Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU TMINTAX

Waslet “Għal Konklużjonijiet f’Qalbha”

Waslet “Għal Konklużjonijiet f’Qalbha”

1, 2. Iddeskrivi l-​vjaġġ taʼ Marija, u spjega għala kien skomdu għaliha.

MARIJA biddlet il-​pożizzjoni tagħha biex tkun iktar komda fuq il-​ħmar. Kienet ilha sigħat sħaħ riekba fuqu. Eżatt quddiemha, Ġużeppi baqaʼ miexi ’l quddiem, jidderieġihom fit-​triq matul il-​vjaġġ lejn Betlehem, li kienet ’il bogħod. Għal darb’oħra, Marija ħasset it-​tarbija taqbeż ġo ġufha.

2 Marija kienet kważi waslet biex tiled. (Lq. 2:5, 6) Hekk kif il-​koppja għaddew minn ħdejn bosta għelieqi, xi bdiewa forsi rawhom huma u jagħżqu jew jiżirgħu u kienet ħaġa stramba għalihom li mara tivvjaġġa meta tkun tant imwassla fit-​tqala tagħha. Marija għala kienet qed tivvjaġġa tant ’il bogħod minn darha f’Nazaret?

3. Marija liema inkarigu rċiviet, u x’se nitgħallmu dwarha?

3 Kollox beda xhur qabel meta din iż-​żagħżugħa Lhudija rċiviet inkarigu uniku fl-​istorja umana kollha. Hi kellha tiled iben li kellu jsir il-​Messija, l-​Iben t’Alla! (Lq. 1:35) Hekk kif beda joqrob iż-​żmien li tiled, qamet il-​ħtieġa li terħilha fuq dan il-​vjaġġ. Tul dan il-​vjaġġ, Marija ffaċċjat diversi sfidi li ġarrbulha l-​fidi. Ejja naraw x’għenha tibqaʼ b’saħħitha spiritwalment.

Il-​Vjaġġ Lejn Betlehem

4, 5. (a) Ġużeppi u Marija għala kienu sejrin lejn Betlehem? (b) Id-​digriet taʼ Ċesari wassal biex titwettaq liema profezija?

4 Ġużeppi u Marija ma kinux l-​uniċi nies li kienu qed jivvjaġġaw. Ċesari Awgustu ma kienx ilu li ħareġ digriet biex in-​nies kollha tal-​pajjiż jivvjaġġaw lejn raħal twelidhom ħalli jiġu reġistrati. Ġużeppi kif irreaġixxa? Ir-​rakkont jgħid: “Naturalment, Ġużeppi wkoll telaʼ mill-​Galilija, mill-​belt taʼ Nazaret, għal-​Lhudija, lejn il-​belt taʼ David, li jisimha Betlehem, peress li kien membru tad-​dar u l-​familja taʼ David.”—Lq. 2:1-​4.

5 Ma kinitx b’kumbinazzjoni li Ċesari ħareġ dan id-​digriet f’dak iż-​żmien. Profezija li nkitbet madwar sebaʼ mitt sena qabel, bassret li l-​Messija kellu jitwieled f’Betlehem. Issa ġara li kien hemm belt jisimha Betlehem li kienet tinsab 11-​il kilometru biss ’il bogħod minn Nazaret. Madankollu, il-​profezija speċifikat li kien minn “Betlehem t’Efrata” li kellu joħroġ il-​Messija. (Aqra Mikea 5:2.) Sabiex jaslu f’dan ir-​raħal żgħir minn Nazaret, il-​vjaġġaturi kellhom ikopru madwar 130 kilometru fuq art kollha għoljiet billi jgħaddu mis-​Samarija. Dan ir-​raħal kien il-​Betlehem fejn ġie msejjaħ biex imur Ġużeppi, għax kien minn hawnhekk li kienet ġejja l-​familja tas-​Sultan David—l-​antenati kemm taʼ Ġużeppi u kemm taʼ Marija.

