Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kont taf?

Kont taf?

Apparti l-​Bibbja, x’hemm iktar li juri li l-​Iżraelin kienu skjavi fl-​Eġittu?

Il-​Bibbja tgħid li wara li l-​Midjanin ħadu lil Ġużeppi l-​Eġittu, missieru Ġakobb u l-​familja tiegħu telqu minn Kangħan biex jgħixu l-​Eġittu. Huma bdew joqogħdu f’reġjun Eġizzjan jismu Gosen, fejn ix-​Xmara Nil tmiss mal-​Baħar Mediterran. (Ġen. 47:1, 6) L-​Iżraelin “komplew joktru u jsiru iktar setgħanin.” Allura l-​Eġizzjani bdew jibżgħu mill-​Iżraelin u għamluhom skjavi.—Eżo. 1:7-​14.

Dan l-​aħħar kien hemm xi kritiċi li rredikolaw dan ir-​rakkont tal-​Bibbja billi qalu li hu ħrafa. Madankollu, hemm x’juri li s-​Semiti * għexu bħala skjavi fl-​Eġittu tal-​qedem.

Pereżempju, xi arkeoloġi sabu fdalijiet antiki tas-​Semiti li marru jgħixu n-​naħa taʼ fuq tal-​Eġittu. Fil-​fatt, l-​istudjuż tal-​Bibbja John Bimson irrapporta li minn tal-​inqas hemm 20 ħaġa li turi li s-​Semiti marru joqogħdu fin-​naħa taʼ fuq tal-​Eġittu. Iktar minn hekk, James K. Hoffmeier, studjuż dwar l-​Eġittu tal-​qedem, qal: “Bejn wieħed u ieħor, fil-​perjodu bejn l-​1800 u l-​1540 qabel Kristu (QK), in-​nies li kienu jitkellmu l-​lingwa Semitika min-​naħa tal-​Punent tal-​Asja [minn fejn ġiet il-​familja taʼ Ġakobb] kienu jixtiequ jmorru jgħixu l-​Eġittu.” Hu jżid jgħid: “Dan il-​perjodu jaħbat maż-​żmien li kienu jgħixu Abraham, Iżakk, u Ġakobb, u allura jaqbel mal-​perjodu u ċ-​ċirkustanzi mniżżlin f’​Ġenesi.”

Hemm iktar provi fin-​naħa t’isfel tal-​Eġittu. Fdal taʼ papiru li bejn wieħed u ieħor ilu jeżisti mis-​sena 1800 QK fih ismijiet taʼ skjavi li ħadmu f’dar fin-​naħa t’isfel tal-​Eġittu. Iktar minn 40 isem minnhom kienu Semiti. Dawn l-​iskjavi, jew qaddejja, kienu jsajru, iħitu, u jagħmlu xogħol iebes ieħor. Hoffmeier jinnota: “Ladarba nstabu iktar minn erbgħin Semit li ħadmu f’dar waħda f’Tebajde [in-​naħa t’isfel tal-​Eġittu], aktarx li kien hemm ammont taʼ Semiti mhux ħażin li għexu fl-​Eġittu, speċjalment man-​naħa taʼ fuq tax-​Xmara [Nil].”

L-​arkeologu David Rohl kiteb li xi ftit mill-​ismijiet tal-​iskjavi fuq il-​lista jixbhu lil dawk tal-​Bibbja. Pereżempju, il-​lista fiha ismijiet li huma simili għal Issakar, Aser, u Sifra. (Eżo. 1:3, 4, 15) Rohl jikkonkludi: “Dan juri b’mod ċar li l-​Iżraelin kienu l-​Eġittu bħala skjavi.”

L-​istudjuż Bimson jgħid: “Hemm provi storiċi li, kif tgħid il-​Bibbja, juru li l-​Iżraelin kienu skjavi fl-​Eġittu u mbagħad ħarġu.”

^ par. 4 Il-​kelma Semiti ġejja mill-​isem Sem, wieħed mit-​tliet subien taʼ Noè. Id-​dixxendenti taʼ Sem aktarx jinkludu l-​Għelamin, l-​Assirjani, il-​Kaldin tal-​bidu, il-​Lhud, is-​Sirjani, u tribujiet differenti mill-​Arabja.