Jien Min Jien?
IŻ-ŻGĦAŻAGĦ JISTAQSU
Michael jara lil Brad riesaq lejh, u qed jibżaʼ minn dak li se jiġri dalwaqt. “Haw, Mike, ipprova dan!” jgħid Brad. Brad jiftaħ idu, u Michael jara eżattament dak li kien qed jistenna li jara—sigarett tal-marijuana. Hu ma jridx jaċċettah, imma lanqas irid jaqaʼ għaċ-ċajt. “Ħares,” jgħid Michael bla ħeġġa, “forsi jkun darb’oħra. . . . Orrajt?”
Jessica tara lil Brad riesaq lejha, u hi lesta għal dak li se jiġri dalwaqt. “Haw, Jess, ipprova dan!” jgħid Brad. Brad jiftaħ idu, u Jessica tara eżattament dak li kienet qed tistenna li tara—sigarett tal-marijuana. “Le grazzi,” tgħid Jessica b’mod kunfidenti. “Nixtieq nibqaʼ ngħix għax għandi pjanijiet għall-futur. U fuq kollox, Brad, . . . ħsibt li jilħaqlek iktar minn hekk biex tpejjep!”
FIS-sitwazzjonijiet t’hawn fuq, Jessica għala setgħet tirreżisti l-pressjoni aħjar? Għax hi għandha xi ħaġa li Michael m’għandux. Taf x’inhi? Identità. Le, mhux karta b’isem u ritratt fuqha. Identità hi sens ġewwieni li jgħidlek min int u x’temmen. Preparat b’dak l-għarfien, għandek l-abbiltà li tirrifjuta t-tentazzjonijiet biex tagħmel il-ħażen—li tikkontrolla lil ħajtek minflok ma tħalli lil oħrajn jikkontrollawha għalik. Kif tistaʼ tiżviluppa fiduċja bħal din? Tagħmel tajjeb jekk tibda billi twieġeb il-mistoqsijiet li ġejjin.
1 X’INHUMA L-KAPAĊITAJIET TIEGĦI?
Għala hu importanti: Li tkun taf l-abbiltajiet u l-karatteristiki pożittivi tiegħek se jkabbar il-fiduċja tiegħek fik innifsek.
Ikkunsidra: Kulħadd għandu għotjiet differenti. Pereżempju, xi nies għandhom talent fl-arti jew fil-mużika, waqt li oħrajn huma tajbin fl-isports. Raquel tinqalaʼ biex issewwi l-karozzi. a Hi tgħid: “Meta kelli madwar 15-il sena, indunajt li ridt insir mekkanik.”
Eżempju Bibliku: L-appostlu Pawlu kiteb: “Anki jekk m’iniex kapaċi nitkellem, żgur li kapaċi fl-għarfien.” (2 Korintin 11:6) Bil-fehma tiegħu tal-Iskrittura, Pawlu kien kapaċi jibqaʼ sod meta oħrajn sfidawh. Ma ħalliex l-attitudni negattiva tagħhom iġġiegħlu jċedi.—2 Korintin 10:10; 11:5.
Analizza lilek innifsek. Hawn taħt ikteb talent jew abbiltà li għandek.
․․․․․
Issa ddeskrivi kwalità tajba li għandek. (Pereżempju,
jimpurtak minn oħrajn? int ġeneruż? taʼ min jafdak? puntwali?)․․․․․
“Jien nipprova ngħin lin-nies. Jekk xi ħadd ikollu bżonn jitkellem u jkolli x’nagħmel, nieqaf minn dak li nkun qed nagħmel u nagħtih widen.”—Brianne.
Jekk ma tistax tidentifika kwalità tajba, aħseb f’mod wieħed li fih immaturajt minn mindu kont tifel, u iktbu hawn taħt.—Għal eżempji, ara l-kaxxa “Dak li Jgħidu Dawk Tamparek.”
