meta kelli ħames snin, missieri telaqna. Dan ġabli niket kbir u ħassejt bħal vojt ġo qalbi. Ma stajtx nifhem għala kien telaqna meta konna nħobbuh tant. Ommi kellha taħdem sigħat twal barra mid-dar biex tipprovdi għall-erbgħa li aħna.

Jien ħadt vantaġġ mis-sitwazzjoni u kont infalli l-iskola biex niltaqaʼ maʼ tfal ikbar minni. Huma għallmuni nidgħi, inpejjep, nisraq, u niġġieled bil-ponn. Ladarba kont nieħu pjaċir nikkmanda lil oħrajn, tgħallimt il-boxing, ir-wrestling, il-martial arts, u anki kif nuża l-armi. Sirt adoloxxent vjolenti. Ħafna drabi kont niġi involut fi ġlied bil-pistoli, u kemm-il darba kont nispiċċa miksi demm u mitluq għal mejjet fit-triq. Kemm kont taʼ niket għal ommi meta kienet issibni hekk u kien ikollha tiġborni u tiħodni minnufih l-isptar!

Meta kelli 16-il sena, ħabib taʼ tfuliti jismu Jorge żar id-dar tagħna. Hu qalilna li kien wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova u xtaq jaqsam messaġġ importanti magħna. Billi uża l-Bibbja, hu beda jispjega t-twemmin tiegħu. Qatt ma kont qrajtha u kont ħerqan biex nitgħallem dwar l-isem t’Alla u l-iskopijiet tiegħu. Jorge offra li jistudja l-Bibbja magħna. Aħna aċċettajna.

KIF IL-BIBBJA BIDDLITLI ĦAJTI:

Ħassejt serħan kbir meta tgħallimt il-verità dwar in-nar tal-infern—li mhuwiex tagħlim tal-Bibbja. (Salm 146:4, Ekkleżjasti 9:5) Ladarba tgħallimt dan, ma bqajtx nibżaʼ b’mod esaġerat minn Alla. Anzi, bdejt inħares lejh bħala Missier kollu mħabba li jixtieq l-aħjar għal uliedu.

Hekk kif komplejt miexi ’l quddiem fl-istudju tal-Bibbja, rajt li kelli bżonn nagħmel xi bidliet fil-personalità tiegħi. Kelli bżonn naħdem iktar fuq l-umiltà u nieqaf milli nkun vjolenti. Il-parir imniżżel fl​-1 Korintin 15:33 għenni. Dan jgħid: “Kumpanija ħażina tħassar id-drawwiet siewja.” Indunajt li jekk ridt inbiddel il-personalità tiegħi, kien jeħtieġli nieqaf niltaqaʼ maʼ nies li kellhom influwenza negattiva fuqi. Biddilt il-ħbieb li kelli maʼ membri Kristjani veri tal-kongregazzjoni—nies li jsolvu l-argumenti billi japplikaw il-prinċipji Bibliċi u mhux billi jagħtu bil-ponn jew jużaw forom taʼ vjolenza.

Silta oħra mill-Bibbja li kellha impatt fuqi kienet dik taʼ Rumani 12:17-19. Din tgħid: “Troddu lil ħadd ħsara bi ħsara. . . . Jekk inhu possibbli, sakemm jiddependi minnkom, żommu l-paċi mal-bnedmin kollha. Maħbubin, tivvendikawx ruħkom, . . . għax hu miktub: ‘ “Il-vendetta hi tiegħi; jien inħallas,” jgħid Ġeħova.’ ” Bdejt naċċetta li Ġeħova kien se jieħu ħsieb l-inġustizzja kif u meta jrid hu. Bil-mod il-mod, għelibt l-istil vjolenti taʼ ħajja li kont qed ngħix.

Qatt mhu se ninsa dak li ġara lejl minnhom jien u sejjer lura d-dar. Grupp taʼ żgħażagħ minn klikka ġellieda taʼ qabel attakkawni, u l-kbir tagħhom tani daqqa minn wara u għajjat, “Iddefendi lilek innifsek!” F’dak il-mument għedt talba żgħira lil Ġeħova u tlabtu jgħinni biex nissaporti l-attakk. Għalkemm ħassejt xewqa kbira biex niġġieled lura, irnexxieli nitlaq ’l hemm minflok. L-għada ltqajt mal-kbir tal-klikka waħdu. Rabja vendikattiva nġemgħet ġo fija, imma għal darb’oħra tlabt lil Ġeħova f’qalbi biex nikkontrolla lili nnifsi. B’sorpriża, iż-żagħżugħ ġie fuqi u qalli: “Skużani għal dak li ġara lbieraħ. Ngħidlek il-verità, nixtieq insir bħalek. Nixtieq nistudja l-Bibbja.” Kemm kont ferħan li kont kapaċi nikkontrolla r-rabja tiegħi! Grazzi għal dan, bdejna nistudjaw il-Bibbja flimkien.

B’dispjaċir, il-kumplament taʼ familti ma komplewx jistudjaw il-Bibbja dak iż-żmien. Madankollu, ħadt deċiżjoni soda li nkompli nistudja u ma nħalli lil ħadd jew xejn iżommni lura. Kont naf li jekk niltaqaʼ regolarment man-nies taʼ Ġeħova, dan kien se jfejjaq l-uġigħ emozzjonali tiegħi u jagħtini l-familja li kelli bżonn. Komplejt nagħmel progress, u fl-1991 tgħammidt bħala wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova.

KIF IBBENEFIKAJT:

Kont mimli rabja, dominanti, u vjolenti. Imma l-Kelma t’Alla biddlitli ħajti kompletament. Issa naqsam il-messaġġ taʼ paċi tal-Bibbja maʼ kull min irid jismaʼ. Kelli l-privileġġ li naqdi bħala ministru full-time għal dawn it-23 sena li għaddew.

Għal ċertu żmien, għamilt xogħol volontarju fl-uffiċċju tal-fergħa tax-Xhieda taʼ Ġeħova fil-Messiku. F’dak iż-żmien, iltqajt maʼ Claudia, żagħżugħa mimlija enerġija, u żżewwiġna fl-1999. Kemm jien grat lejn Ġeħova talli berikni b’din is-sieħba leali!

Aħna qdejna f’kongregazzjoni tal-Lingwa tas-Sinjali Messikana u għenna lil dawk neqsin mis-smigħ jitgħallmu dwar Ġeħova. Iktar tard, ġejna mistidnin immorru il-Belize biex ngħallmu l-Bibbja lin-nies taʼ dak il-post. Għalkemm il-ħajja hawn hija ħafna iktar sempliċi, għandna dak kollu li għandna bżonn biex inkunu kuntenti. Aħna ma npartuha maʼ xejn.

Maż-żmien, ommi kompliet l-istudju tal-Bibbja tagħha u tgħammdet. Ukoll, ħija l-kbir, martu, u wliedhom issa huma Xhieda taʼ Ġeħova. Xi wħud mill-ħbieb li kelli u li magħhom qsamt il-messaġġ tas-Saltna issa jaqdu lil Ġeħova wkoll.

Sfortunatament, xi membri tal-familja tiegħi mietu għax ma biddlux il-karattru vjolenti tagħhom. Kieku komplejt miexi fl-istess triq, probabbilment kont nispiċċa bħalhom. Jien grat li Ġeħova ġibidni lejh u lejn l-aduraturi tiegħu, li bil-paċenzja u b’qalb tajba għallmuni napplika l-prinċipji Bibliċi f’ħajti.