L-Onestà—Tassew m’Hemmx Aħjar Minnha?

L-Onestà—Tassew m’Hemmx Aħjar Minnha?

Kapitlu 27

L-​Onestà​—Tassew m’Hemmx Aħjar Minnha?

ĠIELI ġietek it-​tentazzjoni biex tigdeb? Donald qal lil ommu li kien naddaf kamartu meta, fir-​realtà, kien waddab kollox taħt is-​sodda. Bi bluha simili, Richard ipprova jgħaddi l-​ġenituri tiegħu minn għajn il-​labra. Hu qalilhom li ġab marki ħżiena, mhux għaliex ma kienx studja, imma għax ‘ma kienx jingwalaha maʼ l-​għalliem tiegħu.’

Normalment, il-​ġenituri u adulti oħrajn għajnhom togħrokhom minn dawn it-​tattiki. Madankollu, dan ma jwaqqafx il-​biċċa l-​kbira miż-​żgħażagħ milli għallinqas jipprovaw jigdbu, jgħawġu l-​verità, jew iqarrqu għal kollox meta dan ikun jidher vantaġġuż. Raġuni waħda hi li l-​ġenituri mhux dejjem jirreaġixxu b’kalma f’mumenti kritiċi. U meta tidħol id-​dar sagħtejn iktar tard milli suppost, forsi tkun tidher idea tajba li tgħid li ġara inċident ikrah fit-​triq, minflok ma tgħid lill-​ġenituri tiegħek il-​verità imbarazzanti​—li sempliċement ħadek il-​ħin.

L-iskola tistaʼ tippreżenta sfida oħra għall-​onestà. Kultant l-​istudenti jħossuhom mgħobbijin iżżejjed bil-​ħowmwerk. Taʼ spiss ikun hemm kompetizzjoni ħarxa. Fil-​fatt, stħarriġ li sar fl-​Istati Uniti juri li iktar minn nofs l-​istudenti kollha jqarrqu jew qarrqu. Imma għalkemm gidba tistaʼ tidher sabiħa, u l-​qerq triq faċli, irendi tassew li tkun diżonest?

Il-​Gideb​—Għala ma Jrendix

Xi kultant li tigdeb biex taħrab il-​kastig għandu mnejn jidher vantaġġuż. Imma l-​Bibbja twissi: “Min ilissen il-​gideb ma jeħlishiex.” (Proverbji 19:5) Hemm probabbiltà kbira li l-​gidba tinkixef u li l-​kastig jingħata xorta waħda. Imbagħad, il-​ġenituri tiegħek se jirrabjaw mhux biss għal dak li tkun għamilt oriġinarjament imma wkoll għax tkun gdibtilhom!

Xi ngħidu dwar li tqarraq fl-​iskola? Wieħed direttur tal-​programmi ġudizzjali tal-​kampus jgħid: “Kwalunkwe student li jagħmel att taʼ diżonestà f’dak li għandu x’jaqsam maʼ l-​istudji tiegħu jkun qed jirriskja li jikkomprometti l-​opportunitajiet futuri tiegħu fl-​edukazzjoni u fix-​xogħol.”

Veru, ħafna jidhru li qed jgħadduha lixxa. Jistaʼ jkun li billi tqarraq jirnexxilek tgħaddi mill-​eżami, imma x’inhuma l-​effetti fl-​aħħar mill-​aħħar? Mingħajr ebda dubju taqbel li huwa banali jekk tipprova tqarraq biex tlesti kors taʼ l-​għawm. Wara kollox, min ikun jixtieq jibqaʼ l-​art meta kulħadd ikun qed iċafċaf fl-​ilma! U jekk imbagħad xi ħadd jimbottak u taqaʼ fil-​pixxina, tistaʼ tegħreq minħabba li tkun qarraqt!

Imma xi ngħidu dwar li tqarraq fil-​matematika jew fil-​qari? Veru, il-​konsegwenzi forsi ma jkunux daqshekk drammatiċi​—għall-​ewwel. Madankollu, jekk ma tkunx tgħallimt is-​suġġetti u l-​abbiltajiet bażiċi, int tistaʼ “tegħreq” fil-​qasam tax-​xogħol! U diploma li tinkiseb bil-​qerq mhux se tgħinek wisq biex issalva. Il-​Bibbja tgħid: “Min jaħżen il-​ġid bil-​qerq taʼ lsienu bħal duħħan li jgħib.” (Proverbji 21:6) Kwalunkwe vantaġġ li tistaʼ ġġib gidba għandu għomru qasir daqs id-​duħħan. Kemm ikun aħjar għalik li tintafaʼ bil-​qegħda u tistudja, minflok ma tgħaddi ż-​żmien kollu li tmur l-​iskola tigdeb u tqarraq! “Min hu bil-​għaqal jaħsibha tajjeb u jirnexxilu,” jgħid Proverbji 21:5.

