Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Għandek Teżaminahom Reliġjonijiet Oħrajn?

Għandek Teżaminahom Reliġjonijiet Oħrajn?

Għandek Teżaminahom Reliġjonijiet Oħrajn?

“KONT ili kważi sena nattendi għal-​laqgħat Kristjani, u kienet l-​għaxqa tiegħi nitkellem maʼ ħaddieħor dwar is-​Saltna t’Alla,” jgħid Miguel, li issa hu wieħed mix-​Xhieda taʼ Jehovah fl-​Amerika t’Isfel. “Imbagħad bdejt nismaʼ programmi reliġjużi fuq ir-​radju u nara predikaturi reliġjużi fuq it-​televixin. Kont naħseb li dawn il-​programmi setgħu jgħinuni biex nifhem aħjar lin-​nies taʼ reliġjonijiet oħrajn. Jien irrealizzajt li t-​tagħlim tagħhom ma kienx jaqbel mal-​Bibbja, imma l-​kurżità għelbitni.”

Fl-istess pajjiż, Jorge kien żeluż biex jgħallem lil ħaddieħor dwar il-​qima vera. Madankollu, f’ċertu punt f’ħajtu, hu wkoll beda jismaʼ programmi reliġjużi fuq ir-​radju u t-​televixin. “Tajjeb li tkun taf x’qed jaħseb ħaddieħor,” kien jgħid hu. Meta kienu jistaqsuh dwar il-​perikli li setaʼ jkun hemm għal min joqgħod jismaʼ tagħlim falz bħal dan, kien iwieġeb: “M’hemm xejn li jistaʼ jdgħajjef il-​fidi taʼ wieħed li jkun jaf il-​verità tal-​Bibbja.” Dawn l-​esperjenzi jqajmu mistoqsija importanti, Huwa għaqli li tagħti widen għal dak li jemmen ħaddieħor?

Nagħrfu l-​Kristjanità Vera

Wara li mietu l-​appostli, il-​qima vera tniġġset bl-​iżvilupp progressiv taʼ ħafna forom taʼ Kristjanità falza. Billi ra dan minn qabel, Ġesù rrivela mod wieħed kif tistaʼ tagħraf dawn il-​forom foloz taʼ Kristjanità mill-​Kristjanità vera. L-​ewwelnett, hu wissa: “Iftħu għajnejkom mill-​profeti foloz; għax dawn jiġu għandkom libsin taʼ nagħaġ, u minn ġewwa jkunu lpup ħattafa!” Imbagħad żied: “Mill-​frott tagħhom tagħrfuhom.” (Mattew 7:​15-23) Is-​segwaċi veri taʼ Ġesù jipprattikaw dak li għallem hu, u huwa faċli li tagħrafhom mill-​frott tajjeb tagħhom. Sewwa sew bħalma għamel Ġesù nnifsu, huma jżuru lin-​nies biex jispjegawlhom dwar is-​Saltna t’Alla mill-​Iskrittura. Biex isegwu l-​eżempju taʼ Ġesù, ma jindaħlux fil-​politika u l-​kontroversji soċjali tad-​dinja. Il-​Bibbja jaċċettawha bħala l-​Kelma t’Alla u jirrispettawha bħala l-​verità. L-​isem t’Alla jagħmluh magħruf, u ladarba jistinkaw biex jipprattikaw l-​imħabba mgħallma minn Alla, ma jiħdux sehem fi gwerer. Minflok, jittrattaw lil xulxin bħal aħwa.—Luqa 4:43; 10:​1-9; Ġwann 13:​34, 35; 17:​16, 17, 26.

Skond l-​Iskrittura, huwa possibbli li ‘tagħżel bejn il-​ġust u l-​ħażin, bejn min jaqdi ’l Alla u min ma jaqdihx.’ (Malakija 3:18) Illum, l-​adoraturi veri huma magħqudin kemm fil-​ħsieb kif ukoll fl-​għemil, sewwa sew bħalma kienu l-​Kristjani fl-​ewwel seklu. (Efesin 4:​4-6) Ladarba tkun sibt lil din il-​ġemgħa taʼ Kristjani ġenwini, għala għandek tistħarreġ dak li jemmen ħaddieħor jew tkun kurjuż dwaru?

