IT-TORRI TAL-GĦASSA

Kont taf?—Mejju 2014

Malti
Kont taf?—Mejju 2014
https://cms-imgp.jw-cdn.org/img/p/2014324/univ/art/2014324_univ_sqr_xl.jpg

Kont taf?

Kont taf?

L-​esekuzzjoni tal-​kriminali għala inkludiet il-​ksur taʼ riġlejhom?

Dwar l-​esekuzzjoni taʼ Ġesù u żewġ kriminali fuq iz-​zokk tat-​tortura, ir-​rakkont tal-​Evanġelju jgħid: “Il-​Lhud talbu lil Pilatu biex jiksrulhom riġlejhom u jitneħħew l-​iġsma.”—Ġwanni 19:31.

Il-​liġi Lhudija kienet tgħid li l-​ġisem taʼ kriminal imdendel fuq zokk wara l-​esekuzzjoni “m’għandux jibqaʼ l-​lejl kollu mdendel maz-​zokk.” (Dewteronomju 21:22, 23) Milli jidher, il-​Lhud applikaw l-​istess regola għal dawk li kienu jinqatlu fuq zokk mir-​Rumani. F’dan il-​każ, il-​ksur tar-​riġlejn tal-​kriminali kien se jħaffef il-​mewt tagħhom u jippermetti li jiġu midfunin qabel ma jibda s-​Sabat fi nżul ix-​xemx.

Waqt ħafna esekuzzjonijiet bħal dawn, raġel ikkundannat kien jissammar maʼ zokk bi msiemer li kienu jinfdulu jdejh u saqajh. Meta z-​zokk kien jitwaqqaf, ir-​raġel kien jitħalla mdendel b’uġigħ insapportabbli, bil-​piż tiegħu kollu fuq dawk l-​imsiemer. Sabiex jieħu n-​nifs, dak li jkun kien ikollu jqum u jimbotta ’l fuq fuq il-​musmar jew l-​imsiemer imdaħħlin f’saqajh. Madankollu, jekk l-​għadam taʼ saqajh kien jitkissirlu, kien ikun impossibbli għalih li jagħmel dan. Il-​mewt minħabba qtugħ taʼ nifs—jekk mhux minħabba telf taʼ demm—malajr kienet tiġi.

Kif kienu jintużaw l-​iżbandoli fil-​gwerer tal-​qedem?

L-​iżbandola kienet l-​arma li David uża biex joqtol lill-​ġgant Gulija. Milli jidher, David tgħallem juża din l-​arma fi tfulitu meta kien ragħaj.—1 Samwel 17:40-​50.

Skultura li turi gwerriera Assirjani jattakkaw belt fortifikata Lhudija

L-​iżbandola tidher kemm fl-​arti Eġizzjana u kemm f’dik Assirjana taʼ żminijiet Bibliċi. L-​arma kienet tikkonsisti f’but miftuħ tal-​ġilda jew tad-​drapp b’żewġ ċineg jew ħbula rqaq imwaħħlin miegħu. F’dan il-​but, il-​gwerrier kien ipoġġi ġebla lixxa jew tonda b’dijametru taʼ 5 sa 7.5 ċentimetri u li kienet tiżen forsi 250 gramma. Imbagħad kien idawwar l-​iżbandola fuq rasu u jitlaq waħda miċ-​ċineg, u b’hekk il-​ġebla ttir b’saħħa u eżattezza kbira.

Instab numru kbir minn dan il-​ġebel użat fi gwerer tal-​qedem fi skavazzjonijiet fil-​Lvant Nofsani. Gwerriera tas-​sengħa għandhom mnejn tefgħu ġebel b’veloċità taʼ 160 sa 240 kilometru fis-​siegħa. L-​istudjużi ma jaqblux dwar jekk l-​iżbandola kinitx twassal daqs il-​qaws, imma żbandola żgur li setgħet kienet qattiela daqsu.—Imħallfin 20:16.