Malti
Tmiem għar-Rovina
/assets/ct/b4d7e1101e/images/syn_placeholder_sqr.png
g00 1/8 p. 30

Tmiem għar-Rovina

Tmiem għar-Rovina

MINN KORRISPONDENT TAʼ STENBAĦ! FIL-​BRITANNJA

“F’dawn l-​aħħar 25 sena terz tad-​dinja naturali ġie meqrud bl-​attività tal-​bniedem.”

HEKK jirrapporta l-​World Wide Fund for Nature (Fond Dinji għan-​Natura). Din l-​istatistika li taħsdek ġiet rivelata fl-​ewwel edizzjoni taʼ l-​Indiċi tal-​Pjaneta l-​Ħajja, analisi ġdida forma taʼ statistika taʼ l-​ambjent tad-​dinja.

Il-konservazzjonisti rrapportaw li l-​foresti tal-​pjaneta naqsu b’10 fil-​mija. Imma din il-​figura taħbi telfiet akbar f’dawk li huma foresti tropikali tax-​xita u f’dawk bi staġun twil taʼ nixfa, biex ma nsemmu xejn dwar il-​qerda taʼ ħafna mill-​ispeċi li jinsabu fil-​foresti, qerda li probabbilment hi taʼ iktar minn 10 fil-​mija, tinnota l-​gazzetta The Independent taʼ Londra. L-​ambjent tal-​baħar sofra telf taʼ 30 fil-​mija. Evidenza taʼ telf bħal dan narawha f’ċerti speċi, bħal dik tat-​tonn tax-​xewka blu fl-​Atlantiku u tal-​fekruna sewda fl-​ilmijiet Asjatiċi li qegħdin dejjem jonqsu fin-​numru. L-​agħar ħaġa hija t-​tnaqqis taʼ 50 fil-​mija fl-​Indiċi taʼ l-​Ekosistemi taʼ l-​Ilma Ħelu, prinċipalment ħtija taż-​żjieda fit-​tniġġis agrikolu u industrijali flimkien maʼ konsum taʼ ilma ferm akbar.

“Il-​konservazzjoni taʼ l-​ekosistemi naturali m’hijiex xi lussu li s-​sinjuri biss jifilħu għalih,” jikkummenta Sir Ghillian Prance, direttur tar-​Royal Botanical Gardens taʼ Kew, Londra, l-​Ingilterra, “imma hija neċessarja biex nassiguraw il-​manteniment tal-​funzjonijiet ekoloġiċi vitali tal-​pjaneta tagħna, funzjonijiet li niddependu fuqhom għas-​sopravivenza tagħna lkoll.” Kull abitant taʼ din il-​pjaneta huwa involut. Mela kif nistgħu naslu għal soluzzjoni globali permanenti?

Taʼ interess, l-​aħħar ktieb tal-​Bibbja, l-​Apokalissi, jirreferi għal dawk in-​nies li qegħdin jeqirdu l-​art. Dan ibassar żmien meta wħud bħal dawn se jiġu meqrudin. (Apokalissi 11:18) Se jkun hemm min jibqaʼ ħaj? Iva, għaliex dan se jiġi permezz taʼ l-​intervent tal-​‘Mulej, Alla li jistaʼ kollox,’ li għandu l-​unika soluzzjoni għall-​problemi ambjentali f’din l-​art kif ukoll il-​qawwa biex iwettaqha. (Apokalissi 11:17) Apokalissi 21:3 jiddeskrivi żmien meta Alla se “jgħammar magħhom [maʼ l-​umanità], u huma jkunu l-​poplu tiegħu.”

Int kif tistaʼ tkun parti mill-​“poplu tiegħu” u jkollok il-​prospett li tara l-​ħsara ambjentali preżenti mreġġaʼ lura? Jekk jogħġbok ikkuntattja lix-​Xhieda taʼ Jehovah fejn toqgħod billi tikteb f’wieħed mill-​indirizzi li tistaʼ ssib f’paġna 5. Jew tkellem magħhom meta jerġgħu jżuruk id-​dar. Huma jieħdu pjaċir jgħinuk titgħallem iktar dwar x’tistaʼ tagħmel preċiż issa biex tkun lest meta Alla jintervieni dalwaqt.