Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

LEZZJONI 1

Alla għamel is-sema u l-art

Alla għamel is-sema u l-art

Alla Ġeħova huwa l-​Ħallieq tagħna. Hu għamel kollox, kemm l-​affarijiet li nistgħu naraw u kemm l-​affarijiet li ma nistgħux naraw. Qabel ma ħalaq l-​affarijiet li nistgħu naraw, hu għamel ħafna u ħafna anġli. Taf x’inhuma anġli? Dawn huma l-​qaddejja taʼ Ġeħova. Dawn jixbhu lilu. Aħna ma nistgħux narawhom, bħalma ma nistgħux naraw lil Alla. L-​ewwel anġlu li Ġeħova għamel kien jgħinu. Dan l-​anġlu għen meta Ġeħova għamel l-​istilel, il-​pjaneti, u l-​affarijiet l-​oħra kollha. Waħda minn dawn il-​pjaneti, id-​dinja, hija d-​dar mill-​isbaħ tagħna.

Imbagħad, Ġeħova lesta l-​art biex l-​annimali u n-​nies jgħixu fiha. Hu għamel id-​dawl tax-​xemx biex idawwal l-​art. Hu għamel il-​muntanji, l-​oċeani, u x-​xmajjar.

X’ġara mbagħad? Ġeħova qal: ‘Ħa nagħmel il-​ħaxix u l-​pjanti u s-​siġar.’ B’hekk, bdew jikbru ħafna tipi differenti taʼ frott, ħxejjex, u fjuri. Wara, Ġeħova ħalaq l-​annimali kollha—annimali li jtiru, li jgħumu, li jimxu, u li jitkaxkru. Hu ħalaq annimali żgħar, bħalma huma l-​fniek, u oħrajn kbar, bħalma huma l-​iljunfanti. X’inhu l-​annimal favorit tiegħek?

Imbagħad, Ġeħova qal lill-​ewwel anġlu: ‘Ejja nagħmlu l-​bniedem.’ In-​nies kellhom ikunu differenti mill-​annimali. Huma kienu se jkunu jistgħu jitkellmu, jidħqu, jitolbu, u jivvintaw affarijiet differenti. Ukoll, kienu se jieħdu ħsieb l-​art u l-​annimali. Taf min kien l-​ewwel raġel? Ejja naraw.

“Fil-​bidu Alla ħalaq is-​smewwiet u l-​art.”—Ġenesi 1:1