Id-dijabete—Tista’ tnaqqas ir-riskju?

Id-dijabete—Tista’ tnaqqas ir-riskju?

IL-FREKWENZA tad-​dijabete mellitus tant qed tiżdied b’rata mgħaġġla li nfirxet mad-​dinja kollha. Hemm żewġ tipi ewlenin taʼ dijabete. It-​tip 1 jeffettwa l-​iktar lit-​tfal żgħar, u t-​tobba s’issa ma jafux kif jistaʼ jiġi evitat. Dan l-​artiklu huwa dwar it-​tip 2, li jeffettwa lil xi 90 fil-​mija minn dawk li jbatu bid-​dijabete.

Filwaqt li fil-​passat kien meqjus li d-​dijabete tat-​tip 2 teffettwa lill-​adulti biss, reċentement qed teffettwa wkoll lit-​tfal. Madankollu, l-​esperti jsostnu li r-​riskju tad-​dijabete tat-​tip 2 jistaʼ jitnaqqas. Ftit għarfien dwar din il-​marda li tiġi fuqek mingħajr ma tinduna jistaʼ jkun t’għajnuna għalik. a

X’inhi d-​dijabete?

Id-​dijabete hija kundizzjoni li ġġiegħel lil dak li jkun ikollu livell taz-​zokkor fid-​demm għoli ħafna. Il-​marda tħawwad il-​proċess normali taʼ fejn jgħaddi z-​zokkor mid-​demm għal ġoċ-​ċelluli li jkollhom bżonn iz-​zokkor għall-​enerġija. Dan iħassar l-​organi vitali u ma jħallix iċ-​ċirkulazzjoni tad-​demm taħdem sew. Kultant dan iwassal biex persuna titlef id-​dawl tal-​għajnejn, timrad bil-​kliewi, u saħansitra jkun hemm bżonn li jinqatgħalha xi subaʼ jew sieq. Ħafna pazjenti li jbatu bid-​dijabete jmutu b’attakk tal-​qalb jew puplesija.

Xaħam żejjed fil-​ġisem jistaʼ jkun fattur prinċipali biex ikollok id-​dijabete tat-​tip 2. Esperti jemmnu li x-​xaħam li jakkumula fiż-​żaqq u mal-​qadd jistaʼ jindika riskju ikbar taʼ dijabete. Biex inkunu iktar speċifiċi, il-​ħxuna fil-​pankreas u fil-​fwied milli jidher tfixkel il-​mod kif il-​ġisem jirregola z-​zokkor fid-​demm. X’tistaʼ tagħmel biex tnaqqas ir-​riskju?

Tliet affarijiet li jistgħu jnaqqsu r-​riskju tad-​dijabete

1. Iċċekkja l-​livell taz-​zokkor fid-​demm jekk għandek riskju akbar. Marda medika magħrufa ħafna bħala prediabetes—kundizzjoni meta l-​livell taz-​zokkor fid-​demm ikun ftit iktar għoli min-​normal—spiss taqbad lil dak li jkun qabel ma jibda jbati bid-​dijabete tat-​tip 2. Iż-​żewġ kundizzjonijiet mhumiex tajbin għas-​saħħa, imma hemm differenza: Għalkemm id-​dijabete tistaʼ tkun ikkontrollata, ma tistax titfejjaq. Mill-​banda l-​oħra, xi wħud li jbatu bil-​prediabetes irnexxielhom iniżżlu l-​livell taz-​zokkor għan-​normal. Il-​prediabetes jistaʼ ma jkollhiex sintomi ovvji. Għaldaqstant, din il-​kundizzjoni tistaʼ ma tindunax biha. Skont xi rapporti, madwar 316-​il miljun ruħ madwar id-​dinja għandhom il-​prediabetes; imma ħafna minnhom ma jindunawx. Biss biss, fl-​Istati Uniti, xi 90 fil-​mija taʼ dawk li jbatu bil-​prediabetes ma jirrealizzawx li għandhom din il-​marda.

Madankollu, il-​prediabetes xorta tagħmel il-​ħsara. Apparti li twassal għad-​dijabete tat-​tip 2, dan l-​aħħar ġiet assoċjata maż-​żieda fir-​riskju tad-​dimenzja. Jekk ikollok piż żejjed, ma tkunx attiv fiżikament, jew hija fil-​familja li tbatu bid-​dijabete, jistaʼ jkun li diġà jkollok il-​prediabetes. Tistaʼ tiċċekkja dan billi tagħmel test tad-​demm.

2. Agħżel ikel bnin. Forsi tistaʼ tibbenefika jekk tagħmel dan li ġej kull meta jkun possibbli u prattiku: Kul porzjonijiet iżgħar mis-​soltu. Minflok tixrob juice tal-​frott biz-​zokkor u soft drinks, ibda ixrob ilma, te, jew kafè. Kul ħobż, ross, u għaġin integrali—b’moderazzjoni—minflok ikel proċessat. Kul laħam bi ftit xaħam, ħut, ġewż, u fażola.

3. Ibqaʼ attiv fiżikament. L-​eżerċizzju jistaʼ jniżżillek il-​livell taz-​zokkor fid-​demm u jgħinek iżżomm piż tajjeb. Espert jissuġġerixxi biex tnaqqas il-​ħin milli tara t-​televixin u minflok tagħmel ħin għall-​eżerċizzju.

Ma tistax tbiddel il-​ġenetika tiegħek, imma tistaʼ tbiddel l-​istil taʼ ħajtek. Ikun taʼ ġid għalina meta nagħmlu l-​aħjar li nistgħu għas-​saħħa tagħna stess.

a Stenbaħ! ma japprovax xi dieta jew rutina t’eżerċizzju partikulari. Kull individwu għandu jiżen bir-​reqqa l-​għażliet tiegħu u jikkonsulta maʼ tabib skont il-​bżonn qabel jieħu deċiżjoni relatata mas-​saħħa.