Oqgħod Attent mill-​Għalliema Foloz

Il-​Bibbja turi li saħansitra wara li wieħed jitgħallem il-​verità tal-​Bibbja, ikun hemm il-​periklu li jitniġġes spiritwalment minn tagħlim falz. L-​appostlu Pawlu wissa: “Qisu li ħadd ma ijassarkom b’filosofija u kliem qarrieq u fieragħ skond dak li hu ġej mill-​bnedmin; skond il-​prinċipji tad-​dinja u mhux taʼ Kristu.” (Kolossin 2:8) Xi stampa qawwija u dettaljata jagħtina dan il-​vers! L-​għalliema foloz jistgħu jkunu perikolużi tassew, bħallikieku bhejjem li jridu jaħtfuk u jibilgħuk.

Huwa veru li Pawlu nnota x’kien jemmen ħaddieħor. Infatti, darba minnhom beda jitkellem billi qal: “Rġiel taʼ Ateni, qiegħed nara li intom f’kollox nies mill-​aktar reliġjużi. Jien u għaddej u nħares lejn ix-​xbihat qaddisa tal-​qima tagħkom, sibt ukoll artal b’din il-​kitba fuqu, ‘Lil Alla Mhux Magħruf’.” (Atti 17:​22, 23) Madankollu, Pawlu ma kienx joqgħod jimla moħħu l-​ħin kollu bil-​filosofiji taʼ oraturi Griegi.

Hemm baħar jaqsam bejn li tinforma ruħek dwar l-​oriġini u t-​twemmin taʼ reliġjonijiet foloz u li timla lil moħħok bihom. * Jehovah ħatar lill-​“ilsir leali u diskret” biex jipprovdi tagħlim ibbażat fuq il-​Kelma tiegħu. (Mattew 4:4; 24:45, NW) Pawlu nnifsu kiteb: “Ma tistgħux taqsmu fil-​Mejda tal-​Mulej u fil-​mejda tad-​demonji. Jew se nqajjmu l-​għira tal-​Mulej?”—1 Korintin 10:20-22.

Jistaʼ jkun li xi għalliema foloz xi darba kienu Kristjani veri, imma f’ċertu punt f’ħajjithom daru mill-​verità għall-​iżball. (Ġuda 4, 11) Dan m’għandux jissorprendina. Wara li tkellem dwar “l-​ilsir leali u diskret” li jirrappreżenta l-​ġemgħa taʼ Kristjani midlukin, Ġesù tkellem dwar il-​“qaddej ħażin,” klassi li tilmenta, “Sidi jiddawwar ma jiġi,” u taqbad issawwat lil sħabha l-​ilsiera l-​oħrajn. (Mattew 24:​48, 49) Taʼ spiss, dawn l-​individwi u s-​segwaċi tagħhom ma jkollhomx xi tagħlim ċar tagħhom stess. Huma jkunu interessati biss f’li jeqirdu l-​fidi taʼ ħaddieħor. Dwarhom, l-​appostlu Ġwanni kiteb: “Jekk jiġikom xi ħadd u ma jġibilkomx dan it-​tagħlim, la tilqgħuhx għandkom u la ssellmulux.”—2 Ġwann 10; 2 Korintin 11:​3, 4, 13-15.

Uħud sinċieri li qegħdin ifittxu l-​verità jagħmlu tajjeb li jqisu bir-​reqqa dak li jisimgħu mingħand reliġjonijiet oħrajn. Maż-​żmien, Alla se jbierek lil dawk taʼ qalb onesta li jfittxu l-​verità. Il-​Bibbja tgħid dwar l-​għerf divin: “Jekk tfittex l-​għerf bħall-​fidda, u tħaffer għalih bħal teżor moħbi . . . ssib it-​tagħrif taʼ Alla.” (Proverbji 2:4, 5) Wara li jkunu sabu dan it-​tagħrif t’Alla permezz tal-​Bibbja u tal-​kongregazzjoni Kristjana u wara li jkunu raw kif Jehovah jbierek lil dawk li jiġu gwidati minn dan it-​tagħrif, il-​Kristjani veri ma jibqgħux jagħtu widen għal tagħlim reliġjuż falz.—2 Timotju 3:14.

[Nota taʼ taħt]

^ par. 10 Il-ktieb Mankind’s Search for God, pubblikat mill-​Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc., jippreżenta tagħrif bażiku dwar l-​isfond u t-​tagħlim taʼ ħafna mir-​reliġjonijiet tad-​dinja.