Il-​Gideb u l-​Kuxjenza Tiegħek

Waħda żagħżugħa jisimha Michelle gidbet u akkużat lil ħuha li kisser oġġett għażiż għall-​ġenituri tagħhom, għalkemm iktar tard ħasset il-​bżonn li tistqarr il-​gidba li kienet qalet mal-​ġenituri tagħha. “Il-​biċċa l-​kbira tal-​ħin kont inħossni tassew ħatja,” tispjega Michelle. “Il-​ġenituri tiegħi kellhom fiduċja fija, u jien iddiżappuntajthom.” Dan juri biċ-​ċar kif Alla poġġa fil-​bniedem il-​fakultà tal-​kuxjenza. (Rumani 2:​14, 15) Il-​kuxjenza taʼ Michelle itturmentatha b’sentimenti taʼ ħtija.

M’għandniex xi ngħidu, wieħed jistaʼ jagħżel li jinjoraha l-​kuxjenza tiegħu. Imma iktar ma jigdeb, iktar isir insensibbli għall-​ħażin​—u jkollu “l-​kuxjenza mmarkata b’ħadida mikwija.” (1 Timotju 4:2, Saydon) Int trid tassew li jkollok kuxjenza mejta?

Il-​Ħarsa t’Alla dwar il-​Gideb

“[I]lsien giddieb” kien u għadu waħda mill-​affarijiet li “jobgħod il-​Mulej.” (Proverbji 6:​16, 17) Fuq kollox, Satana x-​Xitan innifsu huwa “missier il-​gideb.” (Ġwann 8:44) U l-​Bibbja ma tagħmel l-​ebda distinzjoni bejn gidba u l-​hekk imsejħa gidba għall-​bżonn. “L-​ebda gidba mhi ġejja mis-​sewwa.”​—1 Ġwann 2:​21, Saydon.

B’hekk, żgur li l-​onestà m’hemmx aħjar minnha għal kulmin irid ikun ħabib t’Alla. Salm 15 jistaqsi: “Mulej, min jgħammar fid-​dar tiegħek? Min joqgħod fuq l-​għolja mqaddsa tiegħek?” (Vers 1) Ejja nikkunsidraw it-​tweġiba mogħtija fl-​erbaʼ versi taʼ wara:

“Min jgħix bla ħtija u jagħmel it-​tajjeb, min jgħid is-​sewwa f’qalbu.” (Vers 2) Jidhirlek li din hija deskrizzjoni taʼ xi ħalliel jew taʼ wieħed qarrieq? Taʼ xi ħadd li jigdeb lill-​ġenituri tiegħu jew li jippretendi li hu xi ħaġa li m’huwiex? Ma tantx! Mela jekk trid tkun ħabib t’Alla, trid tkun onest, mhux biss fl-​azzjonijiet tiegħek, imma f’qalbek ukoll.

“Min ma jqassasx bi lsienu, ma jagħmilx deni lil ġaru, u ma jgħajjarx lil għajru.” (Vers 3) Ġieli komplejt maʼ xi grupp taʼ żgħażagħ li kien qed jgħaddi kummenti krudili u li jweġġgħu fuq ħaddieħor? Żviluppa determinazzjoni qawwija biex tirrifjuta li tipparteċipa f’diskors bħal dan!

“Min ma jistmax lill-​bniedem ħażin, imma jweġġaħ lil dawk li jibżgħu mill-​Mulej, min iwiegħed u jżomm kelmtu.” (Vers 4) Irrifjuta l-​ħbiberija taʼ żgħażagħ li jigdbu, iqarrqu, jew jiftaħru dwar il-​bravuri immorali tagħhom; huma se jistennewk tagħmel l-​istess affarijiet. Bħalma osserva wieħed żagħżugħ jismu Bobby: “Ħabib li tkompli tigdeb miegħu jdaħħlek fl-​inkwiet. M’huwiex ħabib li tistaʼ tafdah.” Fittex ħbieb li jirrispettaw il-​livelli taʼ l-​onestà.​—Qabbel Salm 26:4.