6, 7. (a) Il-​vjaġġ lejn Betlehem għala setaʼ kien taʼ sfida għal Marija? (b) Il-​fatt li kienet mart Ġużeppi kif kien jeffettwa d-​deċiżjonijiet taʼ Marija? (Ara wkoll in-​nota taʼ taħt.)

6 Kienet Marija se tappoġġah lil Ġużeppi fid-​deċiżjoni tiegħu li jobdi d-​digriet? Wara kollox, il-​vjaġġ kien se jkun iebes għaliha. X’aktarx li kien kmieni fil-​ħarifa, u għalhekk kien possibbli li tagħmel xi ħalba xita ħafifa hekk kif l-​istaġun tan-​nixfa kien riesaq bil-​mod il-​mod lejn tmiemu. Iktar minn hekk, il-​frażi “telaʼ mill-​Galilija” hi adattata għax Betlehem kienet tinsab f’għoli taʼ 760 metru—għolja iebsa mhux ħażin biex titlagħha, tmiem skabruż taʼ vjaġġ li kien jieħu diversi ġranet. Forsi kien ħa jieħu iktar mis-​soltu għax il-​kundizzjoni taʼ Marija setgħet teħtieġ waqtiet bla għadd taʼ mistrieħ. Meta jkun se jagħlqilha ż-​żmien biex tiled, mara żagħżugħa ma tantx tkun tixtieq titbiegħed mid-​dar, mill-​familja, u mill-​ħbieb li jkunu lesti li jgħinuha meta jibda l-​uġigħ tal-​ħlas. Bla dubju, kien jeħtieġ li trabbi l-​kuraġġ biex tmur fuq dan il-​vjaġġ.

Il-vjaġġ lejn Betlehem ma kienx faċli

7 Minkejja dan, Luqa jikteb li Ġużeppi mar “biex jiġi reġistrat maʼ Marija.” Hu jgħid ukoll li Marija kienet ‘ngħatat lil Ġużeppi fiż-​żwieġ, kif kien imwiegħed.’ (Lq. 2:4, 5) Il-​fatt li kienet il-​mara taʼ Ġużeppi kien jeffettwa bil-​kbir id-​deċiżjonijiet taʼ Marija. Hi kienet tqis lil żewġha bħala l-​kap spiritwali tagħha u ħaddnet l-​irwol tagħha mogħti minn Alla bħala l-​ajjutanta tiegħu billi appoġġatu fid-​deċiżjonijiet li ħa. * Għalhekk, hi kienet lesta li tobdi lil żewġha, u b’hekk uriet il-​fidi.

8. (a) X’iktar setaʼ mmotiva lil Marija biex tmur Betlehem maʼ Ġużeppi? (b) L-​eżempju taʼ Marija b’liema mod hu inkuraġġanti għan-​nies leali?

8 X’iktar setaʼ mmotiva lil Marija biex tobdi? Kienet taf bil-​profezija dwar Betlehem bħala l-​post tat-​twelid tal-​Messija? Il-​Bibbja ma tgħidx. Jistaʼ jkun li Marija kienet taf dwar il-​profezija għax ħafna min-​nies kienu jafu biha. (Mt. 2:1-​7; Ġw. 7:40-​42) Marija kienet midħla sew tal-​Iskrittura. (Lq. 1:46-​55) Kienet x’kienet ir-​raġuni għala Marija ddeċidiet li tagħmel il-​vjaġġ—jekk hux sabiex tobdi lil żewġha, tobdi digriet sekulari, jew tobdi l-​profezija taʼ Ġeħova stess, jew minħabba dawn il-​fatturi kollha—hi ħalliet eżempju mill-​aqwa. Ġeħova jgħożż bil-​kbir attitudni umli u ubbidjenti kemm fl-​irġiel u kemm fin-​nisa. L-​eżempju taʼ Marija huwa inkuraġġanti speċjalment għalina għax ħafna nies illum jaħsbu li m’għandhomx ikunu sottomessi.

