Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

BIJOGRAFIJA

Esperjenzajna l-qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla b’ħafna modi

Esperjenzajna l-qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla b’ħafna modi

BĦALA raġel żagħżugħ li ħabb lil Alla, missieri, Arthur, ried isir saċerdot Metodist. Imma hu biddel ħsiebu meta qara xi letteratura mingħand l-Istudenti tal-Bibbja u beda jassoċja magħhom. Missieri tgħammed fl-1914, meta kellu 17-il sena. Matul l-Ewwel Gwerra Dinjija, ġie ordnat biex jaqdi fil-militar, iżda rrifjuta li jmur jiġġieled. Allura ġie ssentenzjat għal għaxar xhur fil-Kingston Penitentiary, Ontario, il-Kanada. Wara li ħareġ mill-ħabs, hu sar colporteur, bħalma kienu jissejħu l-pijunieri dak iż-żmien.

Fl-1926, missieri żżewweġ lil Hazel Wilkinson. Ommha kienet tgħallmet il-verità fl-1908. Jien twelidt fl-24 t’April 1931, it-tieni minn erbat itfal. Missieri kien iħobb u jirrispetta l-Bibbja, u għallimna nagħmlu l-istess. Il-qima lejn Ġeħova kienet l-iktar ħaġa importanti f’ħajjitna. Konna nippritkaw regolarment minn dar għal dar bħala familja.—Atti 20:20.

BĦAL MISSIERI, BQAJT NEWTRALI U KONT PIJUNIER

Fl-1939 bdiet it-Tieni Gwerra Dinjija. Is-sena taʼ wara, ix-xogħol tax-Xhieda taʼ Ġeħova fil-Kanada ġie pprojbit. It-tfal tal-iskola kellhom isellmu lill-bandiera u jkantaw l-innu nazzjonali fil-klassijiet tagħhom. Normalment, l-għalliema ħallew lili u lil oħti Dorothy noħorġu mill-kamra waqt li dan kien qed jiġri. Iżda darba minnhom, l-għalliem tiegħi pprova jġegħelni nistħi billi qal li jien kont beżżiegħ. Wara l-iskola, diversi tfal tal-klassi attakkawni u sabbtuni mal-art. Dan ġegħelni biss inkun iżjed determinat biex ‘nobdi lil Alla bħala ħakkiem u mhux lill-bnedmin.’—Atti 5:29.

F’Lulju tal-1942, meta kelli 11-il sena, tgħammidt f’tank tal-ilma f’razzett. Kont nieħu pjaċir nagħmel ix-xogħol taʼ pijunier kull meta kien ikolli l-vaganzi tal-iskola. Illum jissejjaħ pijunier awżiljarju. Sena minnhom, stajt immur maʼ tliet aħwa oħra fit-Tramuntana t’Ontario, fejn konna nippritkaw lin-nies li jaqtgħu s-siġar.

Fl-1 taʼ Mejju 1949, bdejt ix-xogħol taʼ pijunier regolari. Imbagħad ġejt mistieden biex ngħin fix-xogħol taʼ kostruzzjoni fil-fergħa tal-Kanada u iktar tard sirt membru tal-familja taʼ Betel tal-Kanada. Ġejt assenjat fl-istamperija, fejn tgħallimt kif inħaddem il-flatbed press. Niftakarni naħdem il-lejl kollu għal diversi ġimgħat biex ngħin fl-istampar taʼ fuljett dwar il-persekuzzjoni tan-nies taʼ Ġeħova fil-Kanada.

Wara dan, ħdimt fid-Dipartiment tas-Servizz. Kont assenjat biex nintervista lill-pijunieri li kienu se jaqdu fi Quebec, fejn kien hemm persekuzzjoni ħarxa. Waħda minn dawn il-pijunieri kienet Mary Zazula minn Edmonton, Alberta. Il-ġenituri tagħha kienu membri tal-Knisja Ortodossa. Meta Mary u ħuha ikbar minnha rrifjutaw li jieqfu jistudjaw il-Bibbja, il-ġenituri tagħhom tefgħuhom ’il barra mid-dar. Mary u ħuha tgħammdu f’Ġunju tal-1951, u sitt xhur wara bdew jaqdu bħala pijunieri. Matul l-intervista, stajt nara li Mary kienet tħobbu ħafna lil Ġeħova. Niftakarni naħseb li din kienet it-tfajla li xtaqt niżżewweġ. Disaʼ xhur wara żżewwiġna—fit-30 taʼ Jannar 1954. Ġimgħa wara t-tieġ tagħna, jien u Mary ġejna mistidnin biex nitħarrġu għax-xogħol tas-circuit. Fis-sentejn taʼ wara, għamilna dan ix-xogħol fit-Tramuntana t’Ontario.

