Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Gawdi l-benefiċċji taʼ li tkun ġeneruż

Gawdi l-benefiċċji taʼ li tkun ġeneruż

“TAL-LINJA tistaʼ titlaq, imma ċ-Ċiniż jibqaʼ hawn!” Hekk semgħet Alexandra waqt li kienet f’tal-linja hi u tistenna biex taqsam il-fruntiera minn pajjiż għal pajjiż ieħor fl-Amerika t’Isfel. Hi niżlet biex tara x’kien qed jiġri u rat li kien hemm żagħżugħ Ċiniż jitkellem bi Spanjol imfarrak. Hu kien qed jipprova jispjega d-diffikultà tiegħu lil uffiċjal. Minħabba li Alexandra kienet tattendi kongregazzjoni tax-Xhieda taʼ Ġeħova biċ-Ċiniż, hi offriet li tgħin bħala interpretu.

Ir-raġel qal li kien resident legali u li kienu serqulu d-dokumenti u l-flus. Għall-ewwel, l-uffiċjal ma riedx jemmnu u saħansitra ssuspetta li Alexandra kienet involuta fit-traffikar tan-nies. Fl-aħħar, aċċetta l-ispjegazzjoni tar-raġel, imma biex tkompli tgħaxxaqha kellu jħallas multa talli ma kellux id-dokument meħtieġ. Peress li ma kellux flus, Alexandra offriet li ssellfu $20. Ir-raġel ma setax jieqaf jirringrazzjaha u qal li kien se jagħtiha lura iktar minn $20. Alexandra spjegat li ma kinitx qed tistenna rigal; hi kienet kuntenta li tgħin għax ħasset li hekk kien xieraq. Hi tat lir-raġel xi letteratura bbażata fuq il-Bibbja u ħeġġitu biex jistudja l-Bibbja max-Xhieda.

Huwa inkuraġġanti li tismaʼ li hawn min hu ġeneruż lejn l-istranġieri. Bla dubju, atti simili jsiru minn nies taʼ kull reliġjon u anki minn nies bla reliġjon. Kieku int kont tkun lest li tagħti minnek innifsek b’mod tant ġeneruż? Din il-mistoqsija hi t’interess għax Ġesù qal: “Hemm iktar hena meta tagħti milli meta tirċievi.” (Atti 20:35) Hija wkoll t’interess xjentifiku għax ir-riċerkaturi sabu li meta tagħti jkun taʼ benefiċċju għalik. Ejja naraw b’liema modi.

“MIN JAGĦTI BIL-FERĦ”

L-esperjenza turi li l-ġenerożità u l-ferħ spiss imorru id f’id. L-appostlu Pawlu kiteb li “Alla jħobb lil min jagħti bil-ferħ.” Hu kien qed jitkellem dwar Kristjani li taw donazzjonijiet b’mod ġeneruż ħalli jnaqqsu t-tbatija li sħabhom fit-twemmin kienu għaddejjin minnha. (2 Korintin 8:4; 9:7) Pawlu ma kienx qed jgħid li huma taw għax kienu ferħanin. Għall-kuntrarju, huma kienu ferħanin għax setgħu jagħtu.

Infatti, skont studju, meta dak li jkun jagħti, ikun qed “jattiva partijiet fil-moħħ li għandhom x’jaqsmu mal-pjaċir, man-nies, u mal-fiduċja, u dan iħalli effett pożittiv fuq dak li jagħti.” Studju ieħor sab li “n-nies ikunu iktar ferħanin meta jagħtu xi flus lil ħaddieħor milli meta jonfquhom fuqhom infushom.”

Qatt ħassejt li minħabba ċ-ċirkustanzi tiegħek ma tantx hemm x’tistaʼ tagħmel? Il-verità hi li kulħadd jistaʼ jesperjenza l-ferħ taʼ li jagħti mill-qalb. Meta l-flus jingħataw b’intenzjoni tajba, m’hemmx għalfejn ikunu ħafna. Waħda mix-Xhieda taʼ Ġeħova bagħtet kontribuzzjoni u dan il-messaġġ lill-pubblikatur taʼ din ir-rivista: “Matul dawn is-snin ma tantx stajt nagħti flus fis-Sala tas-Saltna.” Madankollu, hi kompliet tgħid: “Alla Ġeħova tani lura ħafna iktar milli tajt. . . . Grazzi talli għamiltuhieli possibbli biex nagħti dan ir-rigal—dan iġegħelni nħossni aħjar.”

Ovvjament, mhux bilfors trid tagħti flus. Hemm ħafna modi oħra kif tagħti.

LI TAGĦTI HU TAJJEB GĦAL SAĦĦTEK

Meta tkun ġeneruż, ikun taʼ benefiċċju għalik u għal oħrajn

Il-Bibbja tgħid: “Bniedem taʼ qalb tajba bl-imħabba jippremja lilu nnifsu, imma bniedem kattiv iġiegħel lil ġismu stess jiġi mwarrab.” (Proverbji 11:17) Nies li għandhom qalbhom tajba huma ġenerużi, lesti li jagħtu minnhom infushom—mill-ħin, l-enerġija, u l-attenzjoni tagħhom, u iktar minn hekk. Meta n-nies jgħixu b’dan il-mod, ikollhom diversi benefiċċji, fosthom saħħa tajba.

L-istudji juru li dawk li joffru ruħhom biex jgħinu lil oħrajn ibatu b’inqas uġigħ u b’inqas dipressjoni. Normalment, ikollhom saħħa aħjar. Uħud li jbatu minn problemi taʼ saħħa kronika, bħall-isklerożi multipla jew l-HIV, jistgħu saħansitra jtejbu saħħithom meta jagħtu b’mod ġeneruż. L-istudji wrew ukoll li dawk li jgħinu lil ħaddieħor waqt li jkunu qed jirkupraw mill-problema tal-alkoħol, ikunu inqas dipressi u jistgħu jnaqqsu l-possibbiltà taʼ li jerġgħu jibdew jixorbu.

Għala jiġri hekk? Huwa ssuġġerit li “sentimenti taʼ mogħdrija, ħniena, u qalb tajba jħallu inqas wisaʼ għall-emozzjonijiet negattivi.” Barra minn hekk, il-ġenerożità tistaʼ tnaqqas l-istress u l-pressjoni għolja. U n-nies li tilfu lir-raġel jew lill-mara tagħhom fil-mewt irkupraw mid-dipressjoni iktar malajr meta offrew appoġġ lil ħaddieħor.

Żgur u mhux forsi—meta tkun ġeneruż, jagħmillek il-ġid.

META TAGĦTI, OĦRAJN JITĦAJRU

Ġesù ħeġġeġ lis-segwaċi tiegħu: “Idraw agħtu, u n-nies jagħtukom. Iferrgħulkom f’ħoġorkom kejl tajjeb, marsus, mheżżeż, u mfawwar. Għax bil-kejl li tkejlu, ikejlulkom lura.” (Luqa 6:38) Meta tkun ġeneruż, hemm iktar ċans li n-nies juru gratitudni u jsiru ġenerużi huma stess. B’hekk, li tagħti jinkuraġġixxi kooperazzjoni u ħbiberija.

Li tagħti jinkuraġġixxi kooperazzjoni u ħbiberija

Ir-riċerkaturi li jistudjaw kif jaġixxu n-nies maʼ xulxin innotaw li “n-nies li b’mod regulari juru altruiżmu jkunu qed jinkuraġġixxu lil oħrajn biex jagħmlu l-istess.” Tant hu hekk li “s-sempliċi fatt li n-nies jaqraw dwar atti taʼ qalb tajba straordinarji jagħmilhom iktar ġenerużi.” Għaldaqstant, skont studju li sar, “kull persuna fi grupp tistaʼ tinfluwenza lil għaxriet jew saħansitra mijiet taʼ nies, li wħud minnhom lanqas biss tkun tafhom jew iltaqgħet magħhom.” Fi kliem ieħor, att wieħed taʼ ġenerożità jistaʼ jeffettwa komunità sħiħa minħabba li persuna tibda titħajjar minn oħra. Kieku int ma tixtieqx tgħix f’komunità bħal din? Iva, jekk in-nies jidraw jagħtu, ikun hemm benefiċċji kbar.

Esperjenza li turi dan l-effett pożittiv seħħet fi Florida, l-Istati Uniti tal-Amerika. Grupp taʼ Xhieda taʼ Ġeħova b’mod volontarju marru biex jgħinu wara li kien hemm uragan qerriedi. Hekk kif kienu f’dar jistennew għal xi affarijiet biex ikunu jistgħu jaħdmu, innotaw li ċint taʼ ġar kien imkisser, u allura offrew li jirranġawh. “Ħa nibqaʼ grat għal għomri,” kiteb il-ġar xi żmien wara f’ittra lill-kwartieri ġenerali tax-Xhieda taʼ Ġeħova. “Irrealizzajt li dawn in-nies huma fost l-aħjar nies li qatt iltqajt magħhom.” Il-gratitudni qanqlitu biex jibgħat kontribuzzjoni kbira ħalli tintuża f’dak li hu sejjaħlu x-xogħol straordinarju tax-Xhieda.

IMITA L-AQWA EŻEMPJU TAʼ MIN JAGĦTI

Xi ħaġa li tispikka f’riċerka xjentifika hi li “milli jidher il-bniedem għandu xewqa kbira biex jgħin lil ħaddieħor.” L-istudju jgħid li t-tfal “ikunu ġenerużi saħansitra qabel ma jibdew jitkellmu.” Għala? Il-Bibbja tipprovdi t-tweġiba meta tgħid li l-bniedem ġie maħluq “fix-xbieha t’Alla,” jiġifieri għandu l-istess kwalitajiet bażiċi t’Alla.—Ġenesi 1:27.

Fost il-kwalitajiet meraviljużi tal-Ħallieq tagħna, Alla Ġeħova, hemm il-ġenerożità. Hu tana l-ħajja u kulma għandna bżonn biex inkunu ferħanin. (Atti 14:17; 17:26-28) Nistgħu nsiru nafu lil Missierna tas-sema u l-iskopijiet taʼ mħabba li għandu għalina billi nistudjaw il-Kelma tiegħu, il-Bibbja. Dan il-ktieb juri wkoll li Alla għamel arranġament biex fil-futur ingawdu ferħ dejjiemi. * (1 Ġwanni 4:9, 10) Alla Ġeħova huwa s-sors tal-ġenerożità u int magħmul fix-xbieha tiegħu. Għaldaqstant, m’għandekx tkun sorpriż li meta tkun ġeneruż se jiswielek taʼ ġid u jkollok l-approvazzjoni t’Alla, għax tkun qed timitah.—Ebrej 13:16.

Tiftakarha lil Alexandra, li ssemmiet fil-bidu taʼ dan l-artiklu? L-istorja tagħha kif spiċċat? Għalkemm wieħed li kien f’tal-linja magħha qalilha li kienet irmiet il-flus, ir-raġel li għenet ikkuntattja lil xi ħbieb li kienu fil-belt fejn tal-linja kienet se tieqaf, u l-$20 dejn tħallsu minnufih. Iktar minn hekk, ir-raġel ħa l-parir taʼ Alexandra u beda jistudja l-Bibbja. Hi ħadet pjaċir li reġgħet iltaqgħet miegħu tliet xhur wara f’konvenzjoni tax-Xhieda taʼ Ġeħova biċ-Ċiniż fil-Perù. Biex juri l-gratitudni tiegħu għal dak kollu li Alexandra għamlet miegħu, ir-raġel stieden lilha u lil dawk li kienu qed jivvjaġġaw magħha fir-restorant tiegħu.

Meta tagħti u tgħin lil oħrajn, ikollok ferħ kbir. Kemm iktar u iktar jekk fil-proċess tkun tistaʼ tgħin lin-nies isiru iktar midħla tas-Sors tar-rigali tajbin kollha—Alla Ġeħova! (Ġakbu 1:17) Qiegħed tgawdi l-benefiċċji taʼ li tkun ġeneruż?

^ par. 21 Għal iktar dettalji, ara l-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem Verament? ippubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova u disponibbli onlajn fuq www.jw.org/mt. Ikklikkja fuq PUBBLIKAZZJONIJIET > KOTBA U BROWXERS.