It-​Twelid taʼ Kristu

9, 10. (a) Marija u Ġużeppi dwar xiex setgħu ħasbu hekk kif kienu resqin lejn Betlehem? (b) Ġużeppi u Marija fejn għaddew il-​lejl, u għala?

9 Marija żgur li ħadet ir-​ruħ malli lemħet lil Betlehem. Hekk kif ivvjaġġaw fuq l-​għoljiet u għaddew biswit is-​siġar taż-​żebbuġ—fost l-​aħħar ħsad—Marija u Ġużeppi setgħu ħasbu dwar l-​istorja taʼ dan ir-​raħal żgħir. Kien insinifikanti wisq biex ikun magħdud fost il-​bliet taʼ Ġuda, sewwasew bħalma kien qal il-​profeta Mikea; madankollu kien il-​post fejn twieldu Bogħaż, Nagħomi, u iktar tard David, kollha iktar minn elf sena qabel.

10 Marija u Ġużeppi sabu r-​raħal iffollat bin-​nies. Kienu waslu qabilhom nies oħrajn biex jirreġistraw, u għalhekk ma kienx hemm post għalihom fil-​lukanda. * Ma kellhomx għażla oħra ħlief li jgħaddu l-​lejl fi stalla. Nistgħu biss nimmaġinaw kemm inkwieta Ġużeppi hekk kif ra lil martu tbati minn uġigħ li qatt ma kienet ħasset qabel u li mbagħad kulma jmur beda jiżdied. Minn tant postijiet, proprju hemmhekk beda l-​uġigħ tal-​ħlas.

11. (a) In-​nisa għala jistgħu jagħdruha lil Marija? (b) Ġesù b’liema modi kien “l-​ewwel imwieled”?

11 In-​nisa jistgħu jagħdruha lil Marija. Madwar 4,000 sena qabel, Ġeħova kien bassar li n-​nisa kollha kellhom ibatu l-​uġigħ tal-​ħlas minħabba li wirtu d-​dnub. (Ġen. 3:16) X’aktarx li Marija batiet ukoll. Luqa ma ddeskriviex l-​uġigħ li ħasset imma sempliċement qal: “Wildet lil binha, l-​ewwel imwieled.” (Lq. 2:7) Iva, “l-​ewwel imwieled” kien wasal—l-​ewwel fost il-​ħafna wlied taʼ Marija, minn tal-​inqas sebgħa b’kollox. (Mk. 6:3) Però dan kellu jispikka. Hu mhux biss kien l-​ewwel imwieled tagħha iżda wkoll “l-​ewwel imwieled mill-​ħolqien kollu” taʼ Ġeħova nnifsu, l-​Iben uniġenitu t’Alla!—Kol. 1:15.

12. Marija fejn poġġietha t-​tarbija, u r-​realtà kif kienet differenti mir-​reċti, mill-​pitturi, u mix-​xeni tan-​Natività?

12 Issa r-​rakkont iżid dettall famuż: “Fisqietu u medditu f’maxtura.” (Lq. 2:7) Reċti, pitturi, u xeni tan-​Natività madwar id-​dinja jiddeskrivu din ix-​xena b’mod sentimentali żżejjed u mhux realistiku. Iżda kkunsidra r-​realtà. Maxtura hi kontenitur li jieklu minnu l-​annimali tal-​irziezet. Ftakar li l-​familja kienu qed joqogħdu fi stalla—post magħruf għall-​arja mhix nadifa jew għan-​nuqqas taʼ iġjene, kemm dak iż-​żmien u kemm illum. Tabilħaqq, liema ġenituri se jagħżlu dan il-​post biex iġibu t-​tarbija tagħhom fid-​dinja li kieku jkollhom xi għażla oħra? Ħafna ġenituri jixtiequ l-​aħjar għat-​tfal tagħhom. Kemm iktar Marija u Ġużeppi riedu jipprovdu l-​aqwa għall-​Iben t’Alla!