Hekk kif ix-xogħol tal-ippritkar madwar id-dinja kiber, kien hemm bżonn taʼ iktar u iktar missjunarji. Jien u Mary ħsibna li jekk stajna nissaportu t-temp inġazzat tal-Kanada fix-xitwa u n-nemus fitt fis-sajf, allura stajna nissaportu kullimkien. Aħna attendejna s-27 klassi tal-Iskola taʼ Gilegħad u ggradwajna f’Lulju 1956. Sa Novembru konna fid-dar il-ġdida tagħna—il-Brażil.

XOGĦOL MISSJUNARJU FIL-BRAŻIL

Meta wasalna l-Brażil, bdejna nitgħallmu l-Portugiż. L-ewwel tgħallimna modi ħfief biex nibdew konversazzjoni. Wara dan, tgħallimna bl-amment preżentazzjoni qasira għar-rivisti. Imbagħad, morna fis-servizz tal-għalqa u ltqajna maʼ mara li wriet interess fil-messaġġ li tajnieha. Konna ddeċidejna li jekk inkwilin juri interess, konna naqrawlu skrittura dwar il-ħajja taħt is-Saltna t’Alla. Allura qrajt Rivelazzjoni 21:3, 4—u mbagħad tani ħass ħażin! Ma kontx imdorri f’temp sħun u umdu. Is-sħana kompliet tkun taʼ sfida għalija.

L-inkarigu missjunarju tagħna kien fil-belt taʼ Campos. Illum hemm 15-il kongregazzjoni! Imma meta wasalna, kien hemm grupp iżolat wieħed biss fil-belt kif ukoll dar għall-missjunarji b’erbaʼ aħwa nisa: Esther Tracy, Ramona Bauer, Luiza Schwarz, u Lorraine Brookes (issa Wallen). L-inkarigu tiegħi fid-dar missjunarja kien li ngħin fil-ħasil tal-ħwejjeġ u li nġib l-injam għat-tisjir. Darba waħda, it-Tnejn filgħaxija, wara l-Istudju tat-Torri tal-Għassa, Mary kienet qed tistrieħ fuq is-sufan b’rasha fuq kuxin. Konna qed nitkellmu fuq dak li għaddejna minnu matul il-ġurnata. Meta Mary qamet, ħareġ serp minn taħt il-kuxin! Konna eċċitati mhux ftit sakemm qtilt lil dan il-viżitatur mhux mistenni.

Wara sena nitgħallmu l-Portugiż, bdejna fix-xogħol tas-circuit. Qdejna fi nħawi fejn ma kienx hemm elettriku. Irqadna fuq it-tapiti u vvjaġġajna biż-żiemel u l-karozzin. Darba morna f’belt fil-muntanji bit-trejn biex inkunu nistgħu nippritkaw f’post iżolat. Krejna kamra hemmhekk. L-uffiċċju tal-fergħa bagħtilna 800 rivista biex nużawhom fil-ministeru. Tgħidx kemm domna ġejjin u sejrin l-uffiċċju tal-posta biex nieħdu l-kaxxi bir-rivisti.

Fl-1962, l-Iskola tal-Ministeru tas-Saltna saret f’ħafna postijiet differenti fil-Brażil. Għal sitt xhur, ġejt assenjat biex nivvjaġġa waħdi minn skola għall-oħra. Għallimt klassijiet taʼ studenti f’Manaus, Belém, Fortaleza, Recife, u Salvador. Meta kont Manaus, organizzajt konvenzjoni tad-distrett f’teatru tal-opra famuż. Minħabba xita bil-qliel, ma kienx hemm wisq ilma nadif x’nixorbu, u ma kellniex post adattat għall-aħwa biex jieklu matul il-konvenzjoni. Jien kellimt lil uffiċjal tal-militar u spjegajtlu l-problema tagħna. B’qalb tajba rranġalna biex ikollna biżżejjed ilma tajjeb għax-xorb tul il-konvenzjoni kollha. Ukoll, bagħat suldati biex jarmaw żewġ tined kbar, li użajna bħala kċina u kamra tal-ikel.

