Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

666—Mhux Sempliċement Taħbila tal-Moħħ

666—Mhux Sempliċement Taħbila tal-Moħħ

666Mhux Sempliċement Taħbila tal-​Moħħ

“Ħadd ma jkun jistaʼ jixtri jew ibigħ jekk ma jkollux fuqu l-​marka taʼ isem il-​Bhima jew tan-​numru taʼ isimha. Hawn qiegħed l-​għerf: min għandu moħħu, ħa jobsor x’inhu n-​numru tal-​Bhima, għax numru taʼ bniedem hu. U n-​numru tagħha hu sitt mija u sitta u sittin.”—Apokalissi 13:17, 18.

FTIT hemm suġġetti Bibliċi li qanqlu daqshekk interess u tħassib daqs il-​profezija dwar il-​marka jew l-​isem misterjuż tal-​“bhima salvaġġa”—in-​numru 666. Fuq it-​televixin u l-​Internet, kif ukoll fil-​films, il-​kotba, u r-​rivisti, il-​marka tal-​bhima kienet is-​suġġett taʼ spekulazzjoni li ma tieqaf qatt.

Xi wħud jemmnu li 666 huwa l-​marka taʼ l-​antikrist Bibliku. Oħrajn jgħidu li jissinifika xi forma taʼ identifikazzjoni obbligatorja, bħal xi tatwaġġ jew microchip b’kodiċi diġitali f’persuna li tidentifikaha bħala qaddejja tal-​bhima. Terġaʼ, oħrajn jemmnu li 666 huwa l-​marka tal-​papat Kattoliku. Billi jqiegħdu numri Rumani flok l-​ittri f’forma tat-​titlu uffiċjali tal-​papa, Vicarius Filii Dei (Vigarju taʼ l-​Iben t’Alla), u billi jdawru daqsxejn in-​numri, huma jaslu għan-​numru 666. Nies oħrajn jgħidu li l-​istess numru jistaʼ jiġi kalkulat mill-​isem Latin taʼ l-​Imperatur Ruman Dijoklizju u mill-​verżjoni Lhudija taʼ l-​isem Neruni Ċesari. *

Madankollu, dawn l-​interpretazzjonijiet immaġinarji u vvintati huma differenti ħafna minn dak li tgħid il-​Bibbja nfisha dwar il-​marka tal-​bhima, bħalma se naraw fl-​artiklu li jmiss. Il-​Bibbja tgħid li dawk bil-​marka tal-​bhima se jesperjenzaw ir-​rabja t’Alla meta jtemm din is-​sistema dinjija preżenti. (Apokalissi 14:9-11; 19:20) Għalhekk, li nifhmu t-​tifsir tan-​numru 666 huwa ħafna iktar milli sempliċement insolvu taħbila tal-​moħħ interessanti. B’ferħ, Alla Jehovah, il-​personifikazzjoni nfisha taʼ l-​imħabba u s-​Sors tad-​dawl spiritwali, ma ħalliex il-​qaddejja tiegħu fid-​dlam dwar din il-​kwistjoni importanti.—2 Timotju 3:16; 1 Ġwanni 1:5; 4:8.

[Nota taʼ taħt]

^ par. 4 Għal diskussjoni fuq in-​numeroloġija, ara l-​Awake! tat-​8 taʼ Settembru, 2002.