Għala m’Iniex Kuntent bija Nnifsi?
Kapitlu 12
Għala m’Iniex Kuntent bija Nnifsi?
“MA NĦOSSNIX daqshekk speċjali,” ilmentat Louise. Ġieli int jiġrilek l-istess, li kultant ma tkunx kuntent bik innifsek?
Tassew, kulħadd għandu bżonn ċertu ammont taʼ stima lejh innifsu. Din ġiet definita bħala “l-ingredjent li jagħti dinjità lill-eżistenza umana.” Iżjed minn hekk, il-Bibbja tgħid: “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek.” (Korsiv tagħna.) (Mattew 19:19) U jekk m’intix kuntent bik innifsek, probabbli tħossok l-istess dwar oħrajn.
‘Ma Nistaʼ Nagħmel Xejn Tajjeb!’
Għala jistaʼ jkollok sentimenti negattivi bħal dawn dwarek innifsek? L-ewwelnett, il-limitazzjonijiet tiegħek għandhom mnejn idejquk. Int qed tikber, u taʼ spiss tgħaddi minn perijodu diffiċli u imbarazzanti taʼ li twaqqaʼ l-affarijiet jew li taqaʼ fihom. Imbagħad, int sempliċement m’għandekx l-esperjenza t’adult f’li tirkupra minn diżappunti. U minħabba li l-“fakultajiet perċettivi” tiegħek ma trawmux biżżejjed “permezz taʼ l-użu,” forsi int mhux dejjem se tieħu l-iktar deċiżjonijiet għaqlin. (Lhud 5:14, NW) Xi drabi, għandek mnejn tħossok li ma tistaʼ tagħmel xejn tajjeb!
Il-fatt li wieħed jonqos li jilħaq l-istennijiet tal-ġenituri tiegħu jistaʼ jkun kaġun ieħor taʼ stima baxxa lejh innifsu. “Jekk l-iskola nġib ‘inqas minn A,’” jgħid wieħed żagħżugħ, Proverbji 1:8, 9) Minflok tħossok skuraġġit, aċċetta l-kritika u tgħallem minnha.
“il-ġenituri tiegħi jkunu jridu jafu għaliex ma ġibtx ‘A’ u jgħiduli li jien falliment.” M’għandniex xi ngħidu, huwa normali għall-ġenituri li jħeġġu lil uliedhom biex jagħtu l-aħjar tagħhom. U meta tonqos fi stennijiet raġunevoli, tistaʼ tibqaʼ ċert li se jgħidulek bihom. Il-parir tal-Bibbja hu: “Ismaʼ, ibni [jew binti], kliem missierek, u twarrabx tagħlim ommok.” (Iżda, xi ngħidu jekk il-ġenituri jibdew jipparagunawk inġustament? (“Għala ma tistax tkun bħal ħuk il-kbir, Paul? Hu dejjem kien wieħed mill-aħjar studenti.”) Paraguni bħal dawn, għalkemm jistgħu jweġġgħu dak il-ħin, taʼ spiss ikollhom punt validu. Il-ġenituri tiegħek sempliċement iridu dak li hu l-aħjar għalik. U jekk tħossok li qed jittrattawk b’mod iebes iżżejjed, għaliex ma tiddiskutix il-kwistjoni magħhom bil-kalma?
Saħħaħ ir-Rispett lejk Innifsek
Kif tistaʼ terġaʼ ssaħħaħ l-istima lejk innifsek li ddgħajfet? L-ewwelnett, ikkunsidra onestament il-kwalitajiet tajbin u negattivi tiegħek. Int se tiskopri li ħafna mill-hekk imsejħin kwalitajiet negattivi huma taʼ ftit importanza. Xi ngħidu dwar difetti serji, bħal li tinkorla malajr jew li tkun egoist? Aħdem kuxjenzjożament fuq dawn il-problemi u żgur li r-rispett lejk innifsek se jiżdied.
Barra minn hekk, tinsiex il-fatt li int diġà għandek xi kwalitajiet pożittivi! Għalik, forsi li tkun kapaċi ssajjar
jew li tibdel tajer m’humiex daqshekk importanti. Imma wieħed bil-ġuħ jew sewwieq f’diffikultà se jammirak għal abbiltajiet bħal dawn! Aħseb ukoll dwar il-virtujiet tiegħek. Int tħobb tistudja? Paċenzjuż? Ħanin? Ġeneruż? Twajjeb? Dawn il-kwalitajiet ipattu bil-kbir għad-difetti ż-żgħar.Jistaʼ jkun ukoll t’għajnuna li tikkunsidra din il-lista qasira:
Agħmel miri realistiċi: Jekk timmira dejjem ’il bogħod ħafna, tistaʼ tiddiżappunta ruħek ferm. Poġġi miri li tistaʼ tilħaqhom. Xi ngħidu dwar li titgħallem xi abbiltà bħat-tajping? Tgħallem doqq xi strument mużikali jew tgħallem lingwa oħra. Tejjeb il-qari tiegħek u tillimitax ruħek għal suġġett partikulari biss. Is-sodisfazzjon li jiġi meta twettaq xi ħaġa żgur li se jirriżulta f’rispett lejk innifsek.
