Mur fil-kontenut

Huwa Ġesù Alla?

Huwa Ġesù Alla?

ĦAFNA nies iqisu t-​Trinità bħala “d-​duttrina ċentrali tal-​Kristjaneżmu.” Skont dan it-​tagħlim, huma jemmnu li l-​Missier, l-​Iben, u l-​ispirtu qaddis huma tliet persuni f’Alla wieħed. Il-​Kardinal John O’Connor qal hekk dwar it-​Trinità: “Aħna nafu li dan huwa misteru li diffiċli biex tifhmu.” It-​twemmin tat-​Trinità għala hu daqshekk diffiċli biex tifhmu?

The Illustrated Bible Dictionary jagħti raġuni waħda. Meta titkellem fuq it-​Trinità din il-​pubblikazzjoni tammetti: “Dan it-​tagħlim mhuwiex ibbażat minn fuq il-​Bibbja fis-​sens li mhux se ssib skritturi li jispjegawh.” Minħabba li t-​tagħlim dwar it-​Trinità “mhuwiex ibbażat minn fuq il-​Bibbja,” it-​Trinitarjani jagħmlu minn kollox biex jippruvaw isibu versi fil-​Bibbja li jappoġġaw it-​tagħlim tagħhom, saħansitra jaslu li jgħawġu xi versi.

Dan il-​Vers Jappoġġa t-​Trinità?

Eżempju wieħed taʼ vers fil-​Bibbja li ħafna drabi jiġi użat ħażin huwa dak taʼ Ġwanni 1:1. Fil-​King James Version, dan il-​vers jgħid: “Fil-​bidu kienet il-​Kelma, u l-​Kelma kienet m’Alla [bil-​Grieg, ton the·onʹ], u l-​Kelma kienet Alla [the·osʹ].” F’dan il-​vers intużaw żewġ forom tan-​nom Grieg the·osʹ (alla). L-​ewwel waħda għandha qabilha l-​artiklu definit Grieg ton (il-​), u f’dan il-​każ il-​kelma the·onʹ tirreferi għal Alla Li Jistaʼ Kollox. Però t-​tieni waħda, the·osʹ, m’għandhiex artiklu definit. Kien żball li ħallew l-​artiklu barra?

Għaliex it-​tagħlim tat-​Trinità huwa daqshekk diffiċli biex tifhmu?

L-​Evanġelju taʼ Ġwanni ġie miktub bil-​Grieg komuni, Koine, li għandu regoli speċifiċi fejn għandu jintuża l-​artiklu definit. A. T. Robertson, studjuż tal-​Bibbja, jirrikonoxxi li kemm is-​suġġett kif ukoll dak li jiġi warajh jieħu l-​artiklu, “it-​tnejn huma definiti, trattati l-​istess, u jistgħu jieħdu post xulxin.” Robertson jikkunsidra bħala eżempju Mattew 13:38, li jgħid: “L-​għalqa [bil-​Grieg, ho a·grosʹ] hi d-​dinja [bil-​Grieg, ho koʹsmos].” Il-​grammatika tgħinna nifhmu li d-​dinja hi wkoll l-​għalqa.

Imma xi ngħidu jekk is-​suġġett għandu artiklu definit u dak li jiġi wara m’għandux, bħal fil-​każ taʼ Ġwanni 1:1? Billi kkwota dak il-​vers bħala eżempju, l-​istudjuż James Allen Hewett jenfasizza: “Kif inhu poġġut il-​kliem f’din l-​iskrittura, is-​suġġett u dak li jiġi wara mhumiex l-​istess, indaqs, jew identiċi.”

Biex iġib eżempju, Hewett juża l-​1 Ġwanni 1:5, li jgħid: “Alla hu dawl.” Bil-​Grieg, “Alla” hu ho the·osʹ u għalhekk għandu artiklu definit. Imma fos għal “dawl” m’għandha l-​ebda artiklu quddiemha. Hewett jiġbed l-​attenzjoni li: “Wieħed jistaʼ dejjem . . . jgħid li Alla hu dawl, iżda mhux dejjem tistaʼ tgħid li d-​dawl hu Alla.” Eżempji simili nsibuhom fi Ġwanni 4:24, “Alla hu Spirtu,” u fl-​1 Ġwanni 4:16, “Alla hu mħabba.” F’dawn iż-​żewġ versi, is-​suġġett għandu l-​artiklu definit imma dak li jiġi wara, “Spirtu” u “mħabba,” m’għandhomx. Mela s-​suġġett u dak li jiġi wara ma jistgħux jieħdu post xulxin. Dawn il-​versi ma jistgħux ifissru li “l-​Ispirtu hu Alla” jew “l-​imħabba hi Alla.”

L-​identità taʼ “il-​Kelma”

Ħafna studjużi u tradutturi tal-​Bibbja jaqblu li Ġwanni 1:1 ma jiġbidx l-​attenzjoni lejn l-​identità, iżda lejn karatteristika taʼ “il-​Kelma.” William Barclay, traduttur tal-​Bibbja, qal: “Minħabba li [l-​appostlu Ġwanni] ma poġġiex artiklu definit quddiem theos, din tiġi deskrizzjoni . . . Ġwanni hawnhekk mhuwiex qed jidentifika l-​Kelma bħala Alla. Fi kliem sempliċi, hu ma jgħidx li Ġesù kien Alla.” L-​istudjuż Jason David BeDuhn b’mod simili qal: “Bil-​Grieg, jekk ma tpoġġix l-​artiklu quddiem theos f’sentenza bħal dik fi Ġwanni 1:1ċ, il-​qarrejja se jassumu li qed tirreferi għal ‘kwalunkwe alla.ʼ . . . Theos li m’għandhiex artiklu hi differenti minn ho theos, li għandha artiklu, bħalma bl-​Ingliż nistgħu naraw id-​differenza meta niktbu ‘a god’ u ‘God’.” BeDuhn iżid: “Fi Ġwanni 1:1, il-​Kelma ma tirreferix għall-​uniku Alla li jeżisti, iżda għal alla jew spirtu divin.” Jew kif qal Joseph Henry Thayer, studjuż li ħadem fuq l-​American Standard Version: “Logos [jew, il-​Kelma] kien divin, imma mhux l-​Iktar wieħed divin.”

Ġesù għamel distinzjoni bejnu u bejn Missieru

Għandha l-​identità t’Alla tkun misteru? Ma jidhirx li kienet misteru għal Ġesù. Fit-​talba tiegħu lil Missieru, hu għamel distinzjoni bejnu u bejn Missieru meta qal: “Il-​ħajja taʼ dejjem tfisser dan: li jieħdu għarfien dwarek, l-​uniku Alla veru, u dwar Ġesù Kristu li int bgħatt.” (Ġwanni 17:3) Jekk nemmnu dak li qal Ġesù u nifhmu t-​tagħlim sempliċi tal-​Bibbja, se nirrispettaw lil Ġesù bħala dak li hu verament, l-​Iben qaddis t’Alla. Ukoll se nqimu lil Ġeħova bħala “l-​uniku Alla veru.”