Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Tgħallem mill-​Kelma t’Alla

Min Hu Ġesù Kristu?

Min Hu Ġesù Kristu?

Dan l-​artiklu jqajjem mistoqsijiet li forsi ġieli staqsejt u juri fejn tistaʼ ssib it-​tweġibiet fil-​Bibbja tiegħek. Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jieħdu pjaċir jiddiskutu dawn it-​tweġibiet miegħek.

1. Min hu Ġesù Kristu?

Għall-​kuntrarju taʼ kwalunkwe uman ieħor, Ġesù għex fis-​sema bħala persuna spirtu qabel ma twieled fuq l-​art. (Ġwanni 8:23) Hu kien l-​ewwel ħolqien t’Alla, u għen fil-​ħolqien tal-​affarijiet l-​oħrajn kollha. Hu l-​uniku wieħed maħluq direttament minn Ġeħova, u b’hekk jissejjaħ l-​Iben “uniġenitu” t’Alla. Ġesù qeda bħala l-​Kelliemi t’Alla, u għalhekk hu jissejjaħ ukoll “il-​Kelma.”—Ġwanni 1:1-​3, 14; aqra Proverbji 8:22, 23, 30; Kolossin 1:15, 16.

2. Ġesù għala ġie fuq l-​art?

Alla bagħat lil Ibnu fuq l-​art billi ttrasferixxa lil ħajtu mis-​sema għal ġol-​ġuf taʼ verġni Lhudija jisimha Marija. Għalhekk, Ġesù ma kellux missier uman. (Luqa 1:30-​35) Ġesù ġie fuq l-​art (1) biex jgħallem il-​verità dwar Alla, (2) biex iħalli eżempju f’li jagħmel ir-​rieda t’Alla, u (3) biex jagħti l-​ħajja perfetta tiegħu bħala “fidwa.”—Aqra Mattew 20:28; Ġwanni 18:37.

3. Għala għandna bżonn fidwa?

Fidwa hi prezz imħallas biex jeħles persuna mill-​jasar. Il-​mewt u x-​xjuħija ma kinux parti mill-​iskop oriġinali t’Alla għall-​umanità. Kif nafuh dan? Alla qal lill-​ewwel bniedem, Adam, li jekk hu jagħmel dak li l-​Bibbja ssejjaħlu dnub, kien se jmut. Kieku Adam ma dinibx, qatt ma kien imut. Avolja l-​ħajja t’Adam ma spiċċatx sa sekli wara, hu beda jmut minn dakinhar li m’obdiex lil Alla. (Ġenesi 2:16, 17; 5:5) Adam għadda lid-​dixxendenti tiegħu kollha d-​dnub u l-​piena tiegħu, il-​mewt. B’hekk, id-​dnub “daħal” fid-​dinja tal-​umanità permezz t’Adam. Din hi r-​raġuni għala għandna bżonn fidwa.—Aqra Rumani 5:12; 6:23.

4. Ġesù għala miet?

Min setaʼ jħallas il-​fidwa biex jeħlisna mill-​mewt? Meta mmutu, inħallsu biss il-​piena tad-​dnubiet tagħna stess. Ebda bniedem imperfett ma jistaʼ jħallas għad-​dnubiet t’oħrajn.—Aqra Salm 49:7-​9.

Peress li Ġesù ma kellux missier uman ma wiritx l-​imperfezzjoni, u għalhekk ma mietx minħabba d-​dnubiet tiegħu stess imma minħabba d-​dnubiet t’oħrajn. Alla bagħat lil Ibnu biex imut għalina bħala espressjoni tal-​imħabba straordinarja Tiegħu għall-​umanità. Anki Ġesù wera mħabba għalina billi obda lil Missieru u ta ħajtu għad-​dnubiet tagħna.—Aqra Ġwanni 3:16; Rumani 5:18, 19.

5. Ġesù x’qiegħed jagħmel issa?

Billi fejjaq lill-​morda, irxoxta lill-​mejtin, u salva lil nies li kienu fil-​periklu, Ġesù wera dak li eventwalment se jagħmel għall-​umanità ubbidjenti kollha. (Luqa 18:35-​42; Ġwanni 5:28, 29) Wara li Ġesù miet, Alla rxoxtah bħala persuna spirtu. (1 Pietru 3:18) Ġesù mbagħad stenna fuq il-​leminija t’Alla sakemm Ġeħova tah il-​qawwa biex jaħkem bħala Sultan fuq l-​art kollha. (Ebrej 10:12, 13) Ġesù issa qed jaħkem bħala Sultan fis-​sema, u s-​segwaċi tiegħu fuq l-​art qed iħabbru l-​aħbar tajba mad-​dinja kollha.—Aqra Danjel 7:13, 14; Mattew 24:14.

Ġesù dalwaqt se juża l-​qawwa tiegħu bħala Sultan biex itemm is-​sofferenza kollha u lil dawk li jikkaġunawha. Miljuni li jeżerċitaw il-​fidi f’Ġesù u jobduh se jgawdu ħajja f’Ġenna fuq l-​art.—Aqra Salm 37:9-​11.

Miljuni li jeżerċitaw il-​fidi f’Ġesù u jobduh se jgawdu ħajja f’Ġenna fuq l-​art