Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Is-Sinagoga—Fejn Ippritkaw Ġesù u d-Dixxipli Tiegħu

Is-Sinagoga—Fejn Ippritkaw Ġesù u d-Dixxipli Tiegħu

Is-​Sinagoga​—Fejn Ippritkaw Ġesù u d-​Dixxipli Tiegħu

“Imbagħad mar idur il-​Galilija kollha, jgħallem fis-​sinagogi tagħhom u jippriedka l-​aħbar tajba tas-​saltna.”—MATTEW 4:23.

GĦAL darba wara l-​oħra fir-​rakkont tal-​Evanġelju nsibu lil Ġesù f’xi sinagoga. Kemm jekk f’Nazaret, il-​belt fejn trabba, kemm jekk f’Kafarnahum, il-​belt li saret daru, jew fi kwalunkwe belt jew raħal li żar matul it-​tliet snin u nofs tal-​ministeru tiegħu li fihom ħabrek ħafna, Ġesù spiss għażel is-​sinagoga bħala l-​post fejn jipprietka u jgħallem dwar is-​Saltna t’Alla. Fil-​fatt, meta ħares lura lejn il-​ministeru tiegħu, Ġesù qal: “Dejjem għallimt f’xi sinagoga u fit-​tempju, fejn il-​Lhud kollha jiltaqgħu flimkien.”—Ġwanni 18:20.

Bl-​istess mod, l-​appostli taʼ Ġesù u Kristjani oħrajn tal-​bidu spiss kienu jgħallmu fis-​sinagogi Lhud. Iżda, il-​Lhud kif bdew iqimu fis-​sinagogi? U dawn il-​postijiet għall-​qima kif kienu lura fi żmien Ġesù? Ejja narawhom iktar mill-​qrib.

Aspett Ċentrali tal-​Ħajja Lhudija Tliet darbiet fis-​sena, l-​irġiel Lhud kienu jivvjaġġaw lejn Ġerusalemm għall-​festi li kienu jinżammu fit-​tempju sagru hemmhekk. Imma għall-​qima tagħhom minn jum għal jum, is-​sinagoga lokali kienet biżżejjed għall-​ħtiġijiet tagħhom, kemm jekk kienu jgħixu fil-​Palestina u kemm jekk f’waħda mill-​ħafna kolonji Lhud li kienu stabbiliti ’l barra mill-​Palestina.

Is-​sinagoga meta bdiet tintuża? Xi wħud jemmnu li kien madwar iż-​żmien tal-​eżilju tal-​Lhud lejn Babilonja (607-​537 Q.E.K.), perijodu li fih it-​tempju taʼ Ġeħova kien rovina. Jew setaʼ kien ftit wara li l-​Lhud ġew lura mill-​eżilju, meta l-​qassis Esdra ħeġġeġ lill-​poplu tiegħu biex jikseb għarfien akbar dwar il-​Liġi t’Alla u fehma akbar tagħha.—Esdra 7:10; 8:1-​8; 10:3.

Oriġinalment, il-​kelma għal “sinagoga” kienet tfisser sempliċement “assemblea” jew “kongregazzjoni.” Hekk kienet użata fis-​Settanta, traduzzjoni Griega tal-​Iskrittura Ebrajka. Iżda, maż-​żmien il-​kelma bdiet tirreferi għall-​bini fejn in-​nies kienu jinġemgħu għall-​qima. Sal-​ewwel seklu E.K., kważi kull raħal kbir li żar Ġesù kellu s-​sinagoga tiegħu; il-​bliet kellhom diversi; Ġerusalemm kellha ħafna. Kif kien dan il-​bini?

Dar Modesta għall-​Qima Meta kienu jkunu se jibnu xi sinagoga, il-​Lhud ġeneralment kienu jfittxu post fl-​għoli u jippjanaw il-​bini sabiex id-​daħla tiegħu (1) tkun faċċata taʼ Ġerusalemm. Iżda, donnu jidher li livelli bħal dawn kienu flessibbli mhux ħażin, għax ma setgħux jiġu sodisfati dejjem.

Meta kienet tkun lesta, is-​sinagoga spiss kienet tkun modesta u ftit kien ikollha għamara. Però, aspett ċentrali tagħha kien arka (2), jew maħżen, li kien fiha l-​iktar ħaġa taʼ valur għall-​komunità—ir-​rombli tal-​Iskrittura Sagra. Meta kienu jsiru l-​laqgħat, l-​arka, li setgħu jġorruha, kienet titpoġġa f’postha, u mbagħad kienet tittieħed lura f’kamra għas-​sigurtà (3).

Ħdejn l-​arka u faċċata tal-​kongregazzjoni kien hemm is-​siġġijiet taʼ quddiem (4) għall-​uffiċjali li jippresiedu tas-​sinagoga u għall-​mistidnin dinjitużi. (Mattew 23:5, 6) Ħdejn iċ-​ċentru tas-​sala kien hemm pjattaforma merfugħa u fuqha kien hemm podju u siġġu għall-​kelliemi (5). Faċċata tal-​pjattaforma fuq tlett iġnub kien hemm il-​bankijiet għall-​kongregazzjoni (6).

Normalment, is-​sinagoga kienet titmexxa u tiġi appoġġata mill-​kongregazzjoni lokali. Kontribuzzjonijiet volontarji minn kulħadd, sinjur u mhux, għenu biex il-​bini ssirlu l-​manutenzjoni u biex jinżamm f’kundizzjoni tajba. Imma, kif kienu jsiru l-​laqgħat fis-​sinagoga?