․․․․․
2 X’INHUMA D-DGĦUFIJIET TIEGĦI?
Għala hu importanti: Sewwasew bħalma katina ma tibqax b’saħħitha jekk ikollha xi ħolqa difettuża, l-identità tiegħek malajr tistaʼ tinbidel għall-agħar jekk tħalli d-dgħufijiet tiegħek jikkontrollawlek ħajtek.
Ikkunsidra: Ħadd mhu perfett. (Rumani 3:23) Kulħadd għandu xi karatteristika li jixtieq ibiddel. “Għala nħalli affarijiet bla sens jeffettwawni?” tistaqsi tfajla jisimha Seija. “Anki affarijiet żgħar jirrabjawni, u f’daqqa waħda ma nibqax nikkontrolla l-emozzjonijiet tiegħi!”
Eżempju Bibliku: Pawlu kien konxju tad-dgħufijiet tiegħu. Hu kiteb: “Jien tassew nitgħaxxaq bil-liġi t’Alla skond il-bniedem li jien minn ġewwa, imma fil-membri taʼ ġismi nara liġi oħra tiġġieled kontra l-liġi taʼ moħħi u tjassarni għal-liġi tad-dnub.”—Rumani 7:22, 23.
Analizza lilek innifsek. Liema dgħufija għandek bżonn titgħallem tikkontrolla?
․․․․․
“Innotajt li wara li nkun rajt films romantiċi, jaqbduni ftit dwejjaq u nkun nixtieq insib lil xi ħadd li nħobb. Allura issa naf li għandi noqgħod attenta għal dan it-tip taʼ divertiment.”—Bridget.
3 X’INHUMA L-MIRI TIEGĦI?
Għala hu importanti: Meta jkollok miri, ħajtek ikollha direzzjoni u skop. Int x’aktarx ukoll li tevita nies u sitwazzjonijiet li jistgħu jfixkluk milli twettaq dak li tkun iddeċidejt li tagħmel.
Ikkunsidra: Sejjer int tirkeb taxi u tgħid lis-sewwieq biex jibqaʼ jdur madwar il-blokk sakemm il-karozza tiegħu jispiċċalha l-petrol? Mhux biss tkun bluha, imma tiġik spiża wkoll! Il-miri jgħinuk tirnexxi fil-ħajja. Ikollok destinazzjoni f’moħħok u pjan kif tasal hemmhekk.
Eżempju Bibliku: Pawlu kiteb: “M’iniex niġri b’mod inċert.” (1 Korintin 9:26) Minflok ma ntelaq mal-kurrent, Pawlu għamel miri u mbagħad għex fi qbil magħhom.—Filippin 3:12-14.
Analizza lilek innifsek. Hawn taħt ikteb tliet miri li tixtieq tilħaq fi żmien sena.
1 ․․․․․
2 ․․․․․
3 ․․․․․
Issa minnhom għażel l-iktar mira importanti għalik, u hawn taħt ikteb x’tistaʼ tagħmel issa biex tibda tilħaqha.
․․․․․
“Jekk ma nkunx il-ħin kollu attiv, nispiċċa ma nagħmel xejn. Hu aħjar li jkollok miri u tipprova tilħaqhom.”—José.
4 X’INHUMA L-PRINĊIPJI TIEGĦI?
Għala hu importanti: Mingħajr prinċipji ma tkunx konsistenti. Bħal kamaleont, se tbiddel il-kulur biex taqbel maʼ dawk tamparek—sinjal ċert li m’għandekx identità tiegħek stess.
Ikkunsidra: Il-Bibbja tħeġġeġ lill-Kristjani biex ‘jagħtu prova lilhom infushom dwar x’inhi r-rieda tajba u aċċettabbli u perfetta t’Alla.’ (Rumani 12:2) Meta l-azzjonijiet tiegħek ikunu bbażati fuq il-prinċipji tiegħek, int mhux se ċċedi—jagħmlu x’jagħmlu l-oħrajn.
