Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Għala Jien Daqshekk Irqiq?

Għala Jien Daqshekk Irqiq?

Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu . . .

Għala Jien Daqshekk Irqiq?

JUSTIN huwa tifel irqiq u f’saħħtu imma m’huwiex kuntent għalkollox bil-​figura tiegħu. “Qiegħed nipprova nitqawwa ftit,” hu jammetti. Minħabba f’hekk hu qed jiekol ħames ikliet kuljum, li jammontaw għal 4,000 kalorija. Madankollu, hu jrid li l-​piż li se jżid ikun muskoli. Hu jkompli jgħid: “F’ċerti ġranet jien u ħabib tiegħi nqumu kmieni u qabel ix-​xogħol immorru sal-​ġimm biex nittrennjaw.”

Vanessa wkoll hija rqiqa. Imma tistaʼ tgħid li hi kuntenta bil-​piż tagħha. “Meta kont iżgħar, it-​tfal kienu joqogħdu jinkuni u jgħajruni lasta taʼ xkupa,” tirrakkonta Vanessa. “Imma m’għadnix ninkwieta fuq hekk. Jien sempliċement naċċetta lili nnifsi kif jien.”

‘Aċċetta lilek innifsek kif int.’ Jinstemaʼ parir tajjeb kieku. Imma għandek mnejn issibha diffiċli biex tapplika dan il-​parir. Bħala adolexxent, int x’aktarx li tinsab fil-​“fjur taż-​żgħożija.” (1 Korintin 7:36, NW) L-​iktar perijodu mqalleb jinvolvi bidla mgħaġġla f’ġismek magħrufa bħala l-​pubertà. Matul il-​pubertà, jistaʼ jkun li partijiet minn ġismek jikbru b’rati differenti, u bidliet f’dirgħajk, riġlejk u wiċċek ikunu donnhom jidhru li m’humiex normali ħdejn il-​bqija taʼ ġismek. * Dan kollu jistaʼ jġagħlek tħossok stramb u ikrah. Imbagħad hemm il-​fatt li mhux iż-​żgħażagħ kollha jiżviluppaw bl-​istess rata. Mela jistaʼ jagħti l-​każ li filwaqt li xi wħud minn sħabek diġà ħadu l-​forma taʼ raġel jew taʼ mara, int għandek mnejn li għadek tidher xi ftit irqiq x’ħin tqabbel lilek innifsek magħhom.

Għalkemm intqal ħafna dwar żgħażagħ li jħossuhom ħoxnin iżżejjed, ħafna drabi ninsew li hemm ukoll żgħażagħ li jħossuhom irqaq iżżejjed. Dan jistaʼ jolqot b’mod partikulari lil żgħażagħ li jgħixu f’ċerti gruppi etniċi u f’ċerti pajjiżi fejn l-​irquqija ma tkunx meqjusa bħala sinjal taʼ sbuħija. F’postijiet bħal dawn, tfajla rqiqa tgħidx kemm jistgħu jaqbdu magħha sempliċement għax tkun “niexfa.”

Xi ngħidu għas-​subien? Skond ir-​riċerkatriċi Susan Bordo, “studji dwar id-​dehra tal-​ġisem li kienu saru qabel is-​snin tmenin kienu ssuġġerew li meta n-​nisa [kienu] jħarsu fil-​mera, huma ma kienu jaraw xejn ħlief difetti.” U l-​irġiel? Bordo tkompli tgħid: “L-​irġiel kienu jħarsu fil-​mera u jew jaraw dehra aċċettabbli jew saħansitra waħda aħjar milli kienet mixtieqa.” Imma f’dawn l-​aħħar snin, l-​affarijiet bdew jinbidlu. Bordo tinnota li kwart mill-​pazjenti li jagħmlu operazzjonijiet kosmetiċi huma rġiel. Hi tgħid li ż-​żjieda fl-​interess li qed juru l-​ġuvintur dan l-​aħħar lejn id-​dehra tagħhom, għandha x’taqsam mal-​ġisem “perfett” taʼ l-​irġiel li jidhru fir-​reklami tal-​ħwejjeġ taʼ taħt, fl-​Istati Uniti u f’pajjiżi oħra tal-​Punent. M’għandniex xi ngħidu, dan ħalla effett qawwi fuq il-​ġuvintur. Huma għandhom mnejn iħossuhom li m’humiex kapaċi jekk ma jkollhomx l-​istatura muskolata tal-​mudelli rġiel.

Mela jekk int irqiq, għandek mnejn tistaqsi, ‘X’għandi ħażin?’ L-​aħbar tajba hija li x’aktarx m’għandek xejn ħażin.

Għala Int Irqiq

Għal ħafna żgħażagħ, li jkunu rqaq hija xi ħaġa normali għall-​aħħar. Taʼ spiss din l-​irquqija tkun effett taʼ l-​iżvilupp li jkun qed iġarrab il-​ġisem u tal-​metaboliżmu mgħaġġel assoċjat maʼ l-​adolexxenza. Ġeneralment il-​metaboliżmu tiegħek jibda joqgħod iktar ma tikber fl-​età. Madankollu, jekk minkejja dieta tajba int għadek irqiq iżżejjed, ikun tajjeb jekk tmur għand it-​tabib tiegħek biex tara jekk hemmx xi problemi taʼ saħħa, bħalma hija d-​dijabete, li tistaʼ tikkaġuna t-​telf taʼ piż fil-​ġisem.

