Policy globali tal-protezzjoni tad-data tax-Xhieda taʼ Ġeħova
L-organizzazzjoni reliġjuża dinjija tax-Xhieda taʼ Ġeħova (“organizzazzjoni reliġjuża”) tirrispetta d-drittijiet tal-individwi f’dik li hi privatezza u l-protezzjoni tad-data persunali. L-organizzazzjoni reliġjuża tirrikonoxxi l-bżonn li jkun hemm komunikazzjoni bil-miftuħ u sinċiera u ġbir taʼ data persunali u data persunali sensittiva sabiex tkun tistaʼ tamministra l-bżonnijiet taʼ Xhieda taʼ Ġeħova individwali u biex twettaq l-attività reliġjuża u filantropika. Mill-banda l-oħra, tirrikonoxxi wkoll il-bżonn li żżomm il-kunfidenzjalità u li tagħmel ċert li l-informazzjoni hi protetta b’mod xieraq. (Proverbji 15:22; 25:9) Aħna ngħożżu ferm il-kunfidenzjalità.—Proverbji 20:19.
Diversi pajjiżi għamlu liġijiet dwar il-protezzjoni tad-data biex jaċċertaw id-drittijiet tal-privatezza tal-individwu. L-organizzazzjoni reliġjuża, inkluż l-uffiċċji tal-fergħa lokali, ilha magħrufa bħala li tirrispetta d-drittijiet tal-privatezza u li żżomm il-kunfidenzjalità, anki qabel ma daħlu fis-seħħ il-liġijiet dwar il-protezzjoni tad-data. L-organizzazzjoni reliġjuża se tkompli tipproteġi l-informazzjoni li tingħatalha fi qbil mal-prattika li ilha ssegwi.
Il-prinċipji tal-protezzjoni tad-data. L-organizzazzjoni reliġjuża tuża d-data persunali kollha fi qbil mal-prinċipji li ġejjin:
Id-data persunali se tiġi proċessata b’mod ġust u skont il-liġi.
Id-data persunali se tinġabar, tiġi proċessata, u użata biss skont dak li hu neċessarju biex twettaq l-iskopijiet reliġjużi u filantropiċi tal-organizzazzjoni reliġjuża.
Id-data persunali se tkun eżatta u tinżamm aġġornata. Jekk l-organizzazzjoni reliġjuża ssir konxja li jkun sar xi żball, din se tirranġah malajr kemm jistaʼ jkun.
Id-data persunali se tinżamm biss sakemm ikun hemm bżonnha għal skop(ijet) leġittimu tal-organizzazzjoni reliġjuża.
Se tingħata konsiderazzjoni xierqa biex id-drittijiet tad-data tal-individwi jiġu rispettati.
Se jittieħdu miżuri tekniċi u organizzazzjonali biex id-data persunali ma ssirx disponibbli lil persuni mhux awtorizzati jew b’mod mhux legali. Il-kompjuters kollha li fihom tinżamm id-data persunali huma protetti b’password li l-persuni awtorizzati biss jafuha. L-uffiċċji jiġu msakkra wara l-ħinijiet tax-xogħol, u membri li huma awtorizzati biss jistgħu jidħlu.
Sakemm ma jkunx hemm bżonn li jitwettqu skopijiet reliġjużi u filantropiċi tal-organizzazzjoni reliġjuża, id-data persunali ma tiġix trasferita minn fergħa għal oħra. Ix-Xhieda taʼ Ġeħova kollha taw permess għal dan minħabba l-fatt li minn jeddhom u mingħajr ma sforzahom ħadd saru u qed jidentifikaw lilhom infushom bħala Xhieda taʼ Ġeħova.
L-użu tad-data persunali li tissemma fil-ktieb Organizzati biex nagħmlu r-rieda taʼ Ġeħova, li jingħata lix-Xhieda taʼ Ġeħova kollha meta jsiru pubblikaturi, jintuża skont dawn il-prinċipji tal-protezzjoni tad-data. Għal iktar informazzjoni, ara l-ktieb Organizzati biex nagħmlu r-rieda taʼ Ġeħova.
Id-dritt taʼ individwu għall-protezzjoni tad-data persunali u tad-data persunali sensittiva u d-dritt li tiġi kkoreġuta u mħassra d-data persunali u d-data persunali sensittiva jingħata skont il-prattika tax-Xhieda taʼ Ġeħova li tidher fil-Policy globali dwar l-użu taʼ data persunali taħt is-sottitlu Id-drittijiet tiegħek.
Dan il-Policy globali tal-protezzjoni tad-data tax-Xhieda taʼ Ġeħova jispjega l-bażi dwar kif ix-Xhieda taʼ Ġeħova mad-dinja kollha jużaw id-data persunali.