Eżempju Bibliku: Waqt li kien adoloxxent, il-profeta Danjel “kien deċiż f’qalbu” li kien se josserva l-liġijiet t’Alla, avolja kien separat minn familtu u mill-aduraturi sħabu. (Danjel 1:8) Billi għamel hekk, hu ma ċediex. Danjel għex fi qbil mal-prinċipji tiegħu.
Analizza lilek innifsek. X’inhuma l-prinċipji tiegħek? Pereżempju:
● Temmen f’Alla? Jekk iva, għala? Liema evidenza tikkonvinċik mill-eżistenza tiegħu?
● Temmen int li l-livelli morali t’Alla huma għall-ġid tiegħek? Jekk iva, għala? Pereżempju, x’jikkonvinċik li jekk tobdi l-liġijiet t’Alla rigward is-sess se tkun iktar ferħan milli jekk tgħix l-istil taʼ ħajja “libera” bħal dawk tamparek?
Dawn mhumiex mistoqsijiet li għandek twiġibhom malajr malajr. Ħu l-ħin biex tikkunsidra r-raġunijiet għat-twemmin tiegħek. Billi tagħmel hekk, se tkun iktar kapaċi tiddefendih.—Proverbji 14:15; 1 Pietru 3:15.
“Fl-iskola, it-tfal jaqbdu miegħek meta ma tkunx ċert, u jien ma ridtx inkun inċerta dwar il-fidi tiegħi. Allura stinkajt biex niżviluppa raġunijiet ċari u sodi għat-twemmin tiegħi. Minflok ma għedt lin-nies, ‘Em, ma nistax nagħmel dan għax imur kontra r-reliġjon tiegħi,’ kienet iktar kwistjoni taʼ ‘jien ma naħsibx li hu sewwa.’ Dan kien it-twemmin tiegħi.”—Danielle.
Fl-aħħar mill-aħħar, int liema tippreferi tkun—werqa li taqaʼ u li tittajjar maʼ kull żiffa li tgħaddi jew siġra li tirreżisti saħansitra maltempati kbar? Saħħaħ l-identità tiegħek, u int tkun bħal dik is-siġra. U dan se jgħinek twieġeb il-mistoqsija, Jien min jien?
Iktar artikli mis-serje “Iż-Żgħażagħ Jistaqsu” jistgħu jinstabu fuq il-Websajt www.watchtower.org/ype
[Nota taʼ taħt]
a Xi ismijiet f’dan l-artiklu ġew mibdulin.
[Kaxxa/Stampi f’paġna 27]
DAK LI JGĦIDU DAWK TAMPAREK
“Hekk kif kbirt fl-età, tgħallimt niżen il-fatturi kollha qabel ma nieħu xi deċiżjoni, kbira jew żgħira, u nevita li ninvolvi ruħi f’affarijiet li jweġġgħu lil Alla.”
“Meta kont iżgħar, kont nassumi li kull min kien differenti minni kien stramb. Issa nħobb il-fatt li mhux kulħadd hu l-istess, u jinteressawni l-opinjonijiet t’oħrajn.”
[Stampi]
Jeremiah
Jennifer
[Kaxxa f’paġna 28]
GĦALA MA TISTAQSIX LILL-ĠENITURI TIEGĦEK?
Intom liema talenti taraw fija? Fuq liema karatteristiki taħsbu li għandi naħdem? Kif ikkonvinċejtu ruħkom mil-livelli t’Alla?
[Dijagramma f’paġna 26]
(Għall-informazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)
IL-KAPAĊITAJIET
ID-DGĦUFIJIET
IL-MIRI
IL-PRINĊIPJI
[Stampa f’paġna 28]
Meta jkollok identità soda, int tkun bħal siġra b’għeruq fil-fond li tistaʼ tirreżisti maltempati kbar