Agħmel xogħol tajjeb: Jekk tagħmel xogħol taʼ kafkaf, mhux se tħossok kuntent bik innifsek. Alla ħa pjaċir jagħmel ix-xogħlijiet kreattivi tiegħu u meta tlestew, hu ddikjara l-perijodi kreattivi bħala li kienu ‘tajbin.’ (Ġenesi 1:3-31) Int ukoll tistaʼ tieħu pjaċir fi kwalunkwe xogħol li tagħmel id-dar jew l-iskola billi dan tagħmlu b’sengħa u kuxjenzjożament.—Ara Proverbji 22:29.
Agħmel affarijiet għal oħrajn: Ir-rispett lejk innifsek ma takkwistahx billi toqgħod bil-qegħda u tistenna li ssib kollox lest. Ġesù qal li “min irid ikun kbir . . . għandu jkun qaddej,” jew ministru, għal oħrajn.—Mark 10:43-45.
Per eżempju, Kim li għandha 17-il sena ppjanat biex fil-btala tas-sajf tqattaʼ 60 siegħa kull xahar tgħin lil oħrajn jitgħallmu l-veritajiet tal-Bibbja. Hi tgħid: “Dan ressaqni eqreb lejn Jehovah. Għenni wkoll niżviluppa mħabba vera għan-nies.” Huwa diffiċli li din iż-żagħżugħa ferħana tkun nieqsa mir-rispett lejha nfisha!
Agħżel lill-ħbieb tiegħek bir-reqqa: “Jien m’iniex kuntenta bija nnifsi,” qalet Barbara li għandha 17-il sena. “Meta nkun maʼ nies li għandhom fiduċja fija, nagħmel
xogħol tajjeb. Maʼ dawk li jittrattawni qisni xi biċċa minn magna, insir stupida.”Nies arroganti jew insolenti jistgħu tabilħaqq iġagħluk tkun imdejjaq bik innifsek. Għalhekk, agħżel ħbieb li huma verament interessati fil-benesseri tiegħek, ħbieb li jibnuk.—Proverbji 13:20.
Agħmel lil Alla l-ħabib tal-qalb tiegħek: “Il-Mulej blata tiegħi, fortizza . . . tiegħi,” iddikjara s-salmista David. (Salm 18:3 [18:2, NW]) Il-fiduċja tiegħu ma kinitx fil-kapaċitajiet tiegħu stess, imma fil-ħbiberija mill-qrib tiegħu maʼ Jehovah. B’hekk, meta iktar tard ġiet fuqu l-avversità, hu setaʼ jirreżisti kritika ħarxa mingħajr ma jitlef il-kontroll tiegħu nnifsu. (2 Samwel 16:7, 10) Int ukoll tistaʼ ‘tersaq lejn Alla,’ u b’hekk ‘tiftaħar’ mhux bik innifsek, imma b’Jehovah!—Ġakbu 2:21-23; 4:8; 1 Korintin 1:31.
Attivitajiet li ma Jwasslu Mkien
Wieħed kittieb qal: “Xi drabi, l-adolexxent b’identità dgħajfa u stima baxxa lejh innifsu jipprova jiżviluppa immaġni falza jew juri wiċċ b’ieħor biex jiffaċċja d-dinja.” L-irwoli li jieħdu xi wħud huma familjari: Il-“buli,” il-wieħed li taha għad-dinja, il-punk rocker bl-ilbies esaġerat tiegħu. Imma taħt din il-qoxra, dawn iż-żgħażagħ għadhom qed jiġġieldu maʼ sentimenti taʼ inferjorità.—Proverbji 14:13.