13. (a) Marija u Ġużeppi b’liema mod għamlu l-​aħjar tagħhom biex jiddobbaw b’dak li kellhom? (b) Ġenituri għaqlin illum kif jistgħu jikkultivaw prijoritajiet simili għal dawk taʼ Ġużeppi u Marija?

13 Madankollu, ma ffokawx fuq is-​sitwazzjoni kerha li kienu fiha; huma sempliċement għamlu l-​aħjar tagħhom biex jiddobbaw b’dak li kellhom. Pereżempju, innota li Marija nfisha ħadet ħsieb it-​tifel ċkejken u żammitu mgeddes billi ġeżwritu fiċ-​ċraret u mbagħad medditu b’attenzjoni fil-​maxtura biex jorqod, u b’hekk għamlet ċert li jkun sħun u bla perikli. Marija ma kinitx se tħalli l-​ansjetà minħabba ċ-​ċirkustanzi kurrenti tagħha tfixkilha milli tipprovdi l-​aħjar li setgħet. Kemm hi u kemm Ġużeppi kienu jafu wkoll li l-​iktar ħaġa importanti li setgħu jagħmlulu kienet li jgħallmu lil dan it-​tifel iħobb lil Ġeħova. (Aqra Dewteronomju 6:6-​8.) Illum, ġenituri għaqlin jikkultivaw prijoritajiet simili meta jrabbu lil uliedhom f’dinja taʼ nies li ma jridux jaqdu lil Alla.

Żjara Inkuraġġanti

14, 15. (a) Ir-​rgħajja għala kienu ħerqanin biex jaraw lit-​tarbija? (b) Ir-​rgħajja x’għamlu dwar dak li kienu raw fl-​istalla?

14 F’salt wieħed qamet għagħa sħiħa li ħarbtet is-​skiet taʼ din ix-​xena. Xi rgħajja daħlu jiġru fl-​istalla, ħerqanin biex jaraw lill-​familja, speċjalment lit-​tarbija. Wiċċ dawn l-​irġiel kien qed jiddi bil-​ferħ. Kienu ġew jiġru mill-​għoljiet fejn kienu qed jgħixu mal-​imrieħel tagħhom. * Dawn qalu lill-​ġenituri mistagħġbin dwar esperjenza meraviljuża li kien għadu kif kellhom. Fuq l-​għolja f’nofs taʼ lejl, anġlu kien dehrilhom f’daqqa waħda. Il-​glorja taʼ Ġeħova kienet iddiet maʼ kullimkien, u l-​anġlu qalilhom li l-​Kristu, jew il-​Messija, kien għadu kif twieled f’Betlehem. Kellhom isibu t-​tarbija mimduda f’maxtura, imgeżwra fiċ-​ċraret. Imbagħad ġrat xi ħaġa saħansitra iktar spettakolari—dehret kotra kbira taʼ anġli jfaħħru lil Alla!—Lq. 2:8-​14.

15 Mhux taʼ b’xejn li dawn l-​irġiel umli marru jiġru lejn Betlehem! Min jaf kemm kienu ferħanin li jaraw it-​tarbija tat-​twelid mimduda hemmhekk, sewwasew bħalma kien għadu kif iddeskriva l-​anġlu! Huma ma żammewx din l-​aħbar tajba għalihom infushom. “Bdew jgħidu dak li ntqalilhom . . . U dawk kollha li semgħu stagħġbu bl-​affarijiet li qalulhom ir-​rgħajja.” (Lq. 2:17, 18) Il-​mexxejja reliġjużi taʼ dak iż-​żmien kienu jħarsu b’disprezz lejn ir-​rgħajja. Iżda b’mod ċar, Ġeħova kien jgħożż lil dawn l-​irġiel umli u leali. Però, din iż-​żjara kif effettwat lil Marija?

B’mod ċar, Ġeħova kien jgħożż lir-rgħajja umli u leali

16. Marija kif uriet li kienet tassew taf tirraġuna, u x’kienet raġuni importanti għala setgħet iżżomm il-​fidi tagħha b’saħħitha?