Meta kont inkun ’il bogħod mid-dar, Mary kienet tagħti xhieda fi nħawi taʼ negozju fejn ħadd ma kien interessat jitkellem dwar il-Bibbja. In-nies hemmhekk kienu ġew mill-Portugall għall-Brażil biex jagħmlu l-flus. Mary kienet skuraġġita u qalet lil uħud minn ħbiebha, “L-aħħar post fid-dinja li nixtieq ngħix fih hu l-Portugall.” Ftit wara dan irċivejna ittra. Kienet stedina biex naqdu fil-Portugall, fejn ix-xogħol tal-ippritkar tagħna kien projbit. Mary kienet ixxokkjata! Imma aħna aċċettajna l-inkarigu u morna l-Portugall.

L-INKARIGU TAGĦNA FIL-PORTUGALL

Wasalna Lisbona, il-Portugall, f’Awwissu tal-1964. Il-pulizija sigrieta kienu qed jagħmlu l-ħajja taʼ ħutna hemmhekk veru diffiċli. Allura kien jidher għaqli li ma nikkuntattjawx lix-Xhieda tal-lokal mill-ewwel. Fil-bidu, konna noqogħdu f’kamra mikrija. Imbagħad, meta ġibna l-viża, krejna appartament. Wara ħames xhur, ma kienx għad hemm periklu biex nikkuntattjaw lill-aħwa fil-fergħa. Kemm konna ferħanin li fl-aħħar stajna nattendu laqgħa!

Minħabba li x-xogħol tagħna kien projbit, is-Swali tas-Saltna ngħalqu u l-laqgħat tal-kongregazzjoni kienu qed isiru fid-djar tal-aħwa. Il-pulizija kienu jfittxu regolarment fi djarhom. Mijiet minn ħutna rġiel u nisa kienu qed jittieħdu fl-għases tal-pulizija biex jiġu interrogati. Il-pulizija ttrattawhom ħażin u pprovaw jisforzawhom biex jikxfu l-ismijiet tal-aħwa responsabbli. Allura, biex jipproteġu lil xulxin, l-aħwa waqfu jużaw il-kunjomijiet u sejħu lil xulxin bl-ewwel isem biss.

Ngħożżu t-tifkiriet tagħna taʼ iktar minn 60 sena fis-servizz taʼ Ġeħova

L-iskop prinċipali tagħna kien li naċċertaw ruħna li ħutna xorta setaʼ jkollhom il-letteratura li kienet se tgħinhom jissaportu. Mary kienet tittajpja l-artikli għall-istudju tat-Torri tal-Għassa u letteratura oħra fuq tip taʼ karta speċjali. Il-karta mbagħad kienet tintuża bħala stensil biex isiru ħafna kopji għall-aħwa.

NIDDEFENDU L-AĦBAR TAJBA FIL-QORTI

F’Ġunju tal-1966, f’Lisbona kien hemm każ importanti l-qorti. Id-49 membru kollha tal-Kongregazzjoni taʼ Feijó ġew akkużati li attendew laqgħa illegali f’dar taʼ xi ħadd. Biex nippreparahom għall-ġuri, għamilt tabirruħi li kont l-avukat li kien se jipprova juri li l-aħwa kellhom tort. Imma proprju kif stennejna, tlifna l-każ. Id-49 ħu u oħt kollha weħlu xi żmien il-ħabs, minn 45 ġurnata sa ħames xhur u nofs. Imma l-ġuri kien taʼ xhieda kbira. Fil-fatt, matul il-ġuri, l-avukat tagħna saħansitra kkwota kliem Gamaljel mill-Bibbja. (Atti 5:33-39) Wara, il-mezzi tax-xandir irrapportaw dwar il-każ. Konna ferħanin ħafna meta l-avukat tagħna beda jistudja l-Bibbja magħna u jattendi l-laqgħat.

