Malti
Spanja tkeċċi lill-Mori
https://cms-imgp.jw-cdn.org/img/p/102014327/univ/art/102014327_univ_sqr_xl.jpg
g 9/14 pp. 14-15

TITWILA LEJN IL-PASSAT

Spanja tkeċċi lill-Mori

Spanja tkeċċi lill-Mori

Jingħad li kważi kull pass li ttieħed mill-​Ispanjoli f’din l-​istorja taʼ niket kien influwenzat mill-​knisja. Hija storja taʼ min jaqraha.

IR-​RE u r-​reġina Spanjola riedu li l-​pajjiż kollu jkun Kristjan taħt liġi waħda. Il-​Mori kienu kkunsidrati pagani, u għaldaqstant il-​preżenza tagħhom kienet meqjusa bħala offiża kbira f’għajnejn Alla. Wara ħafna snin, ittieħdet deċiżjoni. X’kienet? Li jitkeċċew! a

SFORZATI BIEX JIKKONVERTU

Għal mijiet taʼ snin, il-​Musulmani fi Spanja għexu xi ftit jew wisq fil-​paċi fi nħawi li kienu f’idejn il-​Kattoliċi. Għal xi żmien, f’xi postijiet gawdew id-​dritt legali li jżommu mal-​liġijiet u d-​drawwiet tagħhom, u kif ukoll li jipprattikaw ir-​reliġjon tagħhom stess.

Imma fl-​1492, ir-​Re Ferdinand II u r-​Reġina Isabella li kienu Kattoliċi rebħu lil Granada, l-​aħħar parti minn Spanja li kienet għadha f’idejn il-​Musulmani. Il-​Musulmani t’hemm ċedew bil-​kundizzjoni li jkollhom drittijiet simili għal dawk taʼ Musulmani oħrajn fi Spanja. Madankollu, il-​mexxejja Kattoliċi ma damux ma bdew jippersegwitaw iktar lill-​Musulmani f’pajjiżhom u bdew jagħmlulhom iktar pressjoni biex jikkonvertu. Peress li l-​Ispanjoli ma żammewx kelmithom, il-​Musulmani fl-​1499 qajmu rewwixta. Truppi tal-​gvern waqqfu r-​rewwixta, imma mbagħad il-​Musulmani f’akkwata wara oħra kellhom jikkonvertu jew jemigraw.

“LA KIENU KRISTJANI TAJBIN U LANQAS ĊITTADINI LEALI”

Sal-​1526, l-​Iżlam kien ipprojbit ġo Spanja kollha, imma ħafna Mori komplew jipprattikaw ir-​reliġjon tagħhom bil-​moħbi. Il-​maġġoranza tagħhom baqgħu bil-​kultura tagħhom.

Għall-​ewwel, l-​Ispanjoli għalqu għajn waħda għall-​fatt li l-​Mori kienu saru Kattoliċi tal-​isem biss. Wara kollox, kienu jħallsu t-​taxxa u kienu jagħmlu xogħol bżonjuż. Xi wħud kienu artiġjani u rġiel tas-​sengħa. Xorta waħda, minħabba l-​fatt li l-​Mori baqgħu bil-​kultura tagħhom, kellhom isofru diskriminazzjoni kemm mill-​gvern u kemm mill-​poplu. Il-​preġudizzju forsi żdied minħabba li l-​knisja ħasbet li ma kinux Kattoliċi ġenwini.

It-​tolleranza malajr inbidlet f’persekuzzjoni. Fl-​1567, ir-​Re Filippu II ppubblika d-​deċiżjoni tiegħu li ma kinitx tippermetti l-​lingwa, l-​ilbies, id-​drawwiet, u t-​tradizzjonijiet tal-​Mori. Din l-​azzjoni qanqlet ribelljoni ġdida u qtil.

Huwa kkalkulat li madwar 300,000 Moru kienu sforzati jitilqu minn Spanja, u b’hekk batew ħafna

Il-​ħakkiema Spanjoli, skont uħud li studjaw l-​istorja, saru konvinti li l-​“Mori la kienu Kristjani tajbin u lanqas ċittadini leali.” Għal din ir-​raġuni kienu akkużati li qed jaħdmu minn taħt mal-​għedewwa taʼ Spanja (il-​pirati tal-​kosta tal-​Afrika taʼ Fuq, il-​Protestanti Franċiżi, u t-​Torok) biex jinvadu lil Spanja. Kien hemm preġudizzju kontra l-​Mori u biżaʼ li eventwalment kienu se jittradixxu lil Spanja. Dan wassal biex Filippu III jiddeċiedi li jkeċċihom fl-​1609. b Fis-​snin taʼ wara, dawk suspettati li kienu Mori kienu jiġu ppersegwitati. Il-​mod kif Spanja saret kollha Kattolika hu tal-​mistħija.

a F’dan l-​artiklu, meta nirreferu għall-​Mori, inkunu qegħdin nitkellmu dwar nies li kienu Musulmani u li saru Kattoliċi fi Spanja u l-​Portugall wara l-​waqgħa tal-​aħħar renju Musulman t’hemmhekk fl-​1492.

b Xi studjużi tal-​istorja jaħsbu wkoll li minn tal-​inqas wieħed mill-​ħakkiema Spanjoli sar iktar sinjur billi ħataf taħt idejh l-​artijiet tal-​Mori.