Atti 17:1-34
17 Issa għaddew minn Amfipoli u Apollonja u ġew Tessalonika,+ fejn kien hemm sinagoga tal-Lhud.
2 Għalhekk, skond id-drawwa tiegħu,+ Pawlu daħal għandhom, u għal tliet Sabatijiet irraġuna magħhom mill-Iskrittura+
3 u spjega u ta prova permezz tar-referenzi li kien meħtieġ li l-Kristu jbati+ u mbagħad iqum mill-imwiet,+ u qalilhom: “Dan hu l-Kristu,+ dan Ġesù li qed inxandrilkom.”
4 B’riżultat taʼ dan, xi wħud minnhom emmnu+ u ssieħbu maʼ Pawlu u Sila,+ kif ukoll kotra kbira taʼ Griegi li kienu jqimu lil Alla u għadd ġmielu taʼ nisa mill-kbarat.
5 Imma, billi ġiethom l-għira,+ il-Lhud ġabru magħhom xi rġiel mill-agħar, minn dawk li jħobbu jitgħażżnu fis-suq, ifformaw marmalja u qajmu rewwixta fil-belt.+ Imbagħad attakkaw id-dar taʼ Ġason+ biex jipprovaw iġibuhom quddiem il-folla.
6 Meta ma sabuhomx, kaxkru lil Ġason u lil xi aħwa quddiem il-ħakkiema tal-belt u bdew jgħajtu: “Dawn l-irġiel li qalbu d-dinja taʼ taħt fuq+ qegħdin preżenti hawnhekk ukoll,
7 u Ġason laqagħhom bl-ospitalità. U dawn l-irġiel kollha qed jaġixxu kontra d-digrieti+ taʼ Ċesari, għax jgħidu li hemm sultan ieħor,+ Ġesù.”
8 B’dan il-kliem irnexxielhom ixewxu lill-folla u lill-ħakkiema tal-belt;
9 u dawn, wara li ħadu biżżejjed flus mingħand Ġason u l-oħrajn biex jagħmlu tajjeb għalihom, ħallewhom imorru.
10 Minnufih, bil-lejl,+ l-aħwa bagħtu lil Pawlu u lil Sila lejn Berea u, malli waslu, dawn daħlu fis-sinagoga tal-Lhud.
11 Issa dawn il-Lhud kellhom moħħ nobbli iktar minn dawk f’Tessalonika, għax laqgħu l-kelma bl-akbar ħeġġa u kienu jeżaminaw bir-reqqa+ l-Iskrittura+ kuljum biex jaraw jekk dak li semgħu kienx minnu.+
12 Għalhekk, ħafna minnhom emmnu, u għadd ġmielu taʼ Griegi, nisa rispettabbli+ u rġiel, emmnu wkoll.
13 Imma meta l-Lhud f’Tessalonika saru jafu li l-kelma t’Alla kienet qed tixxandar minn Pawlu f’Berea wkoll, marru hemmhekk biex ixewxu+ u jħawdu+ lill-folol.
14 Minnufih l-aħwa bagħtu lil Pawlu lejn id-direzzjoni tal-baħar;+ imma Sila u Timotju baqgħu hemmhekk.
15 Imbagħad dawk li kienu qed jakkumpanjaw lil Pawlu wassluh sa Ateni u telqu, wara li tahom ordni għal Sila u Timotju+ biex jiġu ħdejh malajr kemm jistaʼ jkun.
16 Issa waqt li Pawlu kien qed jistenniehom Ateni, l-ispirtu tiegħu beda jitbaqbaq+ fih meta ra li l-belt kienet mimlija idoli.
17 Għaldaqstant beda jirraġuna fis-sinagoga mal-Lhud+ u man-nies l-oħrajn li kienu jqimu lil Alla, u fis-suq kuljum+ maʼ dawk li kienu jinzertaw hemmhekk.