F’Diċembru tal-1966 ġejt inkarigat biex inkun l-indokratur tal-fergħa u qattajt ħafna ħin naħdem fuq kwistjonijiet legali. Għamilna kulma stajna biex nistabbilixxu raġunijiet legali għala x-Xhieda taʼ Ġeħova għandhom ikunu jistgħu jqimu bil-libertà fil-Portugall. (Filippin 1:7) Fl-aħħar, fit-18 taʼ Diċembru 1974, ġejna rikonoxxuti legalment. Ħutna Nathan Knorr u Frederick Franz ġew mill-kwartieri ġenerali biex jifirħu magħna. Kellna laqgħa li bqajna niftakruha f’Oporto u Lisbona, b’attendenza taʼ 46,870 ruħ.

Ġeħova wkoll għen ix-xogħol tal-ippritkar jikber fi gżejjer fejn in-nies jitkellmu bil-Portugiż, bħall-Azores, Cape Verde, Madejra, u São Tomé u Príncipe. Hekk kif in-numru taʼ Xhieda f’dawn il-postijiet żdied, kellna bżonn taʼ fergħa ikbar. Wara li nbniet, Ħuna Milton Henschel ta t-taħdita tad-dedikazzjoni fit-23 t’April 1988. Kien hemm 45,522 ħu u oħt fl-attendenza, inkluż 20 li kienu missjunarji fil-Portugall u li kienu ġew għad-dedikazzjoni.

TGĦALLIMNA MINN EŻEMPJI TAʼ LEALTÀ

Mal-medda taż-żmien, jien u Mary tassew ħadna gost nitgħallmu minn aħwa leali. Pereżempju, meta ħdimt maʼ Ħuna Theodore Jaracz matul żjara taż-żona, tgħallimt lezzjoni imprezzabbli. Il-fergħa li konna qed inżuru kellha problema kbira, u l-Kumitat tal-Fergħa għamel kulma setaʼ biex jgħin. Ma ħassewhomx tajjeb li ma setgħux jagħmlu iktar. Allura Ħuna Jaracz farraġhom billi qalilhom: “Issa huwa l-waqt li nagħtu l-wisaʼ lill-ispirtu qaddis biex jaħdem.” Ukoll, mhu se ninsa qatt xi ħaġa li Ħuna Franz qal ħafna snin ilu meta jien u Mary konna qed inżuru Brooklyn. Grupp minna talbuh parir, u qalilna: “Is-suġġeriment tiegħi hu: Ibqgħu mal-organizzazzjoni viżibbli taʼ Ġeħova kemm fil-maltemp u kemm fil-bnazzi. Hija l-unika waħda li qed tagħmel ix-xogħol li Ġesù kkmanda lid-dixxipli tiegħu biex jagħmlu—ippritkaw l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla!”

Dan ix-xogħol għamel lili u lil Mary tassew ferħanin. Ukoll, għandna memorji prezzjużi taż-żjajjar taż-żona li għamilna fil-fergħat madwar id-dinja. Ħadna gost niltaqgħu mal-qaddejja taʼ Ġeħova kbar u żgħar u nassigurawhom li s-servizz tagħhom lil Ġeħova hu apprezzat. Dejjem inkuraġġejniehom biex ikomplu jaqduh.

Għaddew ħafna snin, u t-tnejn li aħna issa qbiżna t-80 sena. Mary għandha diversi problemi taʼ saħħa. (2 Korintin 12:9) U kellna provi oħrajn. Imma dawn il-provi saħħewlna l-fidi u għamluna iktar determinati li nżommu l-integrità tagħna lejn Ġeħova. Meta nħarsu lura lejn is-snin li qattajna naqdu lil Ġeħova, aħna nafu li berikna bil-qalb tajba li ntweritilna b’mod ġeneruż b’ħafna u ħafna modi. *—Ara n-nota taʼ taħt.

^ par. 29 Waqt li dan l-artiklu kien qed jiġi ppreparat għall-pubblikazzjoni, Douglas Guest miet leali lejn Ġeħova fil-25 t’Ottubru 2015.