Ikkunsidra, per eżempju, dawk li jagħtuha għas-sess mingħajr restrizzjonijiet “biex ineħħu sentimenti taʼ dipressjoni, biex ikabbru l-istima lejhom infushom [billi jħossuhom mixtiqin], biex jiksbu l-intimità, u biex bit-tqala jakkwistaw l-imħabba u l-approvazzjoni sħiħa taʼ esseri uman ieħor—taʼ tarbija.” (Coping With Teenage Depression) Waħda żagħżugħa diżilluża kitbet: “Jien ipprovajt nissostitwixxi l-intimità sesswali bħala faraġ, minflok ma pprovajt nibni relazzjoni sħiħa mal-Ħallieq tiegħi. Kulma ħadt kien il-vojt, is-solitudni u iktar dipressjoni.” Mela, oqgħod attent minn attivitajiet bla futur bħal dawn.
Kelma taʼ Twissija
Huwa interessanti li l-Iskrittura spiss twissi kontra li jkollna opinjoni għolja dwarna nfusna! Għala? Evidentement minħabba li l-biċċa l-kbira minna, fl-isforzi tagħna biex nakkwistaw fiduċja fina nfusna, għandna t-tendenza li nesaġeraw. Ħafna jsiru egoisti u jesaġeraw ħafna l-abbiltajiet u l-kapaċitajiet tagħhom. Xi wħud jgħollu lilhom infushom billi jbaxxu lil oħrajn.
Lura fl-ewwel seklu, ir-rivalità intensa bejn il-Lhud u l-Ġentili (mhux Lhud) nikktet lil kongregazzjoni Kristjana ġewwa Ruma. Għalhekk, l-appostlu Pawlu fakkar lill-Ġentili li kien permezz tat-“tjieba” t’Alla biss li huma Rumani 11:17-36) Anki l-Lhud prużuntużi kellhom jammettu l-imperfezzjonijiet tagħhom. “Il-bnedmin kollha dinbu u ċċaħħdu mill-glorja taʼ Alla,” qal Pawlu.—Rumani 3:23.
kienu ‘tlaqqmu’ f’pożizzjoni taʼ favur quddiem Alla. (Pawlu ma ċaħħadhomx mill-istima lejhom infushom, imma qal: “Jiena ngħidilkom ilkoll bis-saħħa tal-grazzja li tani Alla: tippretendux li intom xi ħaġa aktar milli intom kif għandu jkun!” (Rumani 12:3) Għalhekk, waqt li “għandu” jkun hemm miżura taʼ rispett lejh innifsu, wieħed m’għandux imur fl-estrem f’dan ir-rigward.
Bħalma josserva Dr. Allan Fromme: “Wieħed li jaħseb b’mod xieraq dwaru nnifsu m’huwiex imdejjaq, imma m’għandux għalfejn ikun qed itir bil-ferħ. . . . M’huwiex pessimist, imma l-ottimiżmu tiegħu huwa mrażżan. La hu avventuruż u lanqas meħlus minn biżaʼ speċifiku . . . Hu jirrealizza li la huwa l-iktar persuna taʼ suċċess li qatt eżista, lanqas ma hu xi falliment dejjiemi [kontinwu].”
Mela kun modest. “Alla jieqaf lill-kburi, u jagħti l-grazzja lill-umli.” (Ġakbu 4:6) Irrikonoxxi l-valuri tiegħek, imma tinjorax in-nuqqasijiet tiegħek. Pjuttost, aħdem fuqhom. Minn żmien għal żmien int xorta se tibqaʼ tiddubita lilek innifsek. Imma qatt m’għandek tiddubita dwar kemm tiswa jew li Alla jimpurtah minnek. Għax “jekk xi ħadd iħobb lil Alla, lil dan Alla jagħrfu.”—1 Korintin 8:3.
Mistoqsijiet għal Diskussjoni
◻ Għala xi żgħażagħ għandhom sentimenti negattivi dwarhom infushom? Tistaʼ tifhem kif iħossuhom dawn iż-żgħażagħ?
◻ Kif tistaʼ tkampa maʼ l-istennijiet tal-ġenituri tiegħek?
◻ Kif tistaʼ ssaħħaħ ir-rispett lejk innifsek?
◻ X’jistaʼ jfixklek milli ssaħħaħ l-istima lejk innifsek?
◻ Għala għandek toqgħod attent biex ma jkollokx opinjoni għolja dwarek innifsek?
[Kumment f’paġna 98]
L-istima lejn dak li jkun ġiet definita bħala “l-ingredjent li jagħti dinjità lill-eżistenza umana”
[Stampa f’paġna 99]
Tħossok qalbek maqtugħa, inferjuri? Hemm soluzzjoni
[Stampa f’paġna 101]
Billi titkabbar jew tiftaħar bik innifsek mhux se ssolvi l-fatt li għandek stima baxxa lejk innifsek
[Stampa f’paġna 102]
Ġieli tħossok li ma tistaʼ tagħmel xejn tajjeb?