Innotajt li Jehovah japprezza, jew “iweġġaħ,” lil dawk li jżommu l-​kelma tagħhom? Forsi int tkun wegħedt li tgħin fix-​xogħol tad-​dar is-​Sibt li ġej, imma issa ġejt mistieden għal logħba ballun għas-​Sibt wara nofsinhar. Se tonqos li żżomm kelmtek u tmur maʼ ħbiebek, u hekk tħalli lill-​ġenituri tiegħek jagħmlu x-​xogħol, jew se żżomm kelmtek?

“Min jislef u ma jitlobx imgħax, u ma jixxaħħamx kontra min hu bla ħtija. Min jagħmel dan qatt ma jitħarrek.” (Vers 5) M’huwiex minnu li r-​regħba hija kaġun prinċipali tal-​qerq u tad-​diżonestà? L-​istudenti li jqarrqu fl-​eżamijiet huma rgħiba biex jiksbu marki li ma studjawx għalihom. In-​nies li jixxaħħmu jqisu l-​flus iktar taʼ valur mill-​ġustizzja.

Veru, xi wħud jippontaw subgħajhom lejn mexxejja politiċi u negozjanti li jgħawġu r-​regoli taʼ l-​onestà biex jiksbu dak li jridu. Imma kemm hu fis-​sod is-​suċċess tagħhom? Salm 37:2 iwieġeb: “Għax bħall-​ħaxix malajr jidbielu, u bħan-​nibbieta malajr jinxfu.” Jekk ma jinqabdux u jiġu mċanfrin minn oħrajn, fl-​aħħar mill-​aħħar se jiffaċċjaw il-​ġudizzju t’Alla Jehovah. Madankollu, il-​ħbieb t’Alla ‘qatt ma jitħarrku.’ Il-​futur etern tagħhom hu assigurat.

Żviluppa “Kuxjenza Safja”

Allura, mhux tassew li hemm raġuni valida biex tevita kwalunkwe tip taʼ gideb? L-​appostlu Pawlu qal dwaru nnifsu u dwar sħabu: “Aħna nemmnu li għandna kuxjenza safja.” (Lhud 13:18) Hija l-​kuxjenza tiegħek bl-​istess mod sensittiva għall-​gideb? Jekk le, ħarriġha billi tistudja l-​Bibbja u l-​letteratura bbażata fuq il-​Bibbja bħat-​Torri taʼ l-​Għassa u Stenbaħ!

Iż-żagħżugħ Bobby hekk għamel, u kellu riżultati tajbin. Hu tgħallem ma jgħattix il-​problemi b’koċċ gideb. Il-​kuxjenza tiegħu tħeġġu biex javviċina l-​ġenituri tiegħu u jitkellem magħhom bl-​onestà dwar il-​kwistjonijiet li jkollu. Xi drabi dan kien ifisser li jirċievi d-​dixxiplina. Minkejja dan, hu jammetti li ‘jħossu aħjar ġewwa fih’ talli aġixxa bl-​onestà.

M’huwiex dejjem faċli li tgħid il-​verità. Imma min jiddeċiedi li jgħid il-​verità se jżomm kuxjenza tajba, relazzjoni tajba mal-​veri ħbieb tiegħu, u l-​aqwa ħaġa, il-​privileġġ li “jgħammar” fit-​tinda t’Alla! Mela, l-​onestà mhux biss m’hemmx aħjar minnha, imma hija l-​aqwa ħaġa għall-​Kristjani kollha.

Mistoqsijiet għal Diskussjoni

◻ X’inhuma xi sitwazzjonijiet fejn tkun tidher li hi idea tajba li tigdeb?

◻ Għala ma jrendix li tigdeb jew tqarraq? Tistaʼ tagħti eżempju taʼ dan minn osservazzjoni jew esperjenza persunali?

◻ Giddieb kif jistaʼ jħassar il-​kuxjenza tiegħu?

◻ Aqra Salm 15. Kif japplikaw il-​versi dwar il-​kwistjoni taʼ l-​onestà?

◻ Kif jistaʼ żagħżugħ jiżviluppa kuxjenza safja?

[Kumment f’paġna 213]

‘Kwalunkwe student li jagħmel att taʼ diżonestà f’dak li għandu x’jaqsam maʼ l-​istudji tiegħu jkun qed jirriskja li jikkomprometti l-​opportunitajiet futuri’

[Kumment f’paġna 216]

Il-​Bibbja ma tagħmel l-​ebda distinzjoni bejn gidba u l-​hekk imsejħa gidba għall-​bżonn

[Stampa f’paġna 214]

Normalment, il-​ġenituri għajnhom togħrokhom meta t-​tfal jipprovaw jispjegaw id-​diżubbidjenza tagħhom