Mur fil-kontenut

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Ġesù Meta Twieled?

Ġesù Meta Twieled?

It-tweġiba tal-Bibbja

Il-Bibbja ma tagħtix data speċifika għat-twelid taʼ Ġesù Kristu, bħalma juru dawn ix-xogħlijiet taʼ referenza:

  • Id-data vera tat-twelid taʼ Kristu mhix magħrufa.”—New Catholic Encyclopedia.

  • Id-data eżatta tat-twelid taʼ Kristu mhix magħrufa.”—Encyclopedia of Early Christianity.

Filwaqt li l-Bibbja ma tagħtix tweġiba diretta għall-mistoqsija, ‘Ġesù meta twieled?’ tiddeskrivi żewġ ġrajjiet dwar it-twelid tiegħu li jwasslu lil ħafna wħud biex jikkonkludu li ma twilidx fil-25 taʼ Diċembru.

Mhux fix-xitwa

  1. Ir-reġistrazzjoni. Ftit qabel ma twieled Ġesù, Ċesari Awgustu ħareġ digriet li bih ordna li “tiġi reġistrata l-art abitata kollha.” Kulħadd kellu jirreġistra “f’beltu,” u dan setaʼ jirrikjedi vjaġġ taʼ ġimgħa jew iktar. (Luqa 2:1-3) Dik l-ordni—li x’aktarx saret biex tappoġġa t-tassazzjoni u l-lieva militari—ma kienet se tintgħoġob f’ebda żmien tas-sena, imma ma tantx jagħmel sens li Awgustu kompla jipprovoka lis-sudditi tiegħu billi jisforza lil ħafna minnhom jagħmlu vjaġġi twal matul ix-xitwa kiesħa.

  2. In-nagħaġ. Ir-rgħajja kienu “jgħixu barra, għassa bil-lejl maʼ l-imrieħel tagħhom.” (Luqa 2:8) Il-ktieb Daily Life in the Time of Jesus jgħid li l-imrieħel kienu jgħixu fil-miftuħ mill-“ġimgħa taʼ qabel il-Qbiż [lejn l-aħħar taʼ Marzu]” sa nofs Novembru. Imbagħad ikompli jgħid: “Kienu jqattgħu x-xitwa għall-irdoss, protetti mill-elementi; u minn dan biss jistaʼ jidher li d-data tradizzjonali tal-Milied, fix-xitwa, x’aktarx li mhix korretta, għax l-Evanġelju jgħid li r-rgħajja kienu fl-għelieqi.

Fil-bidu tal-ħarifa

Nistgħu nikkalkulaw meta twieled Ġesù billi ngħoddu b’lura mill-mewt tiegħu fil-Qbiż, fl-14 taʼ Nisan fir-rebbiegħa tas-sena 33 E.K. (Ġwanni 19:14-16) Ġesù kellu madwar 30 sena meta beda l-ministeru tiegħu li dam tliet snin u nofs, u għalhekk twieled fil-bidu tal-ħarifa tas-sena 2 Q.E.K.—Luqa 3:23.

Il-Milied għala jiġi ċelebrat fil-25 taʼ Diċembru?

Ladarba m’hemm ebda evidenza li Ġesù Kristu twieled fil-25 taʼ Diċembru, il-Milied għala jiġi ċelebrat f’din id-data? L-Encyclopædia Britannica tgħid li l-mexxejja tal-knisja x’aktarx li għażluha “biex taħbat mad-data tal-festa pagana Rumana li timmarka ‘d-data tat-twelid tax-xemx mhix konkwistata,’” fi żmien is-solstizju tax-xitwa. Skont The Encyclopedia Americana, ħafna studjużi jemmnu li dan sar “sabiex il-Kristjanità ssir iktar sinifikanti għal dawk li kkonvertew mill-paganiżmu.