‘Mogħża Ħelwa tal-Muntanji’

‘Mogħża Ħelwa tal-Muntanji’

IL-​KELMA “ħelwa” ma tantx nużawha biex niddeskrivu mogħża. Il-​mogħoż nimmaġinawhom bħala annimali utli li jieklu kważi kollox u li mingħandhom nieħdu ħalib sustanzjuż u laħam b’togħma tajba, imma mhux soltu tagħna li ngħidu li huma ħelwin.

Minkejja dan, il-​Bibbja tiddeskrivi mara miżżewġa bħala “ċerva għażiża, bħal [‘mogħża tal-​muntanji,’ NW] ħelwa.” (Proverbji 5:​18, 19) Salamun, li kiteb parti sew mill-​ktieb tal-​Proverbji, kien josservahom bir-​reqqa l-​annimali salvaġġi taʼ Iżrael, u għalhekk żgur li kellu raġuni tajba għalxiex juża din it-​tixbieha. (1 Slaten 5:11-13 [4:​30-33, NW]) Bħal missieru David, forsi kien osserva l-​mogħoż tal-​muntanji li spiss kienu jinġabru fl-​inħawi taʼ Għajn-geddi, qrib ix-​xtajta tal-​Baħar il-​Mejjet.

Merħliet żgħar taʼ mogħoż tal-​muntanji li jgħixu fid-​Deżert tal-​Lhudija jżuru regolarment in-​nixxiegħa taʼ l-​ilma f’Għajn-geddi li hi fil-​qrib. Peress li dan hu l-​uniku post fejn dejjem jinstab ilma ġieri f’dawk l-​inħawi nexfin, Għajn-geddi ilu għal sekli sħaħ ikun il-​post favorit fejn imorru jixorbu l-​mogħoż tal-​muntanji. Fil-​fatt, l-​isem Għajn-geddi x’aktarx li jfisser “għajn il-​gidi,” u dan xiehda tal-​preżenza regulari tal-​gidjien f’dawn l-​inħawi. Is-​Sultan David sab kenn hawnhekk meta kien persegwitat mis-​Sultan Sawl, għalkemm kellu jgħix bħal wieħed maħrub “fuq in-​naħa tal-​lvant taʼ Blat il-​Mogħoż Selvaġġi.”​—1 Samwel 24:2, 3 [24:1, 2, NW].

Fejn Għajn-geddi għadek tistaʼ tara lil xi mogħża tal-​barr, jew mogħża tal-​muntanji, nieżla bi grazzja mal-​ġenb taʼ xi wied kollu blat, miexja wara bodbod lejn fejn hemm l-​ilma. Imbagħad tistaʼ tibda tifhem għala l-​mogħża tal-​barr ġiet imxebbha maʼ mara leali lejn żewġha. In-​natural kwiet u l-​forma eleganti tagħha wkoll juru virtujiet femminili. Il-​kelma “ħelwa” milli jidher talludi għad-​dehra grazzjuża u eleganti tal-​mogħża tal-​muntanji. a

Il-​mogħża tal-​barr trid tkun tiflaħ għall-​istrapazz u fl-​istess ħin tkun ukoll grazzjuża. Bħalma Jehovah qal lil Ġob, il-​mogħża tal-​muntanji tiled qalb l-​irdum, f’postijiet ġol-​blat li ma tilħaqhomx kif ġieb u laħaq u fejn l-​ikel jistaʼ jkun skars u t-​temperatura tistaʼ tkun għolja jew baxxa ferm. (Ġob 39:1) Minkejja dawn id-​diffikultajiet, hi tieħu ħsieb iċ-​ċkejknin tagħha u tgħallimhom jixxabbtu u jaqbżu minn blata għall-​oħra bil-​ħeffa bħalha. Il-​mogħża tal-​barr ukoll tipproteġi liż-​żgħar tagħha minn annimali tal-​priża. Wieħed osservatur ra b’għajnejh mogħża tal-​muntanji tiġġieled maʼ ajkla għal nofs siegħa sħiħa, waqt li l-​gidi tagħha qagħad imgezzez taħtha biex ikun protett.

In-nisa u l-​ommijiet Kristjani spiss ikollhom irabbu ’l uliedhom taħt ċirkustanzi diffiċli. Bħall-​mogħża tal-​muntanji, juru li huma dedikati u mhux egoisti fil-​mod kif jieħdu ħsieb ir-​responsabbiltajiet li tahom Alla. U bi qlubija jistinkaw biex jipproteġu lit-​tfal tagħhom minn kull periklu spiritwali. Mela mhux talli Salamun ma ċekkinhiex lill-​mara b’din il-​metafora, imma talli ġibed l-​attenzjoni lejn il-​grazzja u s-​sbuħija tal-​mara, li huma l-​kwalitajiet spiritwali li jibbrillaw saħansitra fl-​iktar ambjent diffiċli.

[Nota taʼ taħt]

a Skond The New Brown-Driver-Briggs-Gesenius Hebrew and English Lexicon, f’dan il-​kuntest il-​kelma Ebrajka chen, tradotta “ħelwa,” tfisser ‘grazzjuża jew eleganti fil-​forma u fid-​dehra.’

[Stampi f’paġna 30, 31]

Mara miżżewġa u omm Kristjana turi kwalitajiet spiritwali mill-​isbaħ meta twettaq ir-​responsabbiltajiet mogħtijin lilha minn Alla