IT-TORRI TAL-GĦASSA—EDIZZJONI GĦALL-ISTUDJU

Dinja Inġusta

Malti
Dinja Inġusta
/assets/ct/28ada02fb0/images/syn_placeholder_sqr.png
w05 11/1 pp. 2-4
Dinja Inġusta

Dinja Inġusta

MA TAQBILX li qed ngħixu f’dinja inġusta? Żgur li taqbel. Wara kollox, huma x’inhuma t-​talenti tagħna u nippjanaw kemm nippjanaw bil-​għaqal ħajjitna m’għandna lebda garanzija li se jkollna ġid, suċċess, jew saħansitra ikel. Ħafna drabi jiġri kif qal l-​għaref Sultan Salamun tal-​qedem: “M’huwiex taʼ l-​għorrief il-​ħobż jew taʼ min jifhem il-​ġid; lanqas taʼ min jinqalaʼ s-​suċċess.” Għala? Għax kif kompla Salamun, “f’kollox jidħol iż-​żmien u ċ-​ċirkustanzi.”—Koħèlet 9:11.

Meta Tiġi “Siegħa Ħażina”

Iva, “iż-​żmien u ċ-​ċirkustanzi,” li ħafna drabi jfissru li tkun fil-​post ħażin, fil-​ħin ħażin, spiss iħassru l-​pjanijiet tagħna li nkunu ppjanajna tant bir-​reqqa u t-​tamiet li tant inkunu ttamajna fihom. Skond Salamun, aħna ‘bħall-​ħut li jidħol f’xibka qarrieqa, bħat-​tajr li jinqabad fix-​xbiek, siegħa ħażina tiġi fuqna għal għarrieda.’ (Koħèlet 9:12) Per eżempju, miljuni taʼ nies jaħdmu bla waqfien biex jikkultivaw l-​art sabiex iġibu l-​ikel għall-​familji tagħhom u jispiċċaw maqbudin f’“siegħa ħażina” meta ma tagħmilx xita u n-​nixfa teqirdilhom il-​prodotti tar-​rabaʼ.

Oħrajn jipprovaw jgħinu, imma anki lgħajnuna li l-​kumplament tad-​dinja tagħti lill-​vittmi li jgħaddu minn “siegħa ħażina” ħafna drabi tidher li hija inġusta. Per eżempju, aġenzija prominenti li tagħti l-​għajnuna qalet li fil-​ġlieda kontra l-​ġuħ fis-​snin reċenti, il-​kontinent kollu taʼ l-​Afrika rċieva biss daqs wieħed minn ħamsa minn kemm intefqu flus fil-​gwerra tal-​Golf. Huwa ġust li dawk li kellhom ir-​riżorsi nefqu ħames darbiet iktar fi gwerra f’pajjiż wieħed minn kemm intefqu flus biex jittaffew l-​uġigħ u s-​sofferenza minħabba l-​ġuħ li hemm f’kontinent sħiħ? U huwa ġust li meta qed ngħixu fi żmien meta ħafna jgawdu ġid materjali wieħed minn kull erbgħa mill-​abitanti taʼ l-​art għadu jgħix f’faqar estrem jew li miljuni taʼ tfal imutu kull sena minn mard li jistaʼ jiġi evitat? Żgur li le!

M’għandniex xi ngħidu, hemm iktar involut miż-​“żmien u ċ-​ċirkustanzi” meta tiġi “siegħa ħażina għal għarrieda.” Ukoll, forzi qawwija li huma iktar b’saħħithom minna jiddominaw il-​ħajjiet tagħna u jiddettaw dak li jiġrilna. Hekk ġara f’Beslan, f’Alania, fil-​ħarifa taʼ l-​2004, meta mijiet taʼ nies, ħafna minnhom tfal żgħar li daħlu lura fl-​ewwel ġurnata tagħhom taʼ l-​iskola, inqatlu f’konflitt aħrax bejn it-​terroristi u l-​forzi tas-​sigurtà. Veru, min miet u min salva f’din it-​traġedja ħafna minnu kien jiddependi miċ-​ċirkustanzi—imma l-​kaġun fundamentali wara din is-​“siegħa ħażina” kienet il-​konflitt tal-​bniedem.

Se Tibqaʼ Sejra Hekk id-​Dinja?

Meta jkunu qed jitkellmu dwar l-​inġustizzji xi wħud jgħidu, “Imma l-​ħajja hekk hi.” “Minn dejjem hekk kienet, u hekk se tibqaʼ.” Skond dawn in-​nies, dawk li huma b’saħħithom se jibqgħu jgħakksu lid-​dgħajfin, u s-​sinjuri jisolħu lill-​fqar. Huma jgħidu li dan, flimkien maż-​“żmien u ċ-​ċirkustanzi,” se jibqaʼ jeffettwana sakemm tibqaʼ teżisti l-​familja umana.

Se jibqgħu sejrin hekk l-​affarijiet? Qatt se jkun possibbli għal dawk li jużaw l-​abbiltajiet tagħhom b’mod intelliġenti u għaqli li jaħsdu premju ġust għax-​xogħol iebes tagħhom? Jistaʼ xi ħadd jagħmel xi ħaġa biex iġib bidla permanenti f’din id-​dinja inġusta? Ikkunsidra dak li għandu xi jgħid l-​artiklu li jmiss fuq dan is-​suġġett.

[Sors tal-​Istampa f’paġna 2]

COVER: Man with a child: UN PHOTO 148426/McCurry/Stockbower

[Sors tal-​Istampa f’paġna 3]

MAXIM MARMUR/AFP/Getty Images