Steven Levenkron, espert magħruf dwar it-​taqlib konness maʼ l-​ikel, qal lil Stenbaħ!: “Niftakar li kien hemm tfajla żagħżugħa li kienet nieqsa serjament mill-​piż. Din ġiet mibgħuta għandi għax qalu li kellha l-​anoreksja, u hi veru kienet tidher li kellha xi problema konnessa maʼ l-​ikel. Imma malajr indunajt li l-​problema li kellha kienet waħda fiżika, mhux psikoloġika. It-​tabib tal-​familja ma kienx irnexxielu jinduna li din kienet qed tbati mill-​marda taʼ Crohn, infjammazzjoni qawwija fl-​imsaren. Kieku ħadd ma induna, din it-​tifla setgħet mietet.” Jekk għandek id-​dijabete jew tbati minn xi mard ieħor li jġagħlek titlef il-​piż, tagħmel sew jekk timxi fuq il-​parir tat-​tabib.

M’għandniex xi ngħidu, xi kultant l-​irquqija tistaʼ tkun sintomu taʼ inkwiet emozzjonali. Fil-​ktieb tiegħu Anatomy of Anorexia, Dr. Levenkron jinnota li xi riċerkaturi jsostnu li numru sinifikanti taʼ nies dijabetiċi li jiddependu mill-​insulina għandhom xi taqlib konness maʼ l-​ikel, li jvarja minn ikel żejjed u bla kontroll għal bulimja u anoreksja.” Tabib kwalifikat jistaʼ jiddetermina jekk tassew ikollokx taqlib bħal dan konness maʼ l-​ikel. *

Suġġerimenti Prattiċi

Ejja nassumu li int mort għand it-​tabib tiegħek u li int irqiq imma f’saħħtek. Issa x’imiss? F’Ġob 8:11, il-​Bibbja tgħid: “Ma jikbirx il-​papir barra mill-​għadira, lanqas jagħmel is-​simar mingħajr l-​ilma.” L-​istess bħalma pjanta tiffjorixxi meta tkun fl-​ambjent it-​tajjeb u jkollha l-​aħjar ikel, int ukoll teħtieġ dieta bilanċjata jekk trid tiżviluppa u ssir adult f’saħħtek. Din hi xi ħaġa importanti, kemm jekk qed tipprova żżid fil-​piż u kemm jekk qed tipprova tnaqqas.

Madankollu, taqax fl-​iżball li tibda tiekol ħafna affarijiet li fihom ix-​xaħam biex mingħalik iżżid il-​piż malajr. Susan Kleiner, esperta fil-​qasam tan-​nutriment, għamlet studju dwar id-​dieti tal-​bodybuilders waqt li jittrennjaw. Hi osservat li huma kienu qed jieklu madwar 6,000 kalorija kuljum! Imma skond Kleiner, b’dan l-​istudju nkixef il-​fatt inkwetanti li huma kienu qed jieklu, bejn wieħed u ieħor, iktar minn 200 gramma taʼ xaħam kuljum. Hi kompliet tgħid: “Dan huwa kważi daqs kemm hemm xaħam f’żewġ pakketti butir! F’perijodu qasir taʼ żmien, dan l-​ammont ikun biżżejjed biex imarrad lin-​nies. Jekk jittiekel bħala drawwa matul perijodu twil, ammont daqshekk kbir taʼ xaħam iwassal għall-​mard tal-​qalb.”

Skond id-​Dipartiment taʼ l-​Agrikultura fl-​Istati Uniti (U.S. Department of Agriculture [USDA]), il-​bażi għal dieta bilanċjata hija magħmula minn karboidrati bħal tipi differenti taʼ ħobż, ċereali, ross, u għaġin. Warajhom hemm il-​ħaxix u l-​frott. L-​USDA tirrakkomanda li għandhom jittieklu ammonti moderati biss taʼ laħam u prodotti tal-​ħalib.

Sabiex ikollok idea taʼ x’qed tiekol u kemm qed tiekol, tistaʼ tipprova żżomm djarju taʼ l-​ikel. Ġorr pitazz żgħir miegħek għal ġimgħa, u ikteb fuqu kulma tiekol u x’ħin tieklu. Għandek mnejn tibqaʼ sorpriż li forsi m’intix tiekol daqs kemm kont qed taħseb, speċjalment jekk kulfejn tmur tkun mgħaġġel. Bħala adolexxent attiv, faċilment tistaʼ taħraq 3,000 kalorija jew iktar kuljum! Tistaʼ wkoll issib li d-​dieta tiegħek m’hijiex bilanċjata daqskemm suppost tkun—b’ħafna ikel mixtri minn barra bħal burgers u pizez u ftit wisq frott u ħaxix.

