Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

LEZZJONI 81

Il-Prietka taʼ fuq il-Muntanja

Il-Prietka taʼ fuq il-Muntanja

Wara li Ġesù għażel l-​appostli tiegħu, li kienu 12, hu mar fejn kienu nġabru ħafna nies. Dawn kienu ġew mill-​Galilija, mil-​Lhudija, minn Tir, minn Sidon, mis-​Sirja, u min-​naħa l-​oħra tal-​Ġordan. Huma ġabu nies li kienu qed ibatu minn mard differenti. Ġabu wkoll nies li kellhom demonji ġo fihom. Ġesù fejjaqhom kollha. Imbagħad hu qagħad bilqiegħda fil-​ġenb tal-​muntanja u beda jitkellem. Hu spjega x’għandna nagħmlu jekk irridu li nkunu l-​ħbieb t’Alla. Irridu nifhmu li għandna bżonn lil Ġeħova biex imexxina u li nitgħallmu nħobbuh. Imma ma nistgħux inħobbu lil Alla jekk ma nħobbux lin-​nies. Għandna nkunu qalbna tajba u nittrattaw lil kulħadd l-​istess, anke lil dawk li ma jittrattawniex sew.

Ġesù qal: ‘Mhux biżżejjed li tħobb biss lill-​ħbieb tiegħek. Għandek bżonn tħobb ukoll lil dawk li ma jittrattawkx sew, u taħfer mill-​qalb. Jekk xi ħadd mhux qed ikellmek, mur skuża ruħek malajr miegħu. Ittratta lil oħrajn kif tixtieq li jittrattaw lilek.’

Ġesù ta wkoll pariri tajbin lin-​nies dwar l-​affarijiet materjali billi qal: ‘Hu iktar importanti li tkunu l-​ħbieb taʼ Ġeħova milli jkollkom ħafna flus. Ħalliel jistaʼ jisirqilkom il-​flus, imma ħadd ma jistaʼ jisraq il-​ħbiberija li għandkom maʼ Ġeħova. Tkomplux tinkwetaw dwar x’se tieklu, tixorbu, jew tilbsu. Ħarsu lejn l-​għasafar. Alla dejjem jagħmel ċert li għandhom biżżejjed ikel x’jieklu. Billi tinkwetaw mhux se ttawlu ħajjitkom b’ġurnata oħra. Ftakru, Ġeħova jaf x’għandkom bżonn.’

Il-​folol qatt ma kienu semgħu lil xi ħadd jitkellem bħal Ġesù. Il-​mexxejja reliġjużi tagħhom, jiġifieri l-​Fariżej u l-​iskribi, ma kinux għallmuhom dawn l-​affarijiet. Ġesù għala kien għalliem daqshekk tajjeb? Għax dak kollu li kien jgħallem kien ġej mingħand Ġeħova.

“Ħudu l-​madmad tiegħi fuqkom u tgħallmu minni, għax jien ġwejjed u umli f’qalbi, u intom issibu serħan għal ruħkom.”—Mattew 11:29