Il-​Qima fis-​Sinagoga Il-​programm tal-​qima fis-​sinagoga kien jinkludi tifħir, talb, il-​qari tal-​Iskrittura, kif ukoll tagħlim u ppritkar. Il-​kongregazzjoni kienet tibda billi tgħid ix-​Shema, li kienet ekwivalenti għall-​istqarrija tal-​fidi tal-​Lhud. Ngħatat isimha mill-​ewwel kelma tal-​ewwel skrittura li kienet tingħad: “Ismaʼ [“Shema”], O Israel: Ġeħova Alla tagħna hu Ġeħova wieħed.”—Dewteronomju 6:4.

Imbagħad kien hemm il-​qari u l-​ispjegazzjoni tat-​Tora, l-​ewwel ħames kotba tal-​Bibbja, li nkitbu minn Mosè. (Atti 15:21) Kien ikun hemm qari ieħor wara dan, u kienu jintużaw siltiet mill-​kitbiet tal-​profeti (haftarahs) u dawn kienu jingħataw spjegazzjoni u jiġu applikati għal ħajjithom. Kultant, kelliema li kienu jkunu qed iżuru kienu jieħdu ħsieb din il-​parti mill-​programm, bħalma għamel Ġesù f’dik l-​okkażjoni deskritta f’Luqa 4:16-​21.

M’għandniex xi ngħidu, ir-​romblu li ngħata lil Ġesù f’dik il-​laqgħa ma kienx immarkat b’kapitli u versi kif inhuma l-​Bibbji moderni tagħna. Għalhekk, nistgħu nġibu quddiem għajnejna lil Ġesù jiftaħ ir-​romblu b’idu x-​xellugija u jgerbu bil-​leminija sakemm isib is-​silta li kien qed ifittex. Wara l-​qari, ir-​romblu kien jiġi mgerbeb lura lejn il-​bidu tiegħu.

Ħafna drabi, dan il-​qari kien isir bl-​Ebrajk oriġinali u jiġi tradott bl-​Aramajk. Fil-​kongregazzjonijiet li kienu jitkellmu bil-​Grieg kienet tintuża s-​Settanta.

Parti Essenzjali għall-​Ħajja taʼ Kuljum Is-​sinagoga tant kienet parti essenzjali għall-​ħajja Lhudija taʼ kuljum li hi serviet għal diversi skopijiet, flimkien maʼ bini ieħor li kien magħha jew li kien jinsab fl-​istess kumpless taʼ bini. Kultant kienu jinżammu hemmhekk seduti tal-​qorti, kif ukoll laqgħat tal-​komunità, u saħansitra assembleat bl-​ikel servut fi kmamar tal-​pranzu konnessi magħha. Il-​vjaġġaturi ġieli kienu joqogħdu fi kmamar apposta fil-​kumpless tas-​sinagoga.

Kważi f’kull raħal kbir, is-​sinagoga kellha skola wkoll, spiss ġol-​istess bini. Nistgħu nimmaġinaw kamra mimlija studenti żgħażagħ qed jitgħallmu jaqraw l-​ittri kbar miktubin fuq tavla tax-​xamaʼ minn għalliem. Dawn l-​iskejjel kienu raġuni importanti għala s-​soċjetà Lhudija tal-​qedem kienet taf taqra u tikteb, u saħansitra n-​nies komuni kienu familjari mal-​Iskrittura.

Iżda, l-​iskop prinċipali tas-​sinagoga kien li tipprovdi post għall-​qima regulari. Għalhekk, mhix xi sorpriża li l-​laqgħat tal-​Kristjani tal-​ewwel seklu kienu simili ferm għal dawk il-​laqgħat tas-​sinagoga Lhudija. Bl-​istess mod, fil-​laqgħat Kristjani l-​iskop kien biex iqimu lil Ġeħova permezz tat-​talb, għanjiet taʼ tifħir, u qari tal-​Kelma t’Alla u diskussjonijiet dwarha. Kien hemm iktar similaritajiet. Fiż-​żewġ postijiet taʼ qima, id-​diversi bżonnijiet u spejjeż kienu jiġu koperti permezz taʼ kontribuzzjonijiet volontarji; il-​privileġġ tal-​qari tal-​Kelma t’Alla u tad-​diskussjoni dwarha f’ebda post ma kien ristrett għal klassi tal-​kleru; fiż-​żewġ każi, il-​laqgħat kienu jiġu organizzati u mmexxijin minn irġiel ixjeħ responsabbli.

Illum, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jistinkaw biex iżommu mal-​mudell li ħallew Ġesù u s-​segwaċi tiegħu tal-​ewwel seklu. B’hekk, il-​laqgħat tagħhom fis-​Sala tas-​Saltna għandhom xi aspetti simili għal dawk il-​laqgħat tas-​sinagoga tal-​qedem. Fuq kollox, ix-​Xhieda jinġemgħu bl-​istess mira li dawk li jħobbu l-​verità dejjem kellhom inkomuni—biex ‘jersqu qrib lejn Alla.’—Ġakbu 4:8.

[Stampa f’paġna 16, 17]

Din ir-​rikostruzzjoni hi bbażata fuq pjan tas-​Sinagoga Gamla tal-​ewwel seklu

[Stampa f’paġna 18]

L-​iskejjel tas-​sinagogi għallmu lis-​subien minn madwar l-​età taʼ 6 snin sa 13-​il sena