16 Żgur li l-​kedda tal-​ħlas kienet ħalliet lil Marija bla saħħa, iżda hi xorta tat widen b’attenzjoni għal kull kelma li qalu r-​rgħajja. U jerġaʼ, iktar minn hekk: “Marija baqgħet tgħożż dan il-​kliem kollu u tasal għal konklużjonijiet f’qalbha.” (Lq. 2:19) Din il-​mara żagħżugħa kienet tassew taf tirraġuna. Kienet taf li dan il-​messaġġ anġeliku kien importanti ħafna. Ġeħova, l-​Alla tagħha, riedha tkun taf u tifhem min kien binha u kemm kien importanti. Għalhekk, hi mhux sempliċement tat widen. Hi niżżlet il-​kliem f’qalbha sabiex tkun tistaʼ tixtarru għal darba wara l-​oħra fix-​xhur u s-​snin li kienu ġejjin. Din hi raġuni importanti għala Marija setgħet iżżomm il-​fidi tagħha b’saħħitha matul ħajjitha.—Aqra Ebrej 11:1.

Marija tat widen b’attenzjoni lir-rgħajja u kliemhom niżżlitu f’qalbha

17. Kif nistgħu nimitaw l-​eżempju taʼ Marija fejn jidħlu l-​veritajiet spiritwali?

17 Se timita int l-​eżempju taʼ Marija? Il-​Kelma taʼ Ġeħova hi miżgħuda b’veritajiet importanti ħafna. Madankollu, dawn il-​veritajiet ma tantx jistgħu jagħmlulna ġid jekk l-​ewwel ma nagħtux kashom. Nagħmlu dan billi naqraw il-​Bibbja regolarment—mhux sempliċement bħala biċċa xogħol letterarja imma bħala l-​Kelma ispirata t’Alla. (2 Tim. 3:16) Imbagħad, bħal Marija, jeħtieġ nitgħallmu u nżommu f’moħħna veritajiet dwar Ġeħova u naslu għal konklużjonijiet f’qalbna. Jekk nimmeditaw fuq dak li naqraw fil-​Bibbja, u naħsbu dwar modi kif nistgħu napplikaw il-​pariri taʼ Ġeħova iktar bis-​sħiħ, se ngħinu biex il-​fidi tagħna tissaħħaħ.

Iktar Stqarrijiet X’Tixtarr

18. (a) Marija u Ġużeppi kif obdew il-​Liġi Mosajka meta Ġesù kien għadu tarbija? (b) L-​offerta li taw Ġużeppi u Marija fit-​tempju xi wriet dwar is-​sitwazzjoni finanzjarja tagħhom?

18 Meta t-​tifel ċkejken kellu tmint ijiem, Marija u Ġużeppi ħaduh biex jiġi ċirkonċiż bħalma kien meħtieġ mil-​Liġi Mosajka, u semmewh Ġesù bħalma ntqalilhom. (Lq. 1:31) Imbagħad fl-​40 jum ħaduh minn Betlehem lejn it-​tempju f’Ġerusalemm, madwar 10 kilometri ’l bogħod, u ppreżentaw l-​offerti tal-​purifikazzjoni li l-​Liġi pprovdiet għall-​foqra—żewġ gamimiet jew żewġ bċieċen. Anki jekk Ġużeppi u Marija stħaw, huma għamlu l-​aħjar li setgħu biex xorta jobdu l-​Liġi. Huma rċivew inkuraġġiment kbir waqt li kienu hemmhekk.—Lq. 2:21-​24.

19. (a) Simegħon kif ta lil Marija iktar veritajiet biex tniżżilhom f’qalbha? (b) Anna kif irreaġixxiet meta rat lil Ġesù?

