IT-TORRI TAL-GĦASSA—EDIZZJONI GĦALL-ISTUDJU

X’Tiftakar?

Malti
X’Tiftakar?
/assets/ct/fa815d8e9f/images/syn_placeholder_sqr.png
w02 8/15 p. 29

X’Tiftakar?

X’Tiftakar?

Ħadt gost taqra l-​ħarġiet reċenti taʼ It-​Torri taʼ l-​Għassa? Mela, ara jekk tistax twieġeb dawn il-​mistoqsijiet li ġejjin:

X’inhi l-​empatija, u l-​Kristjani għala għandhom jikkultivawha?

Hi l-​abbiltà li npoġġu lilna nfusna fis-​sitwazzjoni taʼ ħaddieħor, bħal per eżempju li nħossu l-​uġigħ tal-​persuna l-​oħra f’qalbna. Il-​Kristjani jingħataw il-​parir biex ‘iħossu għal xulxin, jinħabbu bħal aħwa b’qalb ħanina u umli.’ (1 Pietru 3:8) Jehovah tana eżempju biex insegwuh meta niġu biex nuru l-​empatija. (Salm 103:14; Żakkarija 2:12 [2:​8, NW]) Aħna nistgħu ntejbu s-​sensittività tagħna f’dan ir-​rigward billi nagħtu widen, nosservaw, u nimmaġinaw.​—4/15, paġni 24-6.

Sabiex niksbu l-​ferħ veru, għala għandu l-​fejqan spiritwali jiġi qabel is-​soluzzjoni finali għad-​diżabilitajiet fiżiċi?

Ħafna nies li huma f’saħħithom fiżikament m’humiex henjin għax m’għandhomx soluzzjoni għall-​problemi tagħhom. Mill-​banda l-​oħra, ħafna Kristjani li llum għandhom xi diżabilità fiżika qegħdin jaqdu lil Jehovah b’ferħ kbir. Dawk li qed igawdu fejqan spiritwali għandhom l-​opportunità li jesperjenzaw it-​tneħħija tad-​diżabilitajiet fiżiċi fid-​dinja l-​ġdida.​—5/1, paġni 6-7.

Lhud 12:16 għala jqabbel lil Għesaw maʼ wieħed żieni?

Ir-​rakkont tal-​Bibbja juri li l-​attitudni mentali taʼ Għesaw kienet iffokata fuq il-​premjijiet immedjati u disprezz lejn l-​affarijiet sagri. Jekk xi ħadd illum iħalli jiżviluppa dan it-​tip taʼ mentalità, dan jistaʼ jwassal għal dnub serju, bħall-​fornikazzjoni.​—5/1, paġni 10-11.

• Min kien Tertuljanu, u għal xiex inhu magħruf?

Hu kien kittieb u teologu li għex fit-​tieni u t-​tielet seklu E.K. Hu baqaʼ magħruf għax-​xogħlijiet letterarji li pproduċa biex jiddefendi l-​hekk imsejħa Kristjanità. Meta ta d-​difiża tiegħu, hu introduċa ideat u konċetti filosofiċi li pprovdew il-​bażi għal duttrini korrotti, bħat-​Trinità.​—5/15, paġni 29-31.

• Il-ġenetika għala mhix responsabbli għalkollox għall-​mard, l-​imġiba, u l-​mewt tal-​bniedem?

Ix-​xjenzati kkonkludew li evidentement hemm raġunijiet ġenetiċi għal ċertu mard, u xi wħud jemmnu li l-​imġiba hi determinata mill-​ġeni tagħna. Madankollu, il-​Bibbja tagħtina dehen dwar l-​oriġini tal-​bniedem, inkluż kif id-​dnub u l-​imperfezzjoni bdew jifilġu lill-​umanità. Filwaqt li l-​ġeni jistaʼ jkollhom sehem biex jifformaw il-​personalitajiet tagħna, l-​imperfezzjoni tagħna u l-​ambjent taʼ madwarna wkoll għandhom influwenza kbira.​—6/1, paġni 9-11.

• Il-framment tal-​papiru li nstab f’Oksirinku, fl-​Eġittu, kif jixħet dawl fuq l-​użu taʼ l-​isem t’Alla?

Dan il-​framment taʼ Ġob 42:​11, 12 mis-​Settanta Griega jinkludi t-​Tetragrammaton (l-erbaʼ ittri Ebrajċi taʼ l-​isem t’Alla). Din hi evidenza oħra li l-​isem t’Alla bl-​Ebrajk deher fis-​Settanta, li taʼ spiss il-​kittieba taʼ l-​Iskrittura Griega Kristjana kkwotaw minnha.​—6/1, paġna 30.

• L-avvenimenti vjolenti u qattiela tal-​gladjaturi taʼ l-​Imperu Ruman ġew imqabblin maʼ liema sports taʼ llum li għalih jattendu ħafna spettaturi?

Esibizzjoni li saret dan l-​aħħar fil-​Kolossew taʼ Ruma, fl-​Italja, issuġġeriet xebh modern billi ntwerew partijiet minn filmati taʼ ġlied mal-​barrin, boxing professjonali, tlielaq tal-​karozzi u tal-​muturi, u ġlied bejn l-​ispettaturi taʼ avvenimenti sportivi oħrajn taʼ llum. Il-​Kristjani tal-​bidu ħadu bis-​serjetà l-​fatt li Jehovah la jħobb il-​vjolenza u lanqas lil uħud vjolenti, u l-​Kristjani taʼ llum għandhom jagħmlu l-​istess. (Salm 11:5)​—6/15, paġna 29.

Hekk kif inħabirku biex insiru għalliema effettivi, x’nistgħu nitgħallmu mill-​eżempju taʼ Esdra?

Esdra 7:​10 jiġbed l-​attenzjoni lejn erbaʼ affarijiet li għamel Esdra, affarijiet li nistgħu nħabirku biex nimitawhom. Jgħid hekk: “Esdra kien [1] ingħata minn qalbu [2] għall-​istudju tal-​Liġi tal-​Mulej, [3] għall-​osservanza tagħha, u [4] għat-​tagħlim tad-​digrieti u l-​preċetti tagħha lil Iżrael.” (Korsiv tagħna.)​—7/1, paġna 20.

• F’liema żewġ oqsma t’attività jkun xieraq li mara Kristjana tgħatti rasha?

L-​ewwel, meta jinqalgħu sitwazzjonijiet fil-​familja. Il-​fatt li tgħatti rasha jirrifletti li hi tirrikonoxxi li r-​raġel tagħha huwa responsabbli biex jieħu t-​tmexxija fit-​talb u t-​tagħlim Bibliku. It-​tieni, fejn jidħlu attivitajiet tal-​kongregazzjoni, fejn hi tirrikonoxxi li l-​aħwa rġiel mgħammdin huma awtorizzati Skritturalment biex jgħallmu u jidderieġu. (1 Korintin 11:​3-​10)​—7/15, paġni 26-7.

• Il-Kristjani għala jirrikonoxxu li l-​joga tinvolvi iktar minn sempliċi eżerċizzju u hija taʼ periklu?

L-​iskop tal-​joga bħala dixxiplina huwa li jwassal lil persuna biex issir ħaġa waħda maʼ spirtu sovruman. Kuntrarju għad-​direzzjoni t’Alla, il-​joga tinvolvi li l-​attività spontanja tal-​moħħ tieqaf. (Rumani 12:​1, 2) Il-​joga tistaʼ tesponi lil dak li jkun għall-​perikli taʼ l-​ispiritiżmu u l-​okkult. (Dewteronomju 18:​10, 11)​—8/1, paġni 20-2.