Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Huma Importanti t-Tweġibiet?

Huma Importanti t-Tweġibiet?

Huma Importanti t-​Tweġibiet?

“Tkunu tafu l-​verità, u l-​verità teħliskom.”—ĠWANNI 8:32.

IL-​BIBBJA fiha l-​verità li tistaʼ teħlisna minn twemmin dwar Ġesù li jistaʼ jħawwadna jew saħansitra jqarraq bina. Iżda, huwa tassew importanti dak li nemmnu dwaru? Iva! Hu importanti għal Ġeħova. Hu importanti għal Ġesù. U għandu jkun importanti għalina.

Għala hu importanti għal Ġeħova? Fi kliem sempliċi, għax “Alla hu mħabba.” (1 Ġwanni 4:8) Ġeħova jridna ngħixu ferħanin għal dejjem. Ġesù qal: “Alla tant ħabb lid-​dinja [tal-​umanità] li ta l-​Iben uniġenitu tiegħu, biex kulmin jeżerċita l-​fidi fih . . . ikollu l-​ħajja taʼ dejjem.” (Ġwanni 3:16) Alla bagħat lil Ibnu biex ikun il-​Feddej tagħna u biex jiftħilna t-​triq biex ngħixu għal dejjem f’Ġenna fuq l-​art, fi qbil mal-​iskop oriġinali Tiegħu. (Ġenesi 1:28) Alla hu ħerqan li jagħti l-​għotja tal-​ħajja taʼ dejjem lil dawk li jitgħallmu l-​verità dwar Ibnu u jaġixxu fi qbil magħha.—Rumani 6:23.

Għala hu importanti għal Ġesù? Ġesù wkoll iħobb lill-​bnedmin. Hu wera mħabba mhix egoistika billi minn rajh ta ħajtu għalina. (Ġwanni 15:13) Hu fehem li b’hekk kien qed jipprovdi l-​unika triq għas-​salvazzjoni. (Ġwanni 14:6) Għandu jissorprendina l-​fatt li Ġesù jrid jara lil kemm jistaʼ jkun nies jibbenefikaw mis-​sagrifiċċju tal-​fidwa tiegħu? Huwa għalhekk li inkariga lis-​segwaċi ġenwini tiegħu biex jgħallmu lin-​nies madwar id-​dinja dwar ir-​rieda u l-​iskop t’Alla.—Mattew 24:14; 28:19, 20.

Għala għandu jkun importanti għalina? Aħseb ftit dwar affarijiet li bla dubju jfissru ħafna għalik—saħħtek u familtek. Tixxennaq għal saħħa tajba u ħajja aħjar għalik u għall-​maħbubin tiegħek? Ġeħova permezz taʼ Ġesù qed joffri lilek u lill-​maħbubin tiegħek il-​prospett taʼ saħħa perfetta u ħajja bla tmiem f’dinja ġdida, ħielsa mill-​uġigħ u t-​tbatija. (Salm 37:11, 29; Rivelazzjoni 21:3, 4) Iħajrek dan il-​prospett? Jekk iva, hemm xi ħaġa li għandek bżonn tagħmel.

Erġaʼ ħares lejn l-​iskrittura li hemm kwotata ħdejn it-​titlu: “Tkunu tafu l-​verità, u l-​verità teħliskom.” Il-​verità dwar Ġesù u l-​irwol tiegħu fit-​twettiq tal-​iskop t’Alla tistaʼ teħlisna mill-​agħar tip taʼ jasar li jeżisti—dak tad-​dnub u l-​mewt. Imma biex tesperjenza dan il-​ħelsien, għandek bżonn tkun ‘taf il-​verità.’ Għax ma titgħallimx iktar dwar din il-​verità u dwar kif int u l-​maħbubin tiegħek tistgħu tibbenefikaw minnha? Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jkunu ferħanin li jgħinuk.