Xi ngħidu dwar vitamini li tistaʼ tieħu maʼ l-​ikel u li jiswew il-​flus? Dawn mhux bilfors ikun hemm bżonnhom. Ħafna esperti jemmnu li int tistaʼ tikseb is-​sustanzi kollha li jeħtieġ ġismek billi tiekol ikel tajjeb għas-​saħħa. Fuq kollox, evita li ddur għall-​isterojdi anaboliċi biex tkabbar il-​muskoli u mingħalik issolvi l-​problema malajr. B’dispjaċir ngħidu li l-​abbuż taʼ l-​isterojdi m’huwiex biss problema fost il-​ġuvintur. The New York Times tirrapporta: “Iż-​żjieda fl-​użu [taʼ l-​isterojdi] fost it-​tfajliet, li xi riċerkaturi jgħidu li għandha x’taqsam sa ċertu punt maʼ tip t’anoreksja bil-​kontra, laħqet livelli li kienu bdew jistabbilixxu l-​ġuvintur fis-​snin tmenin.” Numru tal-​biżaʼ taʼ 175,000 tfajla fl-​Istati Uniti jammettu li jieħdu l-​isterojdi anaboliċi. Dawn id-​drogi ġew assoċjati maʼ viżibilju t’effetti koroh, inkluż pil żejjed fuq il-​wiċċ, taħwid fiċ-​ċiklu tal-​menstruwazzjoni, u kanċer tas-​sider fin-​nisa, kanċer tal-​prostata fl-​irġiel, u arterji misdudin u kanċer tal-​fwied kemm fin-​nisa u kemm fl-​irġiel. L-​isterojdi qatt m’għandhom jittieħdu mingħajr ir-​riċetta u s-​superviżjoni tat-​tabib.

Li Tkun Modest u Realistiku

Il-​Bibbja tgħidilna biex inkunu ‘umli [modesti] fl-​imġiba tagħna maʼ Alla tagħna.’ (Mikea 6:8) Il-​modestja tinvolvi li tkun konxju tal-​limitazzjonijiet tiegħek. Il-​modestja se tgħinek tkun realistiku dwar id-​dehra tiegħek. Le, m’hemm xejn ħażin f’li tkun tixtieq tidher sabiħ. Imma ħadd ma jibbenefika jekk tkun iffissat fuq id-​dehra tiegħek. L-​uniċi wħud li x’aktarx imorru tajjeb minn fuq dahrek huma l-​industriji tal-​moda u tad-​dieti. Esperti fis-​saħħa fiżika jaqblu li raġel komuni sempliċement m’għandux il-​ġeni xierqa biex ikun bodybuilder taʼ l-​aqwa klassi, avolja jipprova jiekol tajjeb u jittrennja ħafna. U jekk int tfajla, jistaʼ jagħti l-​każ li tiekol kemm tiekol, ma tkunx tistaʼ żżid fil-​piż.

Taʼ interess, jekk toqgħod ftit attent għall-​ħwejjeġ li tilbes, tistaʼ tgħin ħafna biex taħbi xi imperfezzjonijiet li tara fid-​dehra tiegħek. Evita ħwejjeġ li jiġbdu l-​għajn lejn dawn l-​aspetti tal-​figura tiegħek. Xi wħud jissuġġerixxu li għandek tilbes kuluri ċari, peress li l-​iskur donnu jraqqu iktar lil min ikun irqiq.

Ftakar ukoll, li xi ħaġa ħafna iktar importanti mid-​dehra tiegħek hija l-​personalità tiegħek. Fl-​aħħar mill-​aħħar, iktar tkun tidher sabiħ f’għajnejn ħaddieħor jekk ikollok tbissima ħelwa u mġiba b’qalb tajba, milli kieku jkollok muskoli kbar jew tilbes ċertu qjies taʼ ħwejjeġ. Jekk ħbiebek joqogħdu l-​ħin kollu jmaqdru kif tidher, agħmilha maʼ nies li japprezzaw dak li int minn ġewwa—dak li l-​Bibbja ssejjaħlu ‘dak li hu moħbi fil-​qalb.’ (1 Pietru 3:4) Fl-​aħħar, qatt tinsa li “l-​Mulej ma jarax bħalma jara l-​bniedem, dak biss li jidher fl-​għajn, imma l-​qalb.”—1 Samwel 16:7.

[Noti taʼ taħt]

^ par. 5 Ara l-​artikli taʼ “Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu . . .” “Am I Developing Normally?” fil-​ħarġa taʼ l-​Awake! tat-​22 taʼ Settembru, 1993.

^ par. 12 Ara l-​artikli taʼ “Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu . . .” “Why Am I Obsessed With My Weight?” u “How Can I Conquer My Obsession With Weight?”, fil-​ħarġiet taʼ l-​Awake! tat-​22 t’April u t-​22 taʼ Mejju, 1999.

[Stampa f’paġna 14]

Xi żgħażagħ imaqdru lilhom infushom għax huma rqaq