IT-TORRI TAL-GĦASSA—EDIZZJONI GĦALL-ISTUDJU

X’Tiftakar?

Malti
X’Tiftakar?
/assets/ct/fa815d8e9f/images/syn_placeholder_sqr.png
w05 4/15 p. 30

X’Tiftakar?

X’Tiftakar?

Ħadt gost taqra l-​ħarġiet reċenti tat-​Torri taʼ l-​Għassa? Mela, ara jekk tistax twieġeb dawn il-​mistoqsijiet li ġejjin:

Għala ntgħażlet il-​25 taʼ Diċembru bħala d-​data għaċ-​ċelebrazzjoni tat-​twelid taʼ Ġesù?

Il-​Kelma t’Alla ma tagħti l-​ebda data għat-​twelid taʼ Ġesù. L-​Enciclopedia Hispánica tagħmel dan il-​kumment: “Il-​Milied jiġi ċelebrat fil-​25 taʼ Diċembru mhux minħabba li qed jinżamm anniversarju kronoloġiku eżatt imma, minflok, minħabba li l-​festi tas-​solstizju tax-​xitwa li kienu jiġu ċelebrati f’Ruma ġew Kristjanizzati.” Ir-​Rumani tal-​qedem kienu jiċċelebraw it-​tlugħ tax-​xemx fis-​sema xitwi bil-​briju, it-​tbahrid, u l-​għoti tar-​rigali.​—12/15, paġni 4-5.

• Ifisser Atti 7:59 li Stiefnu talab lil Ġesù?

Le. Il-​Bibbja turi li t-​talb għandu jkun dirett biss lil Alla Ġeħova. Peress li fil-​viżjoni ra lil Ġesù rxoxtat, milli jidher Stiefnu ħassu liberu jappella direttament lilu, billi qal: “Mulej Ġesù, ilqaʼ l-​ispirtu tiegħi.” Stiefnu kien jaf li Ġesù ngħata l-​awtorità biex iqajjem lill-​mejtin. (Ġwanni 5:​27-29) Allura Stiefnu talab lil Ġesù biex jiħodlu ħsieb il-​forza tal-​ħajja tiegħu sa l-​irxoxt.​—1/1, paġna 31.

• Kif nafu li d-​destin taʼ persuna ma jiġix determinat minn qabel?

Alla ta lill-​bniedem il-​libertà taʼ l-​għażla, u din ma tħallix wisaʼ għall-​predestinazzjoni. Ġeħova ma kienx ikun ġust u jħobb kieku ddetermina minn qabel dak li konna se nagħmlu u mbagħad iżommna responsabbli għall-​azzjonijiet tagħna. (Dewteronomju 32:4; 1 Ġwanni 4:8)​—1/15, paġni 4-5.

• Għala wieħed ma jkunx modest jekk jgħid li l-​mirakli huma impossibbli?

Billi jagħrfu li ma jafux kollox dwar l-​għeġubijiet xjentifiċi fil-​ħolqien t’Alla, xi xjenzati jammettu li m’għadhomx jistgħu jgħidu b’ċertezza li xi ħaġa hi impossibbli. L-​iktar li lesti jgħidu hu li m’hijiex probabbli.​—2/15, paġni 5-6.

• L-Imħallef Sansun għala qal lill-​ġenituri tiegħu li ried mara mill-​bniet tal-​Filistin? (Mħallfin 14:2)

Kien kontra l-​liġi t’Alla li wieħed jiżżewweġ aduratur falz. (Eżodu 34:​11-16) Madankollu, il-​mara Filistea kienet ‘togħġbu’ lil Sansun. Sansun “kien qiegħed ifittex” opportunità biex “jeħodha mal-​Filistin,” u l-​mara kienet togħġbu għal dan l-​iskop. Alla appoġġa lil Sansun permezz taʼ l-​ispirtu Tiegħu. (Mħallfin 13:25; 14:​3, 4, 6)​—3/15, paġna 26.

• Għandu Kristjan jagħti tipp jew xi tip taʼ rigal lil impjegat tal-​gvern għas-​servizzi tiegħu?

Huwa ħażin li xxaħħam uffiċjal, li tagħtih xi ħaġa taʼ valur sabiex jagħmel xi ħaġa illegali, ma jobdix il-​liġi, jew jittrattak bil-​preferenzi. Imma ma tkunx qed ixxaħħam jekk tagħti tipp jew rigal lil uffiċjal pubbliku meta jagħmel dmiru jew biex tikseb servizz leġittimu jew tevita li tiġi trattat b’mod inġust.​—4/1, paġna 29.