19 Raġel xwejjaħ jismu Simegħon avviċinahom u ta lil Marija saħansitra iktar veritajiet biex tniżżilhom f’qalbha. Hu kien ġie mwiegħed li qabel ma jmut jara ’l-​Messija, u l-​ispirtu qaddis taʼ Ġeħova wrieh li ċ-​ċkejken Ġesù kien is-​Salvatur imbassar. Ukoll, Simegħon wissa lil Marija dwar l-​uġigħ li xi darba kien se jkollha tissaporti. Qal li kellha tħoss bħallikieku xabla twila qed tinfidha. (Lq. 2:25-​35) Anki dan il-​kliem li jkexkxek setaʼ għen lil Marija tissaporti meta wasal dak iż-​żmien iebes, 33 sena wara. Wara Simegħon, profetessa jisimha Anna rat liċ-​ċkejken Ġesù u bdiet titkellem dwaru maʼ kull min kien jgħożż it-​tama tal-​ħelsien taʼ Ġerusalemm.—Aqra Luqa 2:36-​38.

Marija u Ġużeppi sabu inkuraġġiment kbir fit-tempju taʼ Ġeħova f’Ġerusalemm

20. Il-​fatt li Ġesù ttieħed fit-​tempju f’Ġerusalemm kif kien deċiżjoni tajba?

20 X’deċiżjoni tajba kienu ħadu Ġużeppi u Marija biex jieħdu lit-​tarbija tagħhom fit-​tempju taʼ Ġeħova f’Ġerusalemm! Għal binhom, dan kien il-​bidu taʼ ħajja t’attendenza b’lealtà fit-​tempju taʼ Ġeħova. Waqt li kienu hemmhekk, taw l-​aħjar li kellhom lil Ġeħova skont kif setgħu u rċivew kliem taʼ istruzzjoni u inkuraġġiment. Marija żgur li telqet mit-​tempju dakinhar b’fidi iktar soda, qalbha mimlija b’veritajiet importanti biex timmedita fuqhom u taqsamhom m’oħrajn.

21. Kif nistgħu nagħmlu ċert li l-​fidi tagħna tissaħħaħ dejjem iktar, bħal taʼ Marija?

21 Illum huwa sabiħ li tara ġenituri jsegwu dan l-​eżempju. Fost ix-​Xhieda taʼ Ġeħova, il-​ġenituri b’lealtà jieħdu magħhom lil uliedhom għal-​laqgħat Kristjani. Dawn il-​ġenituri jagħtu li jistgħu billi joffru kliem taʼ inkuraġġiment lil sħabhom fit-​twemmin. U wara dawn il-​laqgħat Kristjani jħossuhom iktar imsaħħin u ferħanin, u jkollhom ħafna affarijiet taʼ ġid x’jaqsmu m’oħrajn. Kemm nitgħaxxqu niltaqgħu magħhom! Meta nagħmlu hekk, naraw li l-​fidi tagħna, bħal taʼ Marija, tissaħħaħ dejjem iktar.

^ par. 7 Innota l-​kuntrast bejn din is-​silta u d-​deskrizzjoni taʼ vjaġġ li sar qabel: “Marija qamet u marret” iżżur lil Eliżabetta. (Lq. 1:39) Lura f’dak iż-​żmien, bħala mara għarusa iżda mhux miżżewġa, Marija setgħet aġixxiet mingħajr ma kkonsultat maʼ Ġużeppi. Wara li l-​koppja żżewġu, jidher li d-​deċiżjoni dwar il-​vjaġġ tagħhom flimkien ittieħdet minn Ġużeppi, u mhux minn Marija.

^ par. 10 Kienet id-​drawwa taʼ dak iż-​żmien li l-​irħula jipprovdu kamra li toffri kenn lill-​vjaġġaturi u lill-​karavani li kienu jkunu għaddejjin.

^ par. 14 Il-​fatt li r-​rgħajja dak il-​ħin kienu qed jgħixu barra mal-​imrieħel tagħhom jikkonferma dak li tindika l-​kronoloġija tal-​Bibbja: Kristu ma twilidx f’Diċembru, meta l-​imrieħel joqogħdu eqreb lejn il-​post fejn jidħlu jistkennu, imma f’xi żmien kmieni f’Ottubru.