18 Imma xi wħud mill-filosfi+ Epikurin u Stojċi bdew jitkellmu u jargumentaw miegħu, u xi wħud kienu jgħidu: “Xi jrid jgħid dan il-lablabi?”+ Oħrajn: “Donnu qed ixandar allat barranin.” Dan għaliex kien qed ixandar l-aħbar tajba dwar Ġesù u l-irxoxt.+
19 Għalhekk, qabduh u ħaduh l-Arjopagu* u qalulu: “Nistgħu nkunu nafu x’inhu dan it-tagħlim ġdid+ li qed titkellem dwaru?
20 Għax int qed tintroduċi affarijiet strambi għal widnejna. Għalhekk, nixtiequ nkunu nafu x’inhuma dawn l-affarijiet.”+
21 Fil-fatt, in-nies kollha t’Ateni u l-barranin li kienu jżuruha f’xejn ma kienu jqattgħu l-ħin liberu tagħhom għajr li jgħidu jew jisimgħu xi ħaġa ġdida.
22 Issa Pawlu waqaf f’nofs l-Arjopagu+ u qal:
“Irġiel t’Ateni, qed nara li intom f’kollox tidhru iktar devoti lejn l-allat+ minn nies oħrajn.
23 Per eżempju, jien u għaddej osservajt bir-reqqa l-oġġetti taʼ qima tagħkom u sibt ukoll artal li fuqu kien hemm minqux ‘Lil Alla Mhux Magħruf.’ Għalhekk, lil dak li bla ma tafu qed tagħtuh devozzjoni, lil dan qed inxandrilkom.
24 L-Alla li għamel id-dinja u kulma fiha, peress li Hu l-Mulej tas-sema u l-art,+ ma jgħammarx f’tempji magħmulin bl-idejn,+
25 lanqas m’hu moqdi minn idejn il-bnedmin bħallikieku jeħtieġ xi ħaġa,+ għax hu stess jagħti lil kulħadd il-ħajja+ u n-nifs+ u kollox.
26 U minn raġel wieħed+ għamel il-ġnus+ kollha tal-bnedmin, biex jgħammru fuq il-wiċċ kollu taʼ l-art,+ u b’digriet ordna ż-żminijiet stabbiliti+ u l-limiti fissi fejn jgħammru l-bnedmin,+
27 biex huma jfittxu ’l Alla,+ jekk iteftfu fid-dlam għalih u jirnexxilhom isibuh,+ għalkemm, fil-fatt, m’huwiex ’il bogħod minn kull wieħed minna.
28 Għax bih ngħixu u niċċaqalqu u neżistu,+ saħansitra bħalma qalu wħud mill-poeti+ fostkom, ‘Għax aħna wkoll uliedu.’
29 “Għalhekk, ladarba aħna wlied Alla,+ m’għandniex nimmaġinaw li d-Divin+ hu bħad-deheb jew il-fidda jew il-ġebel, bħal xi ħaġa skolpita bl-arti u bl-invenzjoni tal-bniedem.+
30 Veru, Alla għalaq għajnejh għal żminijiet taʼ injoranza bħal din,+ iżda issa qed jgħid lill-bnedmin kullimkien li għandhom jindmu lkoll.+
31 Għax hu stabbilixxa jum li fih bi ħsiebu jiġġudika+ l-art abitata fis-sewwa permezz taʼ bniedem li ħatar, u ta garanzija lill-bnedmin kollha billi rxoxtah+ mill-imwiet.”
32 Meta semgħu dwar l-irxoxt tal-mejtin, xi wħud bdew jiżżuffjettaw,+ waqt li oħrajn qalu: “Dwar dan nisimgħuk darb’oħra.”
33 B’hekk, Pawlu ħareġ minn ġo nofshom,
34 imma xi rġiel ngħaqdu miegħu u emmnu, u fosthom kien hemm ukoll Dijonisju, imħallef tal-qorti taʼ l-Arjopagu,+ u mara li kien jisimha Damari, u oħrajn magħhom.
Noti taʼ taħt
^ Għolja f’Ateni tal-qedem, fejn kienet ukoll tiltaqaʼ l-qorti suprema.

