Mur fil-kontenut

Il-Bibbja X’Tgħid Dwar il-Milied?

Il-Bibbja X’Tgħid Dwar il-Milied?

It-tweġiba tal-Bibbja

 Il-Bibbja ma tagħtix id-data tat-twelid taʼ Ġesù, u lanqas ma tgħid li għandna niċċelebraw it-twelid tiegħu. Bħalma tgħid is-Cyclopedia taʼ McClintock u Strong’s: “L-osservanza tal-Milied mhijiex ġejja minn Alla, u lanqas ma toriġina mit-TĠ [Testment il-Ġdid].”

 Minflok, analisi tal-istorja tal-Milied tesponi l-oriġini tagħha f’riti pagani reliġjużi. Il-Bibbja turi li noffendu lil Alla jekk nipprovaw inqimuh b’mod li ma japprovahx.—Eżodu 32:5-7.

L-istorja tad-drawwiet tal-Milied

  1.   Iċ-ċelebrar tat-twelid taʼ Ġesù: “Il-Kristjani tal-bidu ma kinux jiċċelebraw it-twelid [taʼ Ġesù] għax kienu jqisu ċ-ċelebrazzjoni tat-twelid taʼ kwalunkwe persuna bħala drawwa pagana.”—The World Book Encyclopedia.

  2.   Il-25 taʼ Diċembru: M’hemm ebda prova li Ġesù twieled f’din id-data. Il-mexxejja reliġjużi x’aktarx li għażlu din id-data biex taħbat mal-festi pagani li jinżammu fid-data jew madwar id-data tas-solstizju tax-xitwa.

  3.   L-għoti tar-rigali, iċ-ċelebrar, u l-parties: The Encyclopedia Americana tgħid: “Is-Saturnalja, festa Rumana ċelebrata f’nofs Diċembru, ipprovdiet il-mudell għal ħafna mid-drawwiet taʼ xalar tal-Milied. Pereżempju, minn din iċ-ċelebrazzjoni ġejjin il-festi elaborati, l-għoti tar-rigali, u l-użu tax-xemgħa mixgħula.” L-Encyclopædia Britannica tgħid li “x-xogħol u n-negozju kollu kienu jieqfu” matul is-Saturnalja.

  4.   Id-dwal tal-Milied: Skont The Encyclopedia of Religion, l-Ewropej kienu jżejnu djarhom “bi dwal u siġar ħodor taʼ kull tip” biex jiċċelebraw is-solstizju tax-xitwa u biex iħarsu ruħhom mill-ispirti mill-agħar.

  5.   Il-mistletoe u l-holly: “Id-Druwidi kienu jagħtu proprjetajiet maġiċi lill-mistletoe b’mod partikulari. Il-holly aħdar kien jiġi meqjum bħala wegħda li x-xemx se tirritorna.”—The Encyclopedia Americana.

  6.   Is-siġra tal-Milied: “Il-qima lis-siġra, komuni fost l-Ewropej pagani, baqgħet teżisti wara l-konverżjoni tagħhom għall-Kristjanità.” Wieħed mill-modi kif baqgħet teżisti l-qima tas-siġra hu d-drawwa li “titpoġġa siġra tal-Milied f’xi daħla jew fid-dar fil-btajjel taʼ nofs ix-xitwa.”​—Encyclopædia Britannica.