Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

IL-​BIBBJA TBIDDEL IL-​ĦAJJIET

“Riduni Nsir Naf Għalija Nnifsi X’tgħid il-Bibbja Verament”

“Riduni Nsir Naf Għalija Nnifsi X’tgħid il-Bibbja Verament”
  • SENA TAT-​TWELID: 1982

  • POST TAT-​TWELID: IR-​REPUBBLIKA DOMINIKANA

  • STORJA:IMROBBI BĦALA MORMON

IL-​PASSAT TIEGĦI:

Jien twilidt f’Santo Domingo, ir-​Repubblika Dominikana, l-​aħħar minn erbat itfal. Il-​ġenituri tiegħi kellhom edukazzjoni tajba u riedu jrabbu lil uliedhom f’ambjent soċjali pożittiv. Erbaʼ snin qabel ma twilidt, il-​ġenituri tiegħi ltaqgħu maʼ missjunarji Mormoni. Il-​ġenituri tiegħi baqgħu impressjonati b’kemm kienu puliti u b’kemm kellhom manjieri tajbin il-​ġuvintur. Għalhekk, ma damux ma ddeċidew li l-​familja tagħna kienet se ssir waħda mill-​ewwel familji fuq il-​gżira biex jingħaqdu mal-​Knisja taʼ Ġesù Kristu tal-​Qaddisin tal-​Aħħar Ġranet, jew il-​Knisja tal-​Mormoni.

Hekk kif kbirt, kienu jogħġbuni l-​attivitajiet soċjali fil-​knisja u rrispettajt l-​iffokar tal-​Mormoni fuq il-​ħajja tal-​familja u l-​valuri morali. Kont kburi li jien Mormon u għamiltha l-​mira tiegħi li nsir missjunarju.

Meta kelli 18-​il sena, jien u familti morna noqogħdu l-​Istati Uniti biex inkun nistaʼ nattendi università tajba. Madwar sena wara, iz-​zija u z-​ziju tiegħi, li huma Xhieda taʼ Ġeħova, ġew iżuruna fi Florida. Stidnuna nattendu konvenzjoni Biblika magħhom. Bqajt impressjonat għax kull min kien madwari kien qed ifittex l-​iskritturi u jieħu n-​noti. Allura tlabt għal karta u bajrow u bdejt nagħmel bħalhom.

Wara l-​konvenzjoni z-​zijiet qaluli li ladarba ridt insir missjunarju, setgħu jgħinuni nitgħallem xi ħaġa dwar il-​Bibbja. Ħsibt li kienet idea tajba għax dak iż-​żmien, iktar kont midħla tal-​ktieb taʼ Mormon milli tal-​Bibbja.

KIF IL-​BIBBJA BIDDLITLI ĦAJTI:

Matul id-​diskussjonijiet li kien ikollna bit-​telefown dwar il-​Bibbja, iz-​zija u z-​ziju dejjem ħeġġewni biex inqabbel it-​twemmin tiegħi mat-​tagħlim tal-​Bibbja. Huma riduni nsir naf għalija nnifsi x’tgħid il-​Bibbja verament.

Kien hemm bosta affarijiet fit-​twemmin tal-​Mormoni li kont aċċettajt, imma ma tantx kont ċert kif dawn l-​ideat kienu jaqblu maʼ dak li tgħid il-​Bibbja. Ziti bagħtitli l-​ħarġa tar-​rivista Stenbaħ! tat-​8 taʼ Novembru, 1995, pubblikata mix-​Xhieda taʼ Ġeħova, li fiha kien hemm xi artikli fuq it-​twemmin tal-​Mormoni. Bqajt sorpriż li ma kontx familjari maʼ ħafna mit-​tagħlim tal-​Mormoni. Dan qanqalni nfittex fuq il-​Websajt uffiċjali tal-​Mormoni biex nikkonferma li dak li kien hemm miktub fi Stenbaħ! kien minnu. U hekk kien; dawn il-​fatti kkonfermajthom iktar meta żort xi mużewijiet tal-​Mormoni f’Utah.

Dejjem emmint li l-​ktieb taʼ Mormon u l-​Bibbja kienu jmorru id f’id. Imma meta bdejt naqra l-​Bibbja iktar bir-​reqqa, innotajt kontradizzjonijiet bejn it-​tagħlim tal-​Mormoni u xi stqarrijiet fil-​Bibbja. Pereżempju, f’​Eżekjel 18:4, il-​Bibbja tgħid li r-​ruħ tmut. Però, il-​ktieb taʼ Mormon, f’Alma 42:9, jgħid: “Ir-​ruħ qatt ma tistaʼ tmut.”

Minbarra n-​nuqqas taʼ qbil fit-​twemmin, kont inkwetat ukoll dwar l-​ideat nazzjonalistiċi li għallmu l-​Mormoni. Pereżempju, il-​Mormoni huma mgħallmin li l-​ġnien tal-​Għeden kien fir-​reġjun taʼ Jackson, Missouri, l-​Istati Uniti tal-​Amerika. U l-​profeti tal-​knisja jgħidu li xi darba Alla se jaħkem fuq l-​art kollha permezz tal-​gvern tal-​Istati Uniti.”

Ħsibt dwar x’kienu jgħallmu l-​Mormoni rigward x’se jsir minn pajjiżi oħrajn, bħall-​pajjiż fejn twilidt jien. Dan is-​suġġett qajjimtu darba filgħaxija meta ċempilli Mormon żagħżugħ li kien qed jiġi mħarreġ biex isir missjunarju. Staqsejtu ċar u tond jekk kienx lest jiġġieled kontra Mormoni oħrajn jekk pajjiżu jkun fi gwerra kontrihom. Kont sorpriż meta qal iva! Ħaffirt iktar fit-​tagħlim tal-​fidi tiegħi u wkoll tkellimt maʼ mexxejja responsabbli tal-​Knisja tal-​Mormoni. Qaluli li t-​tweġibiet għall-​mistoqsijiet tiegħi involvew misteri li xi darba kienu se jitwieġbu hekk kif id-​dawl jitqawwa.

Diżappuntat bl-​ispjegazzjoni tagħhom, ħarist iktar mill-​qrib lejja nnifsi u lejn ir-​raġuni għala ridt insir missjunarju Mormon. Irrealizzajt li raġuni waħda għala ridt inkun missjunarju kienet għax ridt ngħin lil nies oħrajn. Raġuni oħra għala ridt insir missjunarju kienet li n-​nies kienu se jirrispettawni. Imma rigward Alla, ma tantx kont naf dwaru. Għalkemm lill-​Bibbja kont tajtha daqqa t’għajn diversi drabi fil-​passat, ma kontx verament napprezzaha. Ma kelli ebda idea tal-​iskop t’Alla għall-​art jew għall-​bnedmin.

KIF IBBENEFIKAJT:

Fl-​istudju tiegħi tal-​Bibbja max-​Xhieda taʼ Ġeħova, tgħallimt, fost affarijiet oħrajn, x’jismu Alla, x’jiġri meta mmutu, u x’inhu l-​irwol taʼ Ġesù f’li jwettaq l-​iskop t’Alla. Sa fl-​aħħar kont qed insir midħla taʼ dan il-​ktieb meraviljuż, u ħadt pjaċir naqsam m’oħrajn il-​veritajiet li kont qed nitgħallem. Dejjem kont naf li Alla jeżisti, imma issa nistaʼ nkellmu fit-​talb bħala l-​aqwa Ħabib tiegħi. Tgħammidt bħala wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova fit-​12 taʼ Lulju, 2004, u sitt xhur wara bdejt naħdem full-​time fil-​ministeru Kristjan.

Għal ħames snin, jien ħdimt fil-​kwartieri ġenerali tax-​Xhieda taʼ Ġeħova fi Brooklyn, New York. Verament ħadt pjaċir li stajt ngħin fil-​produzzjoni taʼ Bibbji u letteratura bbażata fuq il-​Bibbja li hi taʼ benefiċċju għal miljuni taʼ nies madwar id-​dinja, u għadni nieħu gost ngħin lil oħrajn jitgħallmu dwar Alla.