Arahom Sejrin!
KIENET il-ħarifa. Kien qed jidlam u waqgħet is-sirda. Imma s-skiet ma damx ma nkiser mill-għajat storbjuż taʼ qatgħa wiżż. F’daqqa waħda, dehru ’l fuq minn rasi xi 20 wiżża. Kienu qed jifformaw V kbira huma u jtiru u jħabbtu ġwinħajhom bil-qawwa imma b’mod eleganti. Wiżża minnhom ixxaqilbet ħelu ħelu lejn ix-xellug u marret fuq in-naħa taʼ wara tal-grupp. Din id-dehra taʼ l-għaġeb qanqlitli l-kurżità. Il-wiżż għala jtir f’din il-forma? U fejn sejjer?
Il-wiżż hu tajra taʼ l-ilma u jiġi mill-qrib mill-papra u miċ-ċinju. Hemm xi 40 speċi taʼ wiżż madwar id-dinja u huma l-iktar komuni fl-Asja, fl-Ewropa, u fl-Amerika taʼ Fuq. Il-wiżż tal-Kanada hu wieħed mill-iktar speċi magħrufin. Dan jintgħaraf mill-għonq twil u skur b’roqgħa bajda fuqu. Wiżżu adult tas-sottospeċi msejħa wiżż ġgant tal-Kanada jistaʼ jiżen sa tmien kilogrammi u ġwinħajh ikollhom firxa taʼ żewġ metri. Għas-sajf dan il-wiżż jitlaʼ ’l fuq sa l-Alaska u l-Kanada taʼ fuq, u mbagħad jinżel ’l isfel sal-Messiku għax-xhur tax-xitwa.
Għall-wiżż hu importanti ħafna li jpassi meta suppost. Jekk jasal fit-tramuntana kmieni wisq, l-ilma jkun għadu friżat u ma tantx ikun hemm ħaxix. Għaldaqstant, il-wiżż tal-Kanada jitlaʼ lejn it-tramuntana bl-istess pass taʼ l-istaġun. Meta jasal fid-destinazzjoni tiegħu, il-wiżż jitqassam tnejn tnejn, u kull tnejn imbagħad jistabbilixxu post għalihom fejn jgħammru.
Minħabba li l-wiżż itir f’forma partikulari, kull wiżża tkun tistaʼ tara lill-oħrajn u tirreaġixxi malajr meta l-għasfur taʼ quddiem jibdel id-direzzjoni, il-veloċità, jew l-għoli. Iktar minn hekk, xi esperti jemmnu li l-kurrent taʼ l-arja li joħloq il-wiżż taʼ quddiem jgħin biex il-bqija tal-qatgħa ssibha iktar faċli biex ittir għax tnaqqas iċ-ċaqliq irregulari taʼ l-arja. Jiġri x’jiġri, donnu li qatgħa li tkun qed tpassi ġeneralment ikun fiha għadd taʼ familji, u wieħed wieħed l-adulti joqogħdu quddiem biex imexxu.
Spiss, il-wiżż tal-Kanada juża l-istess post tal-bejta sena wara l-oħra. Ġeneralment il-bejta tkun magħmula minn materjali sempliċi, bħal zkuk, ħaxix, u ħażiż. Il-wiżż hu monogamu—jiġifieri jkollu sieħeb jew sieħba waħda f’ħajtu kollha. Jekk xi ħadd mit-tnejn imut, dak li jibqaʼ ħaj jistaʼ jaċċetta sieħba oħra. Iżda, ġeneralment jibqaʼ waħdu.
Il-wiżża mara tbid bejn erbaʼ u tmien bajdiet, li mbagħad toqgħod fuqhom għal 28 jum. Il-ġenituri jafu jipproteġu b’mod li ma jħallux lil min jattakka. Meta huma jew iż-żgħar tagħhom ikunu fil-periklu, iż-żewġ adulti jsiru aggressivi mhux ħażin. Bi ġwinħajhom jistgħu jfajru daqqiet qawwijin kontra l-predaturi.
Il-flieles tal-wiżża jibdew jikkomunikaw waqt li jkunu għadhom fil-bajda. Is-sejħa tagħhom tvarja minn twerżiqa mriegħda (li tfisser li huma kuntenti) għal għajta għall-għajnuna. L-adulti wkoll jgħajtu lil xulxin b’diversi modi biex jikkomunikaw maż-żgħar u maʼ xulxin. Fil-fatt, ir-riċerkaturi identifikaw mill-inqas 13-il għajta differenti fost il-wiżż tal-Kanada.
Tabilħaqq, il-wiżż juri li hu għaref minħabba l-istint tiegħu. (Proverbji 30:24) M’għandniex xi ngħidu, il-kredtu kollu jmur għal Alla Ġeħova, dak li għamel kollox—inkluż il-ħlejjaq li jtiru tas-smewwiet.—Salm 104:24.
[Kaxxa/Stampi f’paġna 17]
Kont Taf?
● Malli jfaqqsu l-flieles tal-wiżża, flimkien m’ommhom u missierhom dawn jitilqu mill-bejta għal dejjem. Il-familji ġeneralment jibqgħu flimkien.
● Jingħad li l-wiżż Anser indicus ipassi minn fuq il-Muntanja Everest, li hija għolja kważi 8,900 metru.
● Ċertu wiżż jistaʼ jtir saħansitra 1,600 kilometru mingħajr ma jistrieħ.
● Meta jtir b’veloċità simili għal taʼ wiżżu li jtir waħdu, il-wiżż li jtir fi grupp iħabbat ġwinħajh inqas, u għalhekk qalbu tħabbat b’rata inqas mgħaġġla.
[Sors]
Xellug fuq: U.S. Fish & Wildlife Service, Washington, D.C./Duane C. Anderson
[Sors taʼ l-Istampa f’paġna 16]
Wiżż itir: © Tom